Skip to main content

Nimxu Id F'Id - Novembru 2023

Page 1

Ritratt tal-faċċata: XITLA TAL-QOTON - Gossypium herbaceum . Din hija l-pjanta li tagħtina t-tajjar. Iz-zkuk jikbru minn 60 sa 180 ċentimetru għoli b'weraq wiesa’ u kemxejn muswaf. Il-fjuri żgħar tagħha huma sofor u vjola. Teħtieġ ħafna xemx imma mhux daqshekk xita. Meta tkun misjura l-kapsula tal-fjuri tinfaqa' u tesponi l-qoton li jdawwar iż-żerriegħa. Il-qoton kien industrija ewlenija f'Malta. L-għelieqi kienu jkunu miksijin b’din il-pjanta. Partikularment fi żmien il-Kavallieri, Malta kienet tesporta kwantitajiet kbar ta’ qoton biex minnu jsiru l-ħwejjeġ, u kien iġib prezz tajjeb. Imma l-kompetizzjoni mill-Amerika u mill-Eġittu, bi prezzijiet orħos, flimkien mal-Imblokk tal-Franċiżi fl-1798 u l-Pesta tal-1813 taw daqqa mortali lil din l-industrija. Ritratt meħud fl-għelieqi ta' Kelina Curmi, fin-Nadur, fid-19 ta' Settembru 2023 Martin Attard


Nimxu Id F’Id Novembru 2023 ħarġa numru 525

Għandek Minuta?

Hux vera jew leġġenda ma nafx imma t-tagħlima hi attwali ħafna. Jgħidu li n-nies tat-tribù li kienu jqattgħu ħajjithom tul ix-xmara Mississippi għexu għal bosta snin jsibuha diffiċli ħafna li jaqsmu x-xmara għad li din ma kinitx fonda. Dan għaliex il-kurrent kien tant qawwi li min jipprova jaqsam kien jinġarr u jintilef fl-ilma tax-xmara. Ma kellhomx mezzi biex jagħmlu pont li seta’ jwassalhom min-naħa għall-oħra iżda frott l-esperjenza għarfu kif setgħu jaqsmu mingħajr periklu. Intebħu li jekk fuqhom ikollhom xi piż kbir il-kurrent ma kienx iġorrhom miegħu. Il-piż żejjed li kien ikollhom fuqhom kien jankrahom mal-qiegħ u hekk setgħu jaqsmu min-naħa għall-oħra bla tfixkil. U hekk daħlet id-drawwa li fil-qsim tax-xmara kull wieħed kien jieħu fuqu xi ħadd xiħ jew magħtub li kien isalvah milli jitkaxkar mal-kurrent. U dawk li kienu jwarrbu din il-prattika dejjem spiċċaw midfuna fl-ilmijiet tal-Mississippi minkejja li wħud minnhom kienu għawwiema kapaċi. Kos hux, anki fil-ħajja jekk nagħrfu nġorru xi ftit it-tbatijiet ta’ dawk ta’ madwarna nsibu li qed ngħixu iktar kuntenti u sodisfatti. Uħud jaħsbu li din il-kuntentizza tiksibha billi tgħix għalik innifsek u ftit tagħti kas tal-oħrajn. Iżda l-esperjenza turina li meta aħna nkunu altruwisti ħajjitna tieħu bixra ferm iktar ferħana. Għax ir-riċetta għall-veru ferħ qiegħda fis-servizz lill-oħrajn. Din mhix xi kixfa moderna. Iktar minn elfejn sena ilu r-Rabbi ta’ Nażaret qalilna: Iktar hu ta’ ferħ li tagħti milli li tirċievi.

1


Wirt il-Fundatur Dun Ġorġ ħallielna teżor . . .f’kitbietu X’jaf min ma ġarrabx? Wieħed jitgħallem minn dak li ġarrab x’inhu ta’ ġid biex jgħożżu u jipprattikah, u x’inhu ta’ deni biex jevitah.

X’tgħallimt kemm ilek fid-dinja? 

Tgħallimt nagħmel kollox f’ħinu u f’waqtu.

Tgħallimt ngħix id-dixxiplina.

