TFAL MISSJUNARJI NEWSPAPER POST No.91
Matul is‑sena skolastika 2021/2022 dan il‑magażin ser jitqassam b’xejn.
Frar / Marzu 2022
90
sena ħidma għall‑missjoni
(VO/1178)
2 Editorjal | 3 Messaġġ Mill‑Koordinatriċi Ta’ MissioTfal | 4 Il‑Paġna Ta’ Rafiki 6 MissioTfal Għawdex | 7 Ir‑Rużarju Missjunarju | 11 Aħbarijiet U Kurżitajiet Mid‑Dinja Kollha 13 Kraft Tradizzjonali | 14 Riċetta Tradizzjonali | 15 Kompetizzjonijiet Bi Premju
Għeżież Tfal,
Nota: It‑tfal kollha huma mħeġġa jidħlu fil‑paġna ta' Facebook Missio Malta Events Page/ Tfal Missjunarji fejn jistgħu jsibu diversi logħbiet u attivitajiet ta' interess.
Kif intom? Sewwa jgħidu li ż‑żmien ma jistenna lil ħadd! Diġà ninsabu fix‑xahar ta’ Frar; xahar li lili jfakkarni fi tliet dati importanti: Il‑Miġja ta’ Missierna San Pawl f’Malta, nhar l‑10 ta’ Frar, Jum San Valentinu, nhar l‑14 ta’ Frar, u l‑Jiem tal‑Karnival li jibdew mill‑Ġimgħa 25 ta’ Frar. Kollha kemm huma festi ta’ ferħ u mħabba. Imbagħad f’Marzu jibda ż‑Żmien tar‑Randan, nhar l‑Erbgħa 2 ta’ Marzu, żmien ta’ sagrifiċċju u penitenza. Fir‑rivista ta’ dawn ix‑xahrejn, minbarra l‑paġni tas‑soltu, fejn inkomplu naraw u niltaqgħu ma’ aktar skejjel u attivitajiet li saru, il‑paġni tal‑kordinaturi u ta’ Rafiki, kif ukoll aħbarijiet, kurżitajiet u kompetizzjonijiet, ħejjejna għalikom ir‑Rużarju Missjunarju. Din it‑Talba tar‑Rużarju tingħad l‑istess, biss matulha nitolbu u niftakru b’mod partikolari fil‑kontinenti, u l‑pajjiżi u n‑nies li jgħixu fihom. Inħeġġukom biex bħala familja, jew fil‑klassi, tgħidu din it‑talba wisq sabiħa u tant għall‑qalb il‑Madonna. Qabel inħallikom nixtieq infakkarkom biex ma tinsew qatt lil ħutkom tfal missjunarji u titolbu għalihom biex huma wkoll isiru jafu dwar Ġesù. Matul ir‑Randan tajjeb li bħala sagrifiċċju, minflok tixtru l‑ħelu, warrbu xi ħaġa mill‑‘pocket money’ tagħkom għal dawn it‑tfal biex ikollhom x’jieklu, x’jilbsu, saqaf fuq rashom u edukazzjoni xierqa. Il‑ħabiba tagħkom,
Claudia Stampa tal‑faċċata: U Ġesù qalilhom: “Ħalluhom it-tfal iż-żgħar jiġu għandi, u la żżommuhomx, għax ta’ min hu bħalhom hija s-Saltna tas-Smewwiet.” MATTEW 19:14
TFAL MISSJUNARJI: RIVISTA GĦAT‑TFAL LI TOĦROĠ BEJN OTTUBRU U MEJJU Missio Nru. 150, Triq Lorenzo Gafà, il‑Mosta MST 4128 Tel: 2123 6962 | e‑mail: nancy@missio.org.mt Ħinijiet: Mit‑Tnejn sal‑Ġimgħa: 9:00am – 4:00pm Is‑Sibt: 9:00am – 12:00pm Missio Nru. 7, Triq l‑Imgħallem, ir‑Rabat Għawdex. Tel: 2155 0267 | e‑mail: gozo@missio.org.mt Ħinijiet: Mit‑Tnejn sal‑Ġimgħa: 8:30am – 12:00pm
Jien. Int. Aħna. Flimkien. (VO/1178)
Editriċi: Claudia Cini | e‑mail: claudia@missio.org.mt Grafika: James Trapani | e‑mail: gakbu@gakbu.com Qari tal‑Provi – John Caruana Pubblikazzjoni: Missio Malta
2
© Copyright: L‑ebda parti minn dan il‑magażin ma tista’ tiġi ppubblikata mingħajr il‑permess tal‑pubblikaturi.
