Skip to main content

Nimxu Id F'Id - Lulju 2020

Page 1

Il-Madonna tal-Isperanza, ir-Ramla l-Ħamra Kif tixhed it-tabella li hemm f’nofs il-pedestall, kien ċertu Ġanni Gauci, pulizija stazzjonat ir-Ramla, li għamilha fl-1881. Bil-Bambin fuq idha, il-Madonna qiegħda titfa’ ħarsitha lejn il-baħar biex tipproteġi lill-baħħara u lis-sajjieda. Fl-isfond jidher ukoll l-Għar tal-Mixta. Ritratt meħud fl-20 t’April 2020 - Martin A ttard Ritratt tal-faċċata:


Għandek

Minuta?

Nimxu Id F’Id Lulju 2020

Ħarġa Nru. 485

Żagħżugħ wasal bil-lejl fil-belt ta’ Chicago u beda jdur biex isib xi mkien fejn jorqod. Ma riedx imur fit-triq prinċipali għax lukandi f’dawk in-naħiet normalment jkollhom prezzijiet ferm iktar għoljin minn lukandi f’toroq inqas imfittxija. U sab lukanda żgħira bi prezzijiet raġjonevoli. Irreġistra hemm, ħadulu ritratt tal-passaport, ħallas depożitu u mexxewh lejn il-kamra tiegħu fejn seta’ jħalli l-bagalja li kien qed iġorr. Peress li kien għadu l-ħin iddeċieda li joħroġ u jqatta’ ftit sigħat idur mal-belt imbagħad jerġa’ lura biex jorqod. Iżda meta pprova jmur lura ma setax isib il-lukanda. U lanqas kellu idea la x’jisimha u lanqas it-triq. Qatta’ siegħa jdur u jagħqad iżda għalxejn. Iddeċieda li jidħol f’lukanda oħra biex iqatta’ l-lejl hemm u mbagħad l-għada filgħodu jsib il-lukanda li fiha kellu l-bagalja u ħwejġu. Iżda anki l-għada sabha diffiċli jsib il-lukanda. Imma ma riedx jitlob l-għajnuna għax ħassu jaqa’ għaċ-ċajt. U hekk qatta’ jumejn ifittex u kellu jonfoq ftit flus sewwa biex jixtri xi ħwejjeġ biex ikun jista’ jbiddel. Fl-aħħar ma kellux għażla. Mar f’uffiċċju tat-turisti u tkellem mal-iskrivana. Wara li staqsietu xi żewġ mistoqsijiet intebħet f’liema naħa tal-belt kien qiegħed meta rreġistra l-ewwel darba. Imbagħad bdiet tqalleb ktieb li fih kien hemm r-ritratti tal-lukandi tal-belt. Għażlet tnejn jew tlieta u bdiet turih l-faċċati tagħhom. Malajr intebaħ liema kienet il-lukanda li fiha kien daħal l-ewwel darba. Tilef vaganza sabiħa f’Chicago għax ma riedx isaqsi. Donnu qatt ma sema’ l-proverbju li “l-mistoqsija oħt il-għerf.” Forsi iktar jgħodd għalih il-qawl: “Min ma jsaqsix jibqa’ ħmar.” U dan ma jgħoddx biss għal min ikun tilef triqtu f’Chicago. Jgħodd għalina wkoll meta nibqgħu lura milli nsaqsu għax nibżgħu li ser naqgħu għaċ-ċajt jew li sħabna ser jirredikulawna.

1


Wirt il-Fundatur Dun Ġorġ ħallielna teżor. . . f’kitbietu

Il-Mexxej tal-Għomja - Dux Cœcorum L-agħma jeħtieġ li jkollu fiduċja f’min imexxih. Int min int, isma’ u studja. . . Sentenzi meħudin minn ktejjeb ta’  Qatt tafda fil-ħila tiegħek, għax int ma Dun Ġorġ Preca tiflaħx kollox. bl-isem

Dux Cœcorum: Il-Mexxej  Jekk l-l-iblah iżomm is-silenzju jkun stmat tal-Għomja ta’ għaref. li deher biċċa biċċa fil-Kalendarju Museumin 1953/1957

L-ewwel ifhem, u mbagħad wieġeb.

Kun af li inti ġejt fid-dinja mhux għalik waħdek, iżda wkoll għall-oħrajn. 