Tgħallimt li minn xejn ma naqta’

qalbi. Tgħallimt li aħjar nobdi milli nikkmanda.

dejjem

taħt

Dawn is-sentenzi huma meħudin mill-kitba qasira bl-isem Il-Majjistra Esperjenza li Dun Ġorġ qassam lill-membri tal-Għaqda tiegħu fl-1956 permezz ta’ fuljetti b’erba’ paġni li kien iħobb isejħilhom il-‘four pages’. Din il-kitba ġiet stampata għall-pubbliku fl-2005.

2

Nimxu Id F’Id - Novembru 2023


Il-Mistoqsija Oħt il-Għerf Għaliex kull 4 snin ix-xahar ta’ Frar ikollu ġurnata iżjed? Għax jekk nagħmlu 365 (ġranet tas-sena) x 24 (sigħat kull ġurnata) ikollna total ta’ 8,760 siegħa meta fil-fatt is-sena fiha ftit inqas minn 8,766. Allura kull 4 snin ikollna ġurnata oħra għax 6 sigħat għal 4 jagħmlu 24. Nagħtuha lil Frar għax hu l-iżgħar fost ix-xhur u din is-sena tissejjaħ biżistili. Imma lanqas dan mhu eżatt u allura l-ġurnata żejda nżiduha kull 4 snin imma jekk is-sena tkun diviżibbli bil-100 din ma tkunx b’ġurnata extra. Imma jekk is-sena tkun diviżibbli bl-400 tkun ukoll sena b’jum extra. Hekk is-sena 1900 ma kinitx biżistili għax għalkemm hi diviżibbli bl-4 imma hi diviżibbli bil-100 u mhix diviżibbli bl-400. Imma s-sena 2000 kienet biżistili għax kienet diviżibbli bl-400. Daqsxejn komplikata sakemm tifhem ir-raġunar wara din id-deċiżjoni. Miskin biss min jinzerta jitwieled fid-29 ta’ Frar għax il-birthday tiegħu jaħbat kull 4 snin u fis-sena 2100 jekk ikun għadu hawn ikollu jistenna 8 snin. . . mis-sena 2096 sas-sena 2104. Nimxu Id F’Id - Novembru 2023

3


Mill-pinna ta’ Dr Coronato Grech

Xi qaddisin fil-qwiel (. . .ikompli mill-ħarġa t’Ottubru) Santa Katerina (25 ta’ Novembru) fora gallina. Għall-aħħar ta’ Novembru tkun spiċċat il-passa tal-ħarifa. Għal Santa Katerina lesti x-xbieki għal ġol-kantina. Il-passa tal-ħarifa tkun għaddiet. Għal Sant’Andrija (30 ta’ Novembru), nofs il-miżirgħa miżrugħa u nofs il-muna (ħażna) mitmugħa. Għall-aħħar ta’ Novembru xogħol fuq iż-żrieragħ ikun lest u ħafna mill-ikel tal-bhejjem ikun mar. Nhar Santa Barbara (4 ta’ Diċembru) iż-żara’ jikber għabara. F’dan iż-żmien il-wiċċ jikber kemm suppost. Santa Barbara la deni u lanqas ħsara. Din aktarx kienet tingħad waqt maltempata bil-beraq u sajjetti. (Ftit li xejn nafu fuq Santa Barbara li jingħad li mietet martri madwar is-sena 200. Skont leġġenda, min ittorturaha u qatilha, wara ftit laqtitu sajjetta u sar irmied. Patruna wkoll ta’ dawk li jaħdmu n-nar. Il-festa tagħha tneħħiet mill-kalendarju tal-qaddisin fil-1969.)

(. . .aktar qwiel fil-ħarġa tax-xahar id-dieħel)