MESSAĠĠ MILL‑KOORDINATRIĊI TA’ MISSIO TFAL Nancy Camilleri
Għeżież Tfal, Illum xtaqt nikteb ftit fuq l‑użu tal‑‘kelma’. Issa, permezz tat‑teknoloġija, aħna kapaċi nwasslu l‑messaġġ tagħna madwar id‑dinja kollha f’sekonda billi nagħfsu buttuna fuq il‑kompjuter jew mowbajl. Ħafna drabi nikkomunikaw mingħajr lanqas biss inkunu nafu ma’ min qed nitkellmu, mingħajr ma nisimgħu u mingħajr ma nħarsu lejn wiċċ il‑persuna l‑oħra. Allura, naħseb li dan ma jfissirx li nkunu qed nikkomunikaw tajjeb. Tagħmel konverżazzjoni ma jfissirx biss li titkellem, imma jfisser li tiltaqa’ ma’ dak li jkun, tkun miegħu, tagħti kas, tifhem, tidħaq miegħu u fuq kollox tkun
ħabiba ta’ veru. Din it‑tip ta’ komunikazzjoni qed nitilfuha! Qed nispiċċaw nikkomunikaw mingħajr ma ngħidu kelma. Qed nirriskjaw li nitilfu l‑kapaċità li nikkomunikaw ta’ vera, il‑kapaċità li naħsbu u li nkunu kreattivi. Jekk ma nibqgħux nikkomunikaw ma’ xulxin, ma nkunux nistgħu naqsmu l‑ideat u nkunu kreattivi. Jekk nitilfu l‑kreattività, x’futur ikollna? Nirriskjaw li għalkemm nikkomunikaw, xorta waħda nispiċċaw waħedna.
Li nikkomunikaw kif suppost hija arti. Huwa don li nikkomunikaw, li nkunu flimkien, anki jekk bid‑distanza, li nitkellmu, li nisimgħu, nilagħbu u nitbissmu; dan kollu jagħmilna ferħanin.
3
IL‑PAĠNA TA’ RAFIKI
Ħelow Tfal,
F
’Diċembru li għadda, MissioTfal kienu mistednin għall‑attivitajiet tal‑Milied fil‑Kulleġġ Santa Margerita Skola Primarja l-Isla. Ma’ xi wħud mit‑tfal tkellimna dwar il‑Ġermanja, il‑pajjiż li fih bdiet it‑tradizzjoni tal‑iStar Singers. Dawn bdew waqt sinodu li kien sar f’Konstanz, fil‑Milied tal‑1417, fejn xi tfal lebsin ta’ Maġi u bi stilla kbira f’idejhom kantaw għanjiet tal‑Milied quddiem l‑isqfijiet. Il‑messaġġ kien li huma, bħall‑Maġi, jimxu wara l‑istilla tagħhom li huwa Ġesù, filwaqt li offrew donazzjoni għall‑Knisja. Minn hemm ’il quddiem l‑iStar Singers bdew isiru popolari mal‑pajjiżi kollha. Ħafna tfal 4
kienu jmorru jkantaw fit‑toroq għal donazzjoni żgħira sabiex joffruha lill‑missjoni. Mal‑istudenti ż‑żgħar għamilna kuruni tar‑rejiet biex nixbhu lit‑tfal li jimxu wara l‑istilla tagħna ‑ Ġesù, u wara kantajna xi għanjiet u rrekordjajniehom. Mal‑istudenti l‑kbar għamilna wkoll presepji tal‑kartun. Mill‑kaxxi taċ‑ċereali għamilna l‑grotot u waħħalna bil‑kolla stampi tal‑pasturi fuq il‑kartuna, qasqasniehom u poġġejniehom fil‑grotot. Nirringrazzjaw lill‑Kap tal‑Iskola u l‑Assistenti Kapijiet li tawna din l‑opportunità sabiħa.