2


Stejjer marbuta ma’

Giovanni Battista Montini

San Papa Pawlu VI Filippo Mapelli, ix-xufier ta’ Montini meta dan kien Arċisqof ta’ Milan, jirrakkonta li darba f’jum twelidu Montini tah rigal speċjali. Tah radju tal-karozza fil-waqt li qallu: Dan rigal għalik biex meta tkun qed tistennieni tkun tista’ tisma’ xi mużika jew l-aħbarijiet. Ix-xufier ikompli. . . Matul il-ħin li kont inkun qed insuq bl-Arċisqof fil-karozza qatt ma kont nixgħel ir-radju għax kont naf li Mons Montini kien jippreferi li jgħid ir-rużarju u xi talb ieħor mas-segretarju. U jien fejn naf kont ngħid magħhom ukoll. Imma għalija r-radju kien verament rigal sabiħ għax min jaf kemm segwejt partiti tal-futbol meta kont inkun nistennieh waqt li l-Arċisqof ikun qed jieħu sehem f’xi ċerimonja reliġjuża jew inkella profana. Il-fatt li ħaseb f’dan ir-rigal juri l-qalb tajba ta’ dan l-Papa qaddis. Mapelli jkompli jirrakkonta. . . Kull meta konna nkunu sejrin xi mkien u kien jara xi żagħżugħ jerfa’ idejh biex nagħtuh ride, Mons Montini kien jgħidli biex nieqfu u nistednuh jirkeb. Ħafna drabi min jirkeb kien jindiehex ftit meta jara l-Arċisqof fuq in-naħa ta’ wara tal-karozza imma dan malajr kien jikkalmah għax jibda jkellmu qisu ilu jafu żmien. Darba rikkibna żagħżugħ li minn taħt ilsien qalli li hu Lhudi u li ma kellux flus biex jixtri biljett tat-trejn. Għalhekk kien qed jieħu rides ma’ dak u mal-ieħor sakemm jasal Turin. Qabel ħareġ mill-karozza l-Arċisqof qallu: “Hawn ħabib għandek flus biżżejjed biex tixtri l-biljett tat-trejn biex tasal Turin.”

Giovanni Battista Montini. . . . . .kien Kardinal Arċisqof ta’ Milan li fil-21 ta’ Ġunju 1963 ġie magħżul bħala l-Papa l-ġdid u ħa l-isem ta’ Pawlu VI. Miet fis-6 t’Awwissu 1978 u ġie ddikjarat qaddis fl-14 t’Ottubru 2018.

3


. . .jikteb Dr. Coronato Grech Għaliex il-ħaxix huwa aħdar? Għaliex mhux blu jew kuluri oħrajn? Ir-raġuni għaliex il-ħaxix huwa aħdar hija għax fiċ-ċelloli tal-weraq hemm kimika ħadra msejħa klorofil li hija ħadra. Li fiha tal-għaġeb din il-kimika hija l-kapaċità li, mill-ilma li jitla’ mill-ħamrija, mill-gass carbon dioxide li tieħu mill-arja, u mid-dawl tax-xemx, (li huwa forma ta’ enerġija), kapaċi tifforma zokkor bħal ikel għall-pjanta, waqt li fl-istess ħin titfa’ ossiġnu fl-arja. B’hekk il-pjanti jżommu l-bilanċ tal-carbon dioxide u l-ossiġnu fl-arja. Fuq kollox il-pjanti bil-klorofil u fotosintesi jevitaw l-orruri tal-annimali li biex jgħixu jridu bilfors joqtlu lil xulxin jew jieklu l-pjanti. Ħafna kienu l-bijoloġisti li studjaw il-fotosintesi. Fost dawn insibu l-Belġjan Jan van Helmont (1580-1644), l-Olandiż Jan Ingenhousz (1730-1799), u l-Isvizzeru Jean Senebier (1742-1809). U għalkemm illum nafu anki l-formola kemikali, li hija kkumplika ħafna, però għadna ma nafux kollox fuq il-fotosintesi. Issa jekk trid tkun ‘fitt’ naqra iktar, tista’ tistaqsi l-mistoqsija (apparentament żejda) għaliex il-klorofil huwa aħdar? It-tweġiba għal din il-mistoqsija teħodna fid-dinja kkulurita tad-dawl u l-ilwien, dinja li kien investigaha wkoll Newton. Newton sab li d-dawl tax-xemx huwa magħmul minn taħlita ta’ kuluri (li sejħilha ‘spektrum’), li huma aħmar, oranġjo, isfar, aħdar, blu, indigo u vjola, u li oġġett jidher skont liema kuluri jassorbi u liema jirrifletti. Oġġett li jirrifletti kollox jidher abjad, oġġett li jassorbi kollox jidher iswed. Issa, il-klorofil huwa aħdar għax jassorbi l-kuluri kollha u jirrifletti l-aħdar li narawh b’għajnejna. (Ħafna mill-ħaxix tal-baħar, għalkemm fih ukoll il-klorofil, dan jirrifletti aktar il-kuluri ħamranija. Spegazzjoni għal dan hija ħafna iktar ikkumplikata).

4


. . .jikteb Ritchie Grech In-Nagħma In-nagħma hi l-akbar tajra fid-dinja tagħna u ma ttirx. Hi waħda mil-lista ta’ tjur li kien ipprojbit li jittiekel mil-Lhud. Insibu diversi referenzi għaliha fil-Bibbja, fosthom: “Ġewnaħ in-nagħma jħabbat bil-qawwa, iżda n-nagħma bħall-għarnuq ma ttirx. Meta titlaq fuq l-art il-bajd tagħha, u tħallihom jisħnu fit-trab, ma jiġix f'moħħha li xi riġel jista' jgħaffiġhom, jew tirfishom xi bhima selvaġġa. Twebbes qalbha għal frieħha, qishom mhumiex tagħha, ma tinkeddx jekk jisfa’ fix-xejn ix-xogħol tagħha. Dan għax Alla ċaħħadha mill-għerf, u ma taha l-ebda sehem fid-dehen. Iżda xħin tagħti s-salt u tirranka, tisfida liż-żiemel u r-rikkieb” [Ġob 39:13-18]. U wkoll: “noqgħod nibki bħax-xakalli, u nnewwaħ bħan-nagħma” [Mik. 1:8]. Fil-Lamentazzjonijiet insibu:

“Bint il-poplu tiegħi kiefra bħan-nagħma fiddeżert” [Lam. 4:3]. Il-profeta Isaija jwiddeb lill-ġnus: “Fil-palazzi tagħha jinbet ix-xewk; għollieq u ħurrieq fil-fortizzi tagħha. Issir kenn għax-xakalli, u bitħa għanngħam” [Is. 34:14]. U l-profeta Ġeremija jwiddeb lill-għedewwa tal-Lhud: “Għalhekk għad jgħammru fiha l-bhejjem tax-xagħri u x-xakalli, u hemm joqogħdu n-ngħam. Qatt iżjed ma tkun mgħammra, u aktar fiha ma joqgħod ħadd, minn żmien għal żmien” [Ġer. 50:40].

5


Fatti, tagħrif u figuri li jqanqlu stagħġib. . . u forsi tbissima. Id-dinja tal-mużika bkiet meta fl-2010 saret taf li l-vjolinista ta’ fama mondjali Min Jin Kym kienet sfat vittma ta’ ħallelin li rnexxielhom jeħdulha l-vjolin li kien jiswa fuq miljun lira sterlina għax kien magħmul miċ-ċelebri Stradivarius. Serquhulha meta kienet f’ħanut tieħu tazza te f’Euston Station f’Londra. Xejn u ħadd ma seta’ jsabbar lil din il-vjolinista għat-telfa li ġarrbet għax vjolin ta’ Stradivarius hu oġġett li rari ssib bħalu fis-suq. U jekk issib trid il-miljuni biex tiksbu. Iżda f’Lulju 2013 il-pulizija Brittaniċi rnexxielhom isibuh moħbi ma’ oġġetti misruqa oħra. Li jolqtok f’dan kollu hu li Stradivarius żgur li qatt ma dabbar somom kbar għall-vjolini li kien jagħmel. Ftit mijiet ta’ dollari jekk naqilbu prezzhom bi flus tal-lum. Mur għidlu li fi żmien 300 sena kull wieħed minnhom ser ikun jiswa l-miljuni.

6


Fi Spanja fil-knisja tal-Ħniena fil-bidu tas-sena 2013 kien hemm parruċċana jisimha Cecilia Gimenez ta’ 82 sena li ppruvat tirrestawra pittura antika ta’ xi mitt sena tal-Ecce Homo. U għamlet vroma. Flok irrestawratu, irvinatu. Ħadulu ritratt u l-immaġni rvinata tal-pittura dar mad-dinja. U hekk sar famuż. Tant li fix-xhur ta’ wara (sa Lulju 2013) żaruh 40,000 turista meta qabel ħadd jew ftit kienu jidħlu f’din il-knisja żgħira ta’ Zaragoza. U l-artista xiħa saret famuża tant li tatha għall-pittura u għamlet wirja tax-xogħlijiet tagħha. Sieħeb ta’ meta nsterqet il-Mona Lisa mill-Mużew talLouvre f’Pariġi. Iktar kienu marru nies jaraw il-frame vojt milli kienu jmorru jaraw il-pittura.

