Skip to main content

Nimxu Id f'Id - Dicembru 2021

Page 1

Ritratt tal-faċċata: Il-Pitirross - Ismu ġej mill-kliem Taljan petto rosso li jfisser sider aħmar. Dan l-għasfur ipassi fi gżiritna f’Ottubru u jqatta’ x-xhur tax-xitwa magħna. Huwa għasfur territorjali u jiġġieled ma’ kull min jidħollu fit-territorju tiegħu. Skont leġġenda Ingliża, is-sider aħmar ġabu meta mar jaqla’ xewka minn ras Ġesù Msallab. Il-pitirross huwa protett bil-liġi u ġeneralment imut meta jinżamm f’gaġġa. Ritratt meħud fit-30 t’Ottubru 2021 - Martin A ttard


Ħarġa Nru. 502

Għandek Minuta? Nimxu Id F’Id Diċembru 2021

Jonny Benjamin kellu storja sabiħa x’jirrakkonta fil-Milied tas-sena 2013. Għax eżatt sitt snin qabel meta kien għaddej minn żmien diffiċli ħafna ddeċieda li jtemm ħajtu billi jaqbeż minn fuq il-Waterloo Bridge f’Londra. Ħajtu kienet saret għoqda waħda ta’ ħsibijiet u ġrajjiet li dehru bla soluzzjoni. Iżda inzerta għaddej xi ħadd li ntebaħ x’ser jagħmel Jonny. Waqaf jitolbu jmur miegħu jieħdu kafè u joqogħdu jitkellmu. Stqarr miegħu: “Jien ukoll bħalek ftit xhur ilu kont ser inneħħi ħajti. Illum nifhem kemm kont żbaljat.” Jonny sema’ minn dan il-ħabib anonimu. Mar miegħu f’ħanut fil-qrib, ħadu kafè flimkien, qasmu bejniethom lesperjenzi tagħhom u nfirdu. Kienu għaddew biss ftit minuti flimkien iżda kien żmien biżżejjed biex Jonny intebaħ bl-iżball li kien ser iwettaq. Għax il-ħajja minkejja kollox tibqa’ sabiħa. Fil-Milied ta’ sitt snin wara Jonny għamel appell fuq it-TV biex jerġa’ jiltaqa’ ma’ dan il-ħabib anonimu li salvalu ħajtu. Ma rnexxilux isibu iżda xorta ried juri apprezzament pubbliku għal dak li kien għamel miegħu. Kien għalih qisu s-Samaritan it-tajjeb u eżatt bħal tal-Vanġelu baqa’ anonimu. . . bla isem. Fil-ħajja aħna wkoll nistgħu nkunu Samaritani tajbin anki jekk ma niltaqgħu ma’ ħadd li ser ineħħi ħajtu b’idejh. Niltaqgħu ma’ nies li jkunu jixxennqu għal ftit għajnuna. Ejja nagħtuhielhom bla ma nippretendu ħlas jew pubbliċità. Il-Mulej għad iħallasna fil-wisa’ għal kull għajnuna li nagħtu. U jekk dan jgħodd għas-sena kollha żgur li jgħodd ftit iżjed fix-xahar tal-Milied li fih infakkru l-ġenerożità tal-Mulej Ġesù lejna l-bnedmin.

1


Wirt il-Fundatur Dun Ġorġ ħallielna teżor. . . f’kitbietu

SAN ĠUŻEPP Il-Wiċċ ta’ Ġesù Kristu San Ġużepp kien qiegħed jistenna b’ħerqa kbira li jara s-Salvatur taddinja li kien ilu moħbi ġa disa’ xhur fil-ġuf verġinali ta’ Marija Santissma. Kien persważissimu li kien Alla magħmul bniedem dan li kellu joħroġ u jsaltan għal dejjem fid-dar ta’ Ġakobb. Wasal il-mument! F’nofsillejl, ġewwa l-għar ta’ Betlem, il-Verġni Mbierka, mingħajr ma ssofri l-pwieni u l-inkomodi universali tal-ommijiet, iġġib fid-dinja l-mixtieq minn tant sekli, u wara li nfaxxatu, qegħditu fil-maxtura. U hija, flimkien ma’ San Ġużepp, ma kinux jafu jaqalgħu għajnejhom mill-wiċċ tal-imwiegħed Messija. Wiċċ ta’ tarbija li, billi għadha kemm twieldet, kien jiftaħ u jagħlaq l-għajnejn suwed tiegħu, u kien jiftaħhom lejn min, kollu mħabba, kien tant qrib tiegħu. L-ewwel għajnejn li raw is-saħħa ta’ Alla u l-ewwel uċuħ li raw ’l Alla magħmul bniedem kienu dawn ta’ San Ġużepp u ta’ Marija Santissma. Permezz tal-Ittra Appostolika Patris corde Papa Franġisku pproklama s-sena 2021 bħala sena ddedikata lil San Ġużepp. Fit-8 ta’ Diċembru 1870 Papa Piju IX iddikjara lil San Ġużepp bħala l-Patrun tal-Knisja Kattolika. Qegħdin inġibu ħsibijiet mill-ktieb SAN ĠUŻEPP ta’ Dun Ġorġ Preca miktubin lejn tmiem is-snin għoxrin.

2

Diċembru


Il-Mistoqsija Oħt il-Għerf Min ivvinta l-bicycle? Ħafna taw il-kontribut tagħhom biex għandna l-bicycle tal-lum imma bosta jsostnu li l-idea prinċipali ġiet mingħand il-Franċiż Pierre Michaux li fl-1861 ħareġ bl-ewwel mudell. Naturalment matul is-snin sar ħafna tibdil għall-aħjar. L-ewwel mudell ma kienx irħis tant li jikkalkulaw li kien jiswa paga ta’ sitt xhur. Immaġina llum bicycle komuni ta’ xi 4,000 ewro!

Diċembru

3


Aċċidenti li spiċċaw

skoperti u invenzjonijiet

. . .jikteb Dr. Coronato Grech

(. . .ikompli mill-ħarġa tax-xahar ta’ Novembru)

Il-Penicillin Fil-1928 it-tabib Skoċċiż Alexander Fleming, meta rritorna lejn il-laboratorju tiegħu wara vaganza, sab li xi batterji li kien qed jikkultiva qrib tieqa, kienu waqfu jikbru. Huwa sab li xi spori ta’ fungu li kumbinazzjoni waqgħu fuqhom kienu qed joqtluhom. L-ispori kienu tal-ispeċi Penicillium u minn hemm ġie żviluppat l-antibijotiku Penicillin. Dawn li rajna fl-aħħar artikli ta’ dan il-fuljett kienu xi ftit minn aċċidenti li spiċċaw invenzjonijiet. Ovvjament ġraw ħafna iktar u għadhom jiġru. Ovvjament ukoll, mhux dejjem kien hemm xi ħadd intelliġenti josserva. Dawn il-ftit li rajna ma seħħewx fix-xejn. Forsi l-aħjar kwotazzjonijiet fuq dan jgħidhom Edison stess: 

There is no substitute for hard work.

Our greatest weakness lies in giving up.

4

Genius is one percent inspiration and ninety nine per cent perspiration. Diċembru


. . .jikteb Ritchie Grech Il-Qoton Il-qoton ma jissemmiex dirett fil-Bibbja. Imma hemm silta fil-ktieb ta’ Ester li tiddeskrivi r-rikezza li kellu s-sultan tal-Persja Aħasweros (486-465 QK) fil-palazz tiegħu fil-belt ta’ Susa. Huwa kien għamel ikla fuq sebat ijiem għal kulħadd. “Kien hemm purtieri bojod u vjola mdendla bi ħbula tal-għażel u l-porpra b'ħoloq tal-fidda ma' kolonni tal-irħam. Poġġew divani rrakkmati bid-deheb u l-fidda fuq paviment iċċangat bil-mużajk tal-porfir, irħam, madriperla, u ħaġar imżewwaq” [Ester 1,6]. Imma xi verżjonijiet differenti jittraduċu “purtieri bojod tal-qoton.” Fid-Dewteronomju nsibu l-kmand: “Tilbisx libsa minsuġa mis-suf u l-kittien” [Dt 22,12]. X’aktarx li ‘suf’ qed jirreferi għall-qoton. Għalkemm ma jissemmiex, żgur li kien jintuża mil-Lhud għax kien jitkabbar fil-pajjiż ġar tal-Eġittu. Anke ħafna Lhud kienu jikkultivawh meta waslu l-Art Imqaddsa, jikkummerċjawh u jilbsuh bħala lbies tal-qoton. Fatt interessanti, skont Guido Lanfranco f’Malta (Ħxejjex Mediċinali, 1993), fil-pesta tal-1675 kien maħsub li t-tajjar u s-suf jġibu l-pesta u għalhekk il-gvern kien ordna li l-uċuħ tal-qoton jiġu abbandunati u ħallewhom biex jikluhom il-baqar u bhejjem oħra. F’Malta u Għawdex kien jitkabbar il-qoton Malti, qoton ta’ Gallipoli u qoton aħmar. Diċembru