Għ
amilna wkoll sessjonijiet kulturali onlajn mal‑istudenti tal‑Iskola ta’ Pembroke fejn tkellimna dwar l‑Awstralja, il‑kontinent fejn jgħixu Tribujiet Aboriġini. Dawn
jużaw metodu ta’ komunikazzjoni meraviljuż, li huwa wkoll arti straordinarja msejħa ‘Dot Art’. Din tikkonsisti f’arti magħmula minn tikek ikkuluriti li joħolqu disinji donnhom jinqalgħu ’l barra mpittra
dwar dawn il‑pitturi u l‑istejjer li kienu jirrakkontaw permezz tagħhom. Għalhekk, l‑għada filgħodu ħeġġeġ lit‑tfal ipinġu dak li jridu fuq ħajt fl‑iskola, u ħarġet tpinġija straordinarja. Huwa ħeġġiġhom biex dak li jpinġu jpinġuh fuq it‑tila biex jitgawda minn kulħadd, u minn dak iż‑żmien ’il hawn din it‑teknika nfirxet u tista’ titgawda anki f’ħafna pajjiżi.
f’xi għerien jew fil‑ħamrija. Kien mezz ta’ komunikazzjoni li huma biss jifhmu u li jużawh fir‑riti. Xi kultant jużaw din it‑teknika anki biex jiżbgħu wiċċhom u ġisimhom, u huma u jiżfnu d‑disinn jiġi qisu maqlugħ ’il barra. Din it‑teknika skoprieha Geoffrey Bardon fl‑1971,
K li kien għalliem tal‑arti ta’ studenti Aboriġini. Darba, wara l‑iskola, beda jisma’ xi ġenituri jitkellmu
ellna wkoll l‑avveniment ta’ kull sena ‘Santa in the City’, fejn Santa Klaws qassam is‑‘soft toys’ lil kull min ta donazzjoni. Flimkien mal‑voluntiera għamilna tlett ijiem niltaqgħu ħdejn is‑suq tal‑Belt. Kien ta’ pjaċir għalina li magħna kellna l‑kor ta’ Phyillisienne Brincat. Din l‑attività kienet tassew suċċess. 5
MISSIOTFAL GĦAWDEX Dun Renato Borg
L‑Ewwel Missjunarju li jemmnu fih u jimxu warajh ikunu lkoll aħwa bejniethom u jgħinu lil xulxin. Barra minn hekk, Ġesù wriena wkoll li dak kollu li aħna nagħmlu ma’ min hu fil‑bżonn, inkunu qegħdin nagħmluh miegħu. Matul ħajtu fuq din l‑art Ġesù wera kemm iħobb, b’mod partikolari lill‑fqir u lill‑batut.
Għeżież Tfal, Illum xtaqt niktbilkom dwar l‑ewwel missjunarju li kien hawn fid‑dinja. Tafu min kien? Ħadd ħlief Ġesù Kristu. Dan għaliex Ġesù kien l‑ewwel wieħed li ġie mibgħut minn Alla l‑Missier fid‑dinja mhux biss biex iħabbar il‑Bxara t‑Tajba tal‑Vanġelu, iżda billi huwa stess kien il‑Vanġelu ħaj. Kristu kien dak li wettaq din il‑Bxara t‑Tajba għax uriena l‑imħabba tal‑Missier, u kien lest li jbati u jieħu l‑mewt għalina kollha. Imbagħad Kristu qam rebbieħ fuq il‑mewt u bagħat lid‑dixxipli tiegħu mad‑dinja kollha biex ixandru dak kollu li huwa kien għamel, jiġifieri juru l‑imħabba kbira li biha Alla jħobb lil kull wieħed u waħda minna. Dan Ġesù mhux biss wera li ġie għal kulħadd u li jħobb lil kulħadd, iżda jrid ukoll li dawk kollha 6
Għeżież, aħna lkoll imsejħin biex inkomplu din il‑missjoni tal‑ewwel missjunarju. Dan nistgħu nagħmluh anke b’affarijiet żgħar. L‑ewwel u qabel kollox tajjeb li nkunu missjunarji ċkejknin fil‑familja u fl‑iskola tagħna, billi ngħinu lil min ikollu bżonn l‑għajnuna tagħna. Imbagħad inkunu dejjem lesti li ngħinu lit‑tfal tal‑missjoni. Nixtieq nagħmlilkom suġġeriment ċkejken: ta’ kull ġimgħa agħmlu xi sagrifiċċju ċkejken, billi xi darba ma tixtrux ċikkulata jew ‘soft drink’, u l‑flus li tiġbru agħtuhom lit‑tfal tal‑missjoni. Ġesù tant jieħu pjaċir, li meta mmorru ħdejh jgħidilna: “Kont bil‑ġuħ u tmajtuni; kont bil‑għatx u sqejtuni; kont bla ħwejjeġ u libbistuni…” Dak li nagħtu lill‑oħrajn inkunu qegħdin inpoġġuh fil‑bank tal‑ħajja ta’ dejjem u għalhekk ma jispiċċa qatt.
Il‑Mulej iberikkom.
IR‑RUŻARJU MISSJUNARJU DINJI Addattat Minn Claudia Cini
Kien l‑Arċisqof Fulton Sheen (1895‑1979) li fis‑sena 1951 ħoloq ir‑Rużarju Missjunarju Dinji. L‑għan ewlieni tiegħu kien li għandna ‘Inħaddnu d‑Dinja Kollha fit‑Talb’. Ir‑Rużarju Missjunarju Dinji jingħad l‑istess bħar‑Rużarju li aħna mdorrijin bih, biss kull misteru għandu kulur marbut miegħu li jirrappreżenta wieħed mill‑ħames reġjuni tad‑dinja. Il‑kuluri tal‑ħames Misteri Missjunarji huma:
L‑Ewwel Misteru – l‑aħdar – għall‑ħdura tal‑foresti tal‑Kontinent Afrikan.
It‑Tieni Misteru – l‑aħmar – għad‑demm tal‑martri tal‑Kontinent tal‑Amerika.
It‑Tielet Misteru – l‑abjad – għall‑Kontinent tal‑Ewropa, fejn jgħix il‑Papa, li jsejjaħ għal evanġelizzazzjoni ġdida.
Ir‑Raba’ Misteru – l‑ikħal – għall‑ilma ta’ madwar il‑Gżejjer tal‑Oċeanja.
Il‑Ħames Misteru – l‑isfar – għal tlugħ ix‑xemx fuq il‑Kontinent tal‑Asja.
Matul dawn l‑erbgħin jum tar‑Randan, li jibdew nhar l‑Erbgħa 2 ta’ Marzu, qed nistednukom tgħidu dan ir‑Rużarju speċjali. F’kull posta niftakru f’dak li Ġesù għamel matul il‑ħajja tiegħu fid‑dinja, filwaqt li nitolbu lil Ommna Marija billi noffru kull posta għal wieħed mill‑5 kontinenti tad‑dinja. Qabel kull posta tistgħu tixegħlu xemgħa kkulurita li tirrappreżenta l‑kontinent li tkunu qed titolbu għalih. Ix‑xemgħat għandhom ikunu fejn ma jintlaħaqx mit‑tfal u l‑annimali domestiċi. It‑tfal żgħar qatt ma għandhom iżommu xemgħa mixgħula. Ikkunsidra li tipprovdi xemgħat li jaħdmu bil‑batteriji għat‑tfal. Ġenitur/Gwardjan Legali għandu jiddeċiedi meta t-tfal ikunu maturi biżżejjed biex jixegħlu xemgħa dejjem b’superviżjoni ta’adult.
7
Nixegħlu x‑xemgħa l‑ħadra u nitolbu għall‑Kontinent tal‑Afrika.
Nixegħlu x‑xemgħa l‑ħamra u nitolbu għall‑Kontinent tal‑Amerika.
Nixegħlu x‑xemgħa l‑bajda u nitolbu għall‑Kontinent tal‑Ewropa.
Nixegħlu x‑xemgħa l‑kaħla u nitolbu għall‑Kontinent tal‑Oċeanja.
Nixegħlu x‑xemgħa s‑safra u nitolbu għall‑Kontinent tal‑Asja. 8
L‑ewwel posta:
Ġesù jirċievi l‑missjoni tiegħu mill‑Ispirtu s‑Santu wara li jitgħammed fix‑xmara Ġordan. It‑tieni posta: Ġesù jxandar
l‑aħbar it‑tajba tas‑Saltna t’Alla, b’mod speċjali lill‑foqra u l‑maħqurin.
(Naħsbu fin‑nies foqra li jgħixu fl‑Amerika t’Isfel, li għalkemm l‑imħabba lejn Ġesù hija ħajja ħafna
It‑tielet posta:
Ġesù jfejjaq lill‑morda.
Ir‑raba’ posta:
Ġesù joffri l‑ilma ħaj lil dawk kollha li jemmnu.
It‑ħames posta:
Ġesù jgħallem lid‑dixxipli tiegħu kif għandhom jitolbu lill‑Missier.
(Naħsbu fit‑tfal foqra fl‑Afrika u nitolbu biex Ommna Marija tipproteġihom u biex isibu nies ġenerużi li jipprovdulhom djar, ikel, ilma, mediċini u edukazzjoni.) fosthom, hemm ħafna tbatijiet minħabba l‑faqar, mard u inġustizzji. Mill‑banda l‑oħra, minkejja li fl‑Amerika ta’ Fuq in‑nies huma sinjuri, dawn iħossuhom imdejqin u jfittxu l‑ferħ fid‑droga u l‑alkoħol li jagħmlulhom ħafna ħsara. Nitolbu lil Ommna Marija biex tgħin lil dawn in‑nies fid‑diffikultajiet tagħhom.) (Naħsbu f’dawk in‑nies li m’għadhomx isibu ċans jitolbu. Hemm bżonn nerġgħu nibdew nisimgħu u naqraw il‑Kelma t’Alla u ngħaddu ftit minuti kuljum ma’ Ġesù biex dan il‑kontinent jerġa’ bħal dari jkollu fidi kbira f’Alla. Nitolbu lil Ommna Marija biex turina dak li jixtieq minna binha Ġesù.) (Naħsbu fil‑25% tan‑nies minn dan il‑kontinent li huma Kattoliċi li għandhom nuqqas kbir ta’ komunikazzjoni bejn gżejjer u tribujiet differenti. Nitolbu lil Ommna Marija biex ikun hemm l‑għaqda fost in‑nies u biex ikompli jinxtered it‑twemmin f’Ġesù.)
(Naħsbu fin‑nies li sofrew minħabba d‑diżastri naturali li seħħew fl‑aħħar snin f’dan il‑kontinent. Ħafna missjunarji u voluntiera jħallu l‑ħajja komda tagħhom biex jgħinu lil nies fil‑bżonn. Nirringrazzjaw lil Alla għal dawn in‑nies tal‑ġid li qed jagħmlu u nitolbu lil Ommna Marija biex it‑tfal fl‑Asja jibdew jgħixu ħajja aktar komda u ma jaqtgħu qalbhom minn xejn.) 9
Talba lil Ġesù Msallab: Hawn jien, O Ġesù maħbub tiegħi, Mixħut quddiem il‑preżenza tiegħek, Nitolbok bl‑akbar ħrara Li tnissel fil‑qalb tiegħi Sentimenti ta’ fidi, ta’ tama, ta’ mħabba, Ta’ ndiema kbira ta’ dnubieti u fehma sħiħa Li ma noffendik qatt iżjed; Filwaqt li bl‑imħabba u l‑ħniena kollha Sejjer inġib quddiem għajnejja Il‑ħames pjagi tiegħek, Nibda minn dak li qal fuqek Il‑qaddis profeta David: “Nifduli jdejja u riġlejja, U għaddewli għadmi kollu.” Missierna, Sliema u Glorja. 10
AĦBARIJIET U KURŻITAJIET MID‑DINJA KOLLHA il‑fondazzjoni għadha għaddejja sal‑lum il‑ġurnata.