F’Lulju 2013 il-Papa Franġisku rċieva rigal mhux tas-soltu. Wasal għandu Isqof Arġentin u wassallu ftit ostji li kienu għamlu l-ħabsin ta’ ħabs f’Buenos Aires. Il-Papa tant apprezza dan il-ġest mill-ħabsin li kitbilhom nota personali ta’ radd il-ħajr fejn wegħidhom it-talb tiegħu u xtaq li anke huma jitolbu għalih. Għall-ħabsin din l-ittra hi verament xi ħaġa għażiża ħafna.

7


Is-Sars, il-Pesta u l-Ġdiem Is-SARS mhuwiex influwenza. Is-SARS (Severe A cute Respiratory Syndrome) huwa kkawżata minn tip ta’ virus ieħor imsejjaħ Coronavirus li normalment jikkawża pulmonite (pnewmonja) u l-irjiħat (common cold). Jaħsbu li dan is-SARS daħal filbniedem minn tip ta’ friefet il-lejl imsejħin horseshoe bats. Biex seta’ jsir kapaċi jinfetta l-bniedem, jaħsbu li dan il-virus inbidel fis-civet (annimal karnivoru jixbah lill-qattus imma mhux qattus. Saqajh qosra, ġismu twil u geddumu twil u widejh qosra. Jinstab fl-Ewropa, l-Asja u l-Afrika). Din il-pandemija li bdiet iċ-Ċina fl-aħħar tassena 2019 (Covid-19) hi kkawżata minn virus imsejjaħ SARSCoV-2.

8

Il-Pesta, imbagħad, hija kkawżata minn bacterium bl-isem ta’ Yersinia pestis. Bl-Ingliż il-pesta msejħa plague. Pereżempju l-Black Death hi pandemija li ħassret lill-Ewropa mill-1347 sal-1351. Qatlet wieħed minn kull tlieta. Kien iġorrha għall-bniedem il-bergħud (oriental rat flea Xenopsylla Cheopis) li kien jaqbeż minn fuq il-far (rat - ġurdien kbir) għal fuq in-nies. Il-Ġdiem (il-lebbra, leprosy, imsejħa wkoll Hansen Disease) hija kkawżata minn bacterium imsejjaħ Mycobacterium leprae.


Niktbu bil-Malti tajjeb. . . Kont taf li fil-Malti nittraduċu ‘climate change’ bħala ‘tibdil fil-klima’? Kelma li bħalissa qed tiddomina l-aħbarijiet hija ‘climate change’ u bil-Malti dan il-fenomenu nsejħulu ‘tibdil fil-klima’. Il-‘global warming’, li bil-Malti nittraduċu din il-frażi bħala ‘tisħin globali’, huwa meqjus bħala l-akbar theddida li ser tolqot lill-pjaneta u lill-umanità fuq skala globali fis-snin li ġejjin. Skont l-esperti, it-tisħin globali qed jiġi kkawżat minn żieda fil-‘greenhouse gases’, li bil-Malti nsejħulhom ‘gassijiet serra’, prodotti mill-bniedem. Kif nistgħu niġġieldu t-tibdil fil-klima u t-tisħin globali? Il-qlib mill-‘fossil fuels’ (karburanti fossili) għal sorsi ta’ ‘renewable energy’ (enerġija rinnovabbli) għandha tkun waħda mill-prijoritajiet globali fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. Agħti ħarsa lejn il-forom prinċipali ta’ enerġija rinnovabbli li ġejjin u tgħallem kif tista’ tgħidhom bil-Malti: solar energy = enerġija tax-xemx jew enerġija solari wind power plant = park jew impjant eoliku geothermal energy = enerġija ġeotermali hydroelectric power plants = impjanti idroelettriċi biomass fuels = karburanti tal-bijomassa biofuels = bijokarburanti

Tagħrif mogħti lilna minn Pristineworks Ltd. Għal aktar tagħrif żuru: http://www.pristineworks.com

9


Mid-Djarju tal-Qasam Dan ix-xahar ser inqallbu ftit id-djarji tal-passat u naraw ftit ir-rabta li l-Qasam tagħna għandu mal-Palk li dejjem emmen fih bħala pulptu modern li jwassal messaġġi u tagħlim Nisrani kemm lill-atturi kif ukoll lill-udjenza li tkun qed tattendi. Fil-kalendarju tal-Qasam, ta’ kull sena ntellgħu play fil-vaganzi tal-Għid, oħra fil-Ġimgħa Museumina fil-grawnd u play oħra fil-Milied. Dan minbarra plays żgħar li jittellgħu fin-novena tal-Milied u fil-Ġimgħa Marjana minn żmien għal ieħor. L-ewwel attività li ttellgħet fil-Ġimgħa Museumina (li ssir fl-ewwel ġimgħa ta’ Awwissu) kienet dik tas-sena 1971. Dakinhar kien tbierek il-grawnd mid-Dekan Dun Frans Camilleri. Kien il-Ħamis 12 t’Awwissu u biex jitfakkar dan l-avveniment intwera film drammatizzat blisem Mid-Dnub għall-Grazzja. Minn dik is-sena ’l quddiem bdiet tittella’ play jew film jew slide feature li għalih kienu jattendu ħafna nies. Din id-drawwa baqgħet issir tant li s-sena l-oħra tellajna play maħduma fuq diversi stejjer tal-qaddisin bl-isem ta’ Il-Ħajja Nżul u Tlajja’ li fiha ħadu sehem għexieren ta’ atturi żgħar u kbar. Imma l-plays kienu jsiru wkoll ġewwa. Għal żmien il-Milied kienu jittellgħu plays marbuta man-novena tal-Milied jew inkella xi farsa għal żmien il-vaganzi tal-Milied. Kien jintrema palk żgħir fis-sala t’isfel fejn issir iċ-Ċena tas-Sinjur. Għalkemm is-sala ma kenitx kbira, din kienet isservi biex in-novena tal-Milied issir ġo fiha, kemm għall-primarji kif ukoll għas-sekondarji.

10


Meta mbagħad fl-1983 beda l-bini tal-faċċata, u fl-1986 tlesta l-bini tal-Kappella/Sala, sar xogħol fuq il-palk li issa kellu jkun ferm ikbar minn dak ta’ qabel. L-ewwel play li ttellgħet fis-sala l-ġdida kienet fuq il-ħajja ta’ San Franġisk t’Assisi bl-isem ta’ Int fejn Sejjer? kitba ta’ Ġwann Abela OFM. Fuq dan il-palk ttellgħu diversi plays għal żmien il-Milied, fosthom Musicals, bħal dak ta’ Skruġ u Tama li Rebħet, u l-fares ta’ Spiru li kienu jittellgħu qrib l-Istrina. Malli kien jgħaddi l-Milied wieħed kien jaħseb għall-play tal-Għid. Dawn kienu jsiru dejjem fis-Sala ta’ fuq. Fl-1986 ittellgħet il-play fuq il-ħajja ta’ San Massimiljanu Kolbe, kitba ta’ Mons Salv Borg. Maż-żmien beda jinxtara apparat u makkinarju aktar sofistikat biex ix-xenarju jkun jista’ jinbidel minn att għal ieħor mingħajr dewmien. Mill-1987 sal-lum baqgħet tittella’ play ta’ kull sena (din is-sena ntilfet minħabba l-Covid-19) bi plays fuq San Tumas More, Fr Michael Pro, Oliver Twist, Ġrajja ta’ Żewġt Ibliet u bosta oħrajn. Uħud minnhom anke rrepetejniehom fil-grawnd fil-Ġimgħa Museumina f’Awwissu. Żgur li jekk ikollok tgħodd in-numru ta’ tfal u adolexxenti li ħadmu fuq il-palk jew inkella minn wara l-kwinti matul dawn is-snin kollha, dawn jgħoddu l-mijiet! Imma m’għandix dubju li kollha jistqarru kemm għandhom memorji sbieħ ta’ dawn ir-reċti li jibqgħu jiftakru fihom ħajjithom kollha.

Mark Tista’ taqra wkoll il-fuljett f’forma diġitali. Żur il-Paġna tal-Facebook: http://www.facebook.com/MuseumSubien Nadur

11


Fuljett maħruġ mill-Museum tas-Subien tan-Nadur Għal forma diġitali żur: http://www.facebook.com/MuseumSubien Nadur


Turn static files into dynamic content formats.

Create a flipbook
Nimxu Id F'Id - Lulju 2020 by Michael Debono - Issuu