5


Fatti, tagħrif u figuri li jqanqlu stagħġib. . . u forsi tbissima. Fil-jiem tal-Milied 2013 u fil-ġranet ta’ wara, f’ħanut tal-kafè fil-belt Franċiża ta’ Nice bl-isem ta’ La Petite Syrah kien hemm avviż daqs tabella fuq bieb u li kien jidher sew. Kien jgħid hekk: Min jidħol u jitlob kważi bil-herra tazza kafè jħallas 7 euro Min jidħol u jgħid: “Jekk jogħġbok xħin tkun tista’ agħmilli ftit kafè”. . .jħallas 4 euro U min jidħol u bit-tbissima jsellem bil-kliem: “il-jum it-tajjeb” u jgħid:“Meta tkun tista’, napprezza tazza kafè” jħallas 1.40 euro

Mistagħġbin kemm kien hemm tbissim u tislim f’dawk il-jiem. Allaħares nixtru l-edukazzjoni u l-imġiba bil-flus, iżda kultant ftit shock treatment bħal dan jagħmel ħafna ġid.

6

Diċembru


Fil-ġranet tal-Milied tas-sena 2013, xerrejja fl-istore enormi ta’ Southsea, Hampshire fl-Ingilterra, ħadu sorpriża sabiħa meta fil-basket tax-xirja sabu karta ta’ ħames liri b’nota qasira: “Nixtieq li miż-żejjed li għandi nferraħ lilek ukoll.” Ħabib anonimu li fir-rassa ħadd ma ntebaħ bih imma żgur li għamel ħafna familji ferħanin bil-karità moħbija tiegħu. Moħbija għallbnedmin iżda l-Mulej rah jagħmilha u tagħha għad jagħtih premju wkoll.

Il-Bord Editorjali jawgura lill-qarrejja tal-fuljett

Milied qaddis u s-sena l-ġdida mimlija ġid u barka mill-Mulej Diċembru

7


El Niño Sajjieda millPerù kienu jiltaqgħu ma’ kurrent ta’ ilma sħun nieżel ’l isfel għal żmien il-Milied u bdew isejħulu Ġesù Bambin għax rabtuh mal-Milied. BlIspanjol, Ġesù Bambin hu El Niño. Imbagħad xjentisti Peruvjani sabu li meta dan l-ilma ikun iktar sħun mis-soltu fil-Lvant tal-Paċifiku, ikollu effetti fuq il-klima: matul il-kosta tal-Perù, tagħmel ħafna xita u jseħħ għargħar meta normalment hemmhekk tagħmel in-nixfa. U hekk it-terminu El Niño beda jintuża meta tkun anomalija jiġifieri xi ħaġa mhux tas-soltu. El Niño jaffettwa postijiet oħra fid-dinja. Pereżempju, fuq in-naħa l-oħra tad-dinja fl-Awstralja tat-Tramuntana u l-Indoneżja, isseħħ in-nixfa. Fis-snin 1982-83, 1997-98 u 2015-16 seħħew episodji qawwijin ta’ El Niño. Jikklassifikawh El Niño jekk il-baħar fil-wiċċ fil-Lvant tal-Paċifiku jisħon b’iktar minn 0.50C għal sena u tliet xhur bla ma jaqtgħu. Il-kontra ta’ El Niño hija La Niña fejn jiġri l-oppost. Sabu li miegħu jkun hemm ukoll bidla fl-atmosfera. Il-pressjoni tal-arja fil-Lvant tal-Paċifiku titbaxxa u dik ta’ fuq l-Awstralja tat-Tramuntana togħla. Hekk id-differenza fil-pressjoni bejn dawn iż-żewġ postijiet tonqos u r-riħ lejn il-Punent tal-Paċifiku jonfoħ inqas bil-qawwa. Hekk l-ilma sħun jimxi lejn il-Perù u dan is-saff ilma sħun ma jħallix nutrijenti jitilgħu mill-qiegħ. Hekk il-phytoplankton ma jagħmlux ikel u billi fuqhom tiddependi kemm ikun hemm ikel fil-baħar, il-ħut jonqos u s-sajd jieħu daqqa ta’ ħarta. Kollox katina waħda. Dinja waħda. Dinja vulnerabbli u fraġli. Nibżgħu għaliha qisna qed inżommu f’idejna xi ħaġa delikata. Inħallu l-inqas effett fuq id-dinja possibbli; dan l-effett tagħna l-bnedmin fuq id-dinja bl-Ingliż jgħidulu footprint. Il-bidla fl-atmosfera jsejħulha s-Southern Oscillation. Għalhekk dan il-fenomenu hu msejjaħ ENSO (El Niño/Souther n Oscillation).

8

Diċembru


Niktbu bil-Malti tajjeb. . .

Ortografija Maltija

X’suppost niktbu: għejxien jew għixien? Niktbu ‘għejxien’ u mhux ‘għixien’ għax jekk nimxu fuq il-mudell ta’ nomi simili bħal ħarsien, ħelsien, qawmien, serħan u dewmien naraw li t-tieni konsonanti tal-għerq tiġi dejjem wara l-ewwel vokali. Dan jgħodd ukoll meta t-tieni konsonanti tkun waħda dgħajfa (j jew w). Mela allura niktbu ‘għejxien’ u mhux ‘għixien’ għax f’dan il-każ inħossu u niktbu t-tieni konsonanti tal-għerq ( il-konsonanti j ) wara l-ewwel vokali.

Tagħrif mogħti lilna minn Pristineworks Ltd. Għal aktar tagħrif żuru: http://www.pristineworks.com Diċembru

9


Mid-Djarju tal-Qasam Bħal kull sena, Novembru jsib lill-Qasam tagħna jipprepara ruħu għall-festa tal-Milied. Fl-ewwel jiem tax-xahar lestejna ż-żebgħa fuq il-grotti għat-tfal biex imbagħad magħhom jiżdiedu l-pasturi u jkunu lesti għall-premjazzjoni. F’nofs ix-xahar beda t-tiżjin tal-kurituri, il-Kappella u l-entratura tal-Qasam. Din is-sena tlesta l-ewwel parti ta’ tiżjin ġdid għall-kuritur t’isfel biex jinbidel ma’ dak ta’ qablu li kien qdiem. L-old boys tagħna żejnu wkoll il-klassijiet tagħna biex ilkoll nidħlu fl-ispirtu qaddis ta’ dan iż-żmien sabiħ. Ħbiebna James Azzopardi u Jean Paul Portelli komplew jaħdmu fuq presepju artistiku tassew b’dedika wkoll lil Tonio Grech li ħalliena ftit taxxhur ilu u li għal 26 sena ħadem biex itella’ presepju ta’ kull sena fil-qasam tagħna.

10

Diċembru


Komplejna wkoll bil-passiġġati tagħna ta’ kull nhar ta’ Ħadd. Grupp sabiħ ta’ adolexxenti qed jilqgħu l-istedina tagħna fejn kull nhar ta’ Ħadd nitilqu għal mixja flimkien u wara nitrejqu ġewwa r-Rabat. Organizzajna mixja għal Wied il-Mielaħ kif ukoll oħra sal-Fanal tal-Ġordan. Nistiednu aktar minnkom sabiex tingħaqdu magħna kull nhar ta’ Ħadd fit-3.00p.m. Issa li dħalna f’Diċembru dalwaqt nagħtu bidu għan-Novena tal-Milied. Nistednukom ukoll sabiex tingħaqdu magħna f’din ilmixja ta’ tħejjija għall-miġja fostna ta’ Ġesù Bambin. Nistednukom sabiex tingħaqdu magħna għallProgramm tal-Milied li jsir ta’ kull sena fil-Knisja Parrokkjali. Ikun mod sabiħ fejn din ilfesta tal-Milied tkun tassew festa lil Ġesù Bambin.

Mark

Tista’ taqra wkoll il-fuljett f’forma diġitali. Żur il-Paġna tal-Facebook: http://www.facebook.com/MuseumSubien Nadur

Diċembru

11


Fuljett maħruġ mill-Museum tas-Subien tan-Nadur


Turn static files into dynamic content formats.

Create a flipbook
Nimxu Id f'Id - Dicembru 2021 by Michael Debono - Issuu