Għajnuna bil‑Luminata lexandra Scott hija l‑fundatriċi tal‑Alex Lemonade Stand Foundation. Din it‑tifla twieldet fl‑1996, u ftit wara li għalqet sena mardet bil‑kanċer tat‑tfal imsejjaħ neuroblastoma. Imma Alexandra qatt ma qatgħet qalbha, sakemm fis‑sena 2000 irċeviet ‘stem cell transplant’. Hija qalet lil ommha li meta toħroġ mill‑isptar riedet tagħmel ‘Lemonade Stand’ biex tgħin lit‑tobba jsibu kura għal din il‑marda ħalli jgħinu tfal oħra bħalha. Iktar tard dik is‑sena wettqet din il‑ħolma u bl‑għajnuna tal‑familja tagħha ġabret mal‑2,000 dollaru għall‑isptar. Dan il‑‘Lemonade Stand’ baqa’ jsir ta’ kull sena għal din il‑kawża sabiex dan l‑isptar isib kura għal din il‑marda daqshekk kiefra. L‑aħbar ta’ dak li kienet qed tagħmel din it‑tifla nfirxet mad‑dinja kollha u ħafna nies minn kull parti tad‑dinja kienu jibagħtu l‑flus għal din il‑kawża. B’xorti ħażina, f’Awwissu tal‑2004, Alexandra tilfet din il‑battalja fl‑età żgħira ta’ 8 snin. Sa dakinhar kienet laħqet ġabret miljun dollaru! Din
A
M
ikaila Ulmer kellha biss 4 snin meta tniggżet minn naħla. Għalkemm kienet tibża’ minnhom, bdiet titgħallem fuqhom. Meta ntebħet kemm in‑naħal jagħmel ġid fid‑dinja, hija ġietha l‑idea li tuża r‑riċetta tal‑luminata tan‑nanna tagħha u żżid l‑għasel minflok zokkor biss, u b’hekk toħloq għarfien dwar l‑importanza tan‑naħal fid‑dinja. B’dan il‑mod ħolqot il‑prodott ‘Me and the Bees Lemonade’. Bdiet tbigħ dan il‑prodott quddiem id‑dar tagħha stess u tagħti ftit mill‑profitt lill‑organizzaturi lokali u internazzjonali li jiġġieldu biex isalvaw in‑naħal. Illum din it‑tfajla ta’ ħmistax‑il sena tbigħ il‑luminata tagħha, li tista’ ssibha f’ħames togħmiet differenti, u n‑negozju tagħha kiber 500 fil‑mija! Din ix‑xarba hija famuża fl‑aqwa ristoranti, kjosks tal‑ikel u ma’ dawk li jbigħu u jixtru ikel naturali. Mill‑profitti Mikaila tgħin lill‑Healthy Hive Foundation.
I
ż‑żewġt aħwa tfajliet Indoneżjani, Melati u Isabel Wijsen, huma attivisti favur il‑klima u huma magħrufin 11
għall‑isforz tagħhom għall-inqas konsum ta’ plastik f’Bali permezz tal‑kampanja ‘Bye Bye Plastic Bags’. Kien fl‑2013, meta Melati ta’ 12‑il sena u Isabel ta’ 10 snin, bdew din il‑kampanja kontra l‑boroż li jintużaw darba biss. Huma riedu laqgħa mal‑gvernatur biex iniedu din il‑kampanja. Ir‑riżultat ta’ din il‑kampanja kien li dan il‑gvernatur, I Made Mangku Pastika, iffirma liġi li twaqqaf l‑istytofoam, boroż tal‑plastic u straws minn dan il‑pajjiż b’effett mill‑2018. Fl‑2017, it‑tfajliet
tkellmu fil‑United Nations World Ocean Day, li saret fi New York. U sena wara ġew nominati bħala t‑25th Most Influential Teens of 2018 mill‑magażin Time. Fl‑2019, sar anki dokumentarju fuq Melati Wijsen jismu ‘Bigger Than Us’. Melati hija wkoll il‑fundatriċi tal‑Youthtopia, li hija pjattaforma tal‑‘Youth Empowerment’.
Eżempji sbieħ: Grazzi mill‑qalb tal‑bolol li tajtu lil Missio Tfal. Dawn jinbiegħu lill‑kollezzjonisti u l‑qligħ minnhom imur b’risq proġetti fil‑missjoni.
KIF TISTA’ TGĦIN LIT‑TFAL FIL‑MISSJONI: € 3 - Par żarbun għal tifel jew tifla fil‑missjoni € 30 - Uniformi u materjal tal‑iskola għal tifel/tifla minn familja fqira € 55 - Mogħża tal‑ħalib għal familja żvantaġġata € 104 - Lavanji tal‑‘braille’ għal tfal neqsin mid‑dawl Ibgħat id‑donazzjoni tiegħek lil ‘Missio’ Nru. 150, Triq Lorenzo Gafà, il‑Mosta MST 4128 Jew fuq: www.missio.org.mt Għal aktar dettalji ċemplu fuq 21236962 fil‑ħinijiet tal‑uffiċċju.
GRAZZI! 12
KRAFT TRADIZZJONALI Nancy Camilleri
KARTOLINA FORMA TA’ QALB MILL‑BOŻNIJA‑ĦERZEGOVINA
X’għandek bżonn:
Metodu: 1. Itwi l‑kartonċina fi tnejn biex tifforma kartolina. 2. Bil‑lapes pinġi fin‑nofs fuq quddiem qalb kbira. 3. Bil‑labra tat‑tepistri taqqab il‑qalb billi timxi fuq il‑linja tal‑lapes. Importanti li tħalli ftit spazju bejn toqba u oħra. 4. Daħħal biċċa suf mhux twila ħafna, fil‑labra u agħmel għoqda f’tarf minnhom. 5. Ibda għaddi l‑labra minn toqba għall‑oħra, billi tibda minn ġewwa għal barra u minn isfel għal fuq, u wara, minn fuq għal isfel. Kompli billi tgħaddi mix‑xellug għal‑lemin u mil‑lemin għax‑xellug.