4

Nimxu Id F’Id - Novembru 2023


. . .jikteb Ritchie Grech Ix-Xadina Ix-xadina ma kinitx tgħix fl-art tal-Bibbja u għalhekk kienet tiġi impurtata minn pajjiżi mill-bogħod bħall-Afrika u l-Indja. Insibu li tissemma darbtejn biss fil-Bibbja u għall-istess ġrajja. Il-ġrajja hi dwar l-għana kbir tas-Sultan t’Iżrael Salamun. Salamun kien sultan kbir u maħbub għax bnielhom l-ewwel Tempju maestuż t’Iżrael. Kien magħruf ukoll għall-għerf kbir li kellu u għall-ġid tiegħu. Fil-Bibbja jissemma l-għana ta’ Salamun u l-awtur ġieli kabbar l-għana tiegħu biex juri l-kobor tassultan. Dan kien stil ta’ kitba li kien jintuża dakinhar u mhux biex iqarraq. Din il-ġrajja nsibuha fl-Ewwel Ktieb tas-Slaten fejn jissemmew l-iġfien li kellu Salamun u li kienu jġibulu annimali eżotiċi mill-bogħod: “Għax is-sultan kellu ġfien ta’ Tarsis fuq il-baħar mal-iġfien ta’ Ħiram; darba kull tliet snin dawn l-iġfien ta’ Tarsis kienu jmorru u jġibu deheb u fidda, avorju u xadini, u paguni” (1 Slat 10,22). Din l-istess ġrajja nsibuha ripetuta fit-Tieni Ktieb tal-Kronaki: “Għax l-iġfien tas-sultan kienu jmorru Tarsis mal-qaddejja ta’ Ħuram; darba kull tliet snin l-iġfien ta’ Tarsis kienu jerġgħu lura u jġibu deheb u fidda, avorju, xadini u paguni” (2 Kron 9,21). Nimxu Id F’Id - Novembru 2023

5


Fatti, tagħrif u figuri li jqanqlu stagħġib. . . u forsi tbissima.

Aktarx li għad-dentist Peter Kertesz dan kien l-iktar servizz diffiċli li qatt għamel f’ħajtu. F’Diċembru 2014 kellu jmur fil-park tal-annimali f’Kent fl-Ingilterra biex jirranġa s-snien ta’ tigra li kienet kisret tliet sinniet f’inċident. Naturalment, it-tigra kienet taħt il-loppju għax kieku addio Peter u dawk li kienu jgħinuh. Milli jidher kien trankwill għax għamel biċċa xogħol li l-esperti sejħulha perfetta.

6

Nimxu Id F’Id - Novembru 2023


Il-hamburgers m’għandhom l-ebda ham fihom. Jissejħu hekk għax kien l-ikel preferit tal-Ġermaniżi mill-belt ta’ Hamburg li kienu ssetiljaw fl-Istati Uniti. Kien xieraq li din l-ikla tagħhom tieħu wkoll isem belthom. . . għalhekk hamburger.

Nimxu Id F’Id - Novembru 2023

7


. . .jikteb Joe Portelli Enola Gay Dan kien l-ajruplan B-29 (Superfortress) li użaw l-Amerikani biex tefgħu l-bomba atomika fuq Hiroshima, il-Ġappun fis-6 t’Awwissu 1945. L-ajruplan kien imsemmi mill-pilota Paul Warfield Tibbets, Jr għal ommu. Hemm diska fuq is-suġġett tal-OMD (Orchestral Manoeuvres in the Dark) bl-isem Enola Gay. Il-bomba bl-isem Little Boy kienet bomba tal-uranju (uranium). Din il-bomba atomika hija bomba nukleari. Kellha qawwa ta’ 15-il elf tunnellata ta’ splussiv TNT. Ir-reazzjoni nukleari li sseħħ f’dil-bomba tinvolvi li jinqasam in-nukleu ta’ atoma ta’ uranju-235 (U-235). Il-prodotti jkunu żewġ elementi bħal barium u krypton. Il-piż talprodotti jkun ftit inqas u dan il-piż ikun inbidel f’enerġija. L-enerġija li tiġġenera hi bil-wisq ikbar minn ta’ reazzjoni kemikali. Barra minn hekk, il-prodotti li jiffurmaw ikunu radjuattivi. Dawn il-fatti juru li x-xjenza wkoll trid tkun immexxija mill-etika.

8

Nimxu Id F’Id - Novembru 2023


Ortografija Maltija . . .niktbu bil-Malti tajjeb X’ għandek tikteb: sebat iklieb jew sebgħat iklieb? Ikteb ‘sebat iklieb’ (mingħajr għ) għax meta nżidu t-t marbuta ma’ seba’ l-għ trid taqa’. Din tapplika wkoll għan-numri erba’ u disa’. Eżempji: erbat ijiem erbat iljieli erbat irjieħ sebat iklieb sebat ifran sebat irjus sebat iġnub disat ibliet disