#32
1 ta' Marzu 2025
“Bil-Labour Migration Policy qed nipproponu bidla sostanzjali fil-ħaddiema minn pajjiżi terzi” p2
Nota mill-Edituri
Omar Vella
Nirayl Grech
M
eta nsemmu s-suġġett tal-ħaddiema, bla dubju titfaċċa l-mistoqsija illi ladarba l-Maltin u l-Għawdxin fis-suq tax-xogħol żdiedu, għalfejn għad hawn bżonn ta’ iktar barranin biex jaħdmu f’Malta? It-tweġiba għal din il-mistoqsija nistgħu neħduha jekk inħarsu lejn id-djar tal-anzjani, sptarijiet u setturi oħra tal-ekonomija, fejn il-ħaddiema barranin qed jaqdu ħtiġijiet importanti f’oqsma bħal dawn, kruċjali għall-ekonomija ta’ pajjiżna imma wkoll għal benesseri taċ-ċittadin tagħna.
Welcome to Malta! This way for immigration pass
Ma’ dawn, irridu nżommu quddiem għajnejna wkoll li l-popolazzjoni Maltija qiegħda kull ma jmur tixjieħ u tgħix aktar, għalhekk il-bżonnijiet ta’ ħafna nies, partikolarment tal-anzjani se jibqgħu magħna u mhumiex se jgħibu kif ġieb u laħaq. Dawn ir-realtajiet kollha flimkien jiġġustifikaw il-ħtieġa ta’ ħaddiema barranin għal ċertu xogħlijiet, anki għal dawk ix-xogħlijiet li l-ħaddiema Maltin ma tantx huma entużjasti li jidħlu għalihom.