Kun żgur li tissorvelja lit‑tfal meta jużaw labra u ħallihom jagħmluha biss jekk tkun komdu biha.
• Kartonċina • Lapes • Labra tat‑tepistri • Kobba suf preferibbilment aħmar • Mqass (MHUX bil-ponta) • Kolla
6. Meta jispiċċalek is‑suf, erġa’ aqta’ biċċa oħra u kompli bl‑istess proċedura. 7. Ibqa’ sejjer/sejra hekk sakemm tuża t‑toqob kollha (ara l‑istampa). 8. Sabiex fuq ġewwa ma jibqax jidher is‑suf, tista’ taqta’ biċċa kartonċina daqs il‑faċċata u twaħħalha bil‑kolla fuq kollox. 9. Ikteb messaġġ ta’ mħabba lil xi ħadd għażiż għalik u għaddihielu Tista’ wkoll iżżejjen il‑kartolina minn ġewwa għall‑gosti tiegħek. 10. Din il‑kartolina hija ideali ħafna għal Jum San Valentinu, jew okkażjonijiet oħra biex nuru l‑imħabba tagħna lejn persuni oħra.
Kont taf li: l‑Bożnija‑Ħerzegovina huwa pajjiż li għandu forma ta’ qalb? Dan jinsab fil‑qalba tax‑Xlokk tal‑Ewropa. Hawnhekk iċ‑ċiviltajiet tal‑Lvant u tal‑Punent jiltaqgħu flimkien. Mill‑parti ta’ fuq sal‑parti ċentrali tal‑pajjiż tissejjaħ ‘bosana’ li tfisser ‘ilma’ – Bożnija, filwaqt li n‑naħa t’isfel, li kienet okkupata mill‑Ottomani, hija Ħerzegovina. Il‑belt kapitali hija Sarajevo. Hawn jinsab Medjugorje, post magħruf ħafna fejn bosta nies imorru f’pellegrinaġġi u sabiex iżuruh. Meravilja ta’ dan il‑pajjiż hija li fih nsibu nies li jħaddnu reliġjonijiet differenti, fosthom l‑Iżlam, l‑Ortodossi u l‑Insara, u li jgħixu flimkien f’armonija.
13
RIĊETTA TRADIZZJONALI Claudia Cini
PUDINA TAR‑ROSS MILL‑IRAQ
X’għandek bżonn (għal 4 persuni): • 600 millilitru ħalib tal‑lewż (mhux ħelu) • 3 bsaten tal‑kannella • 5 imsiemer tal‑qronfol • 80 gramma zokkor ismar artab • 420 gramma ross twil • 40 gramma ‘coconut’ mitħun • 100 gramma passolina • 100 gramma ġewż imqatta’ • Melħ tal‑baħar (jekk tiggosta)
Metodu: • Ġo kazzola kbira għalli flimkien il‑ħalib, iz‑zokkor, il‑bsaten tal‑kannella u l‑imsiemer tal‑qronfol. • Żid il‑‘coconut’ u r‑ross, baxxi n‑nar u ħallih itektek sa ma jsir ir‑ross, filwaqt li tħawwad kultant. • Żid il‑passolina u l‑ġewż, ħawwad sew u ħallih itektek għal ftit ħin ieħor. • Ferrex il‑melħ (jekk trid) u servi. • Inkella tista’ tferra’ f’erba’ tazzi u sservi wara li jibirdu. • Din il‑pudina hija ideali bħala ‘snack’ sħun fix‑xitwa jew bħala kolazzjon.
Noşîcan Be (L‑Ikla t‑Tajba) Nota: It‑tisjir huwa sabiħ speċjalment meta t‑tfal jagħmluh ma’ dawk li jieħdu ħsiebhom, però importanti li nieħdu l‑miżuri ta’ sigurtà meħtieġa. Qabel tibda ħu ħsieb aħsel idejk sew, inża’ l‑ġojjellerija, neħħi xagħrek minn quddiem wiċċek u ilbes ilbies addattat. Itlob l‑għajnuna ta’ persuna adulta, speċjalment jekk ser tuża oġġetti li jaqtgħu, ser tuża n‑nar u/jew l‑elettriku.
Kont taf li: l‑belt kapitali Bagdad hija l‑akbar belt fil‑pajjiż? Il‑maġġoranza tal‑popolazzjoni, li hija ftit aktar minn 36 miljun, huma Għarab u Kurdi, filwaqt li 95 fil‑mija huma Musulmani. Il‑lingwi uffiċjali huma l‑Għarbi u l‑Kurd. L‑Iraq ħa l‑indipendenza tiegħu minn mal‑Ingilterra fl‑14 ta’ Lulju 1958. Fl‑Iraq issib żewġ xmajjar: Tigris u Euphrates, filwaqt li Cheekah Dar hija l‑ogħla muntanja. 84 fil‑mija tal‑irġiel jafu jiktbu u jaqraw, filwaqt li 64 fil‑mija tan‑nisa huma litterati. L‑Iraqini setgħu jibdew jużaw il‑mowbajl wara s‑sena 2003, minkejja li l‑mowbajls kien ilhom li daħlu fil‑Lvant Nofsani sa mill‑1995. Dan għaliex taħt il‑gvern ta’ Saddam il‑mowbajls kienu pprojbiti. Fil‑preżent, 78 fil‑mija tal‑Iraqini għandhom mowbajl. 14
KOMPETIZZJONIJIET BI PREMJU FRAR ‑ MARZU 2022 Ibgħat is‑soluzzjoni t‑tajba flimkien ma’ ismek, kunjomok, l‑età u l‑indirizz, hekk:
Iż‑żewġ kompetizzjonijiet jistgħu jintbagħtu fl‑istess invilopp.
Tfal Missjunarji – Kompetizzjonijiet, Nru.150, Missio, Triq Lorenzo Gafà, il‑Mosta MST 4128
1. SIB IT‑TRIQ
Ara jirnexxilekx issib it‑triq ’il barra mill‑qalb! Ibda mill‑vleġġa ta’ fuq ix‑xellug u sib it‑triq ’il barra mill‑vleġġa tal‑lemin. Tnejn mit‑tweġibiet tajbin jirbħu pokit tal‑iskola.
2. KOMPETIZZJONI TAL‑KITBA
Qed inħeġġukom sabiex tiktbulna u/jew tpinġulna dwar kif bdejtu s‑sena l‑ġdida. Għamiltu xi proponiment? Kellkom xi esperjenza unika? Inħallu f’idejn l‑immaġinazzjoni tagħkom. L‑ewwel ittra li nirċievu tirbaħ kupun ta’ €10 li jissarraf mill‑ħanut Faith, Hope & Charity fil‑Belt Valletta. Il‑kitbiet u t‑tpinġijiet kollha nippubblikawhom fir‑rivisti tax‑xhur li ġejjin.
TFAL MISSJUNARJI – Programm għat‑tfal bi produzzjoni ta’ MissioTfal u preżentazzjoni ta’ Claudia Cini. Kull nhar ta’ Ġimgħa fit‑3:30pm fuq Radju Marija 102.3FM (Malta) / 107.8FM (Għawdex).
15
KOMPETIZZJONIJIET BI PREMJU FRAR ‑ MARZU 2022 ISEM U KUNJOM: INDIRIZZ:
__________________________________________________________________
______________________________
_______________________________________________________________________________________________________________
________________________________________________________________________________
SKOLA:
ETÀ:
KODIĊI POSTALI: ______________________________
__________________________________________________________________________________________________________________
Soluzzjonijiet tal‑Kompetizzjonijiet ta’ Ottubru‑Novembru 2021 – Ħarġa Nru.89.
1. SIB IT‑TRIQ
2. KITBA U TPINĠIJA
Ir‑rebbieħa tal‑kompetizzjonijiet huma Ana Zammit mill‑Imtarfa, Katya Grima minn is-Sannat u Katrin Abela minn Santa Luċija.
Grazzi lil kull min bagħtilna t‑tweġibiet. Prosit lir‑rebbieħa! Huma jirċievu ittra bil‑posta mingħandna biex ikunu jistgħu jiġbru r‑rigal tagħhom.
16
(VO/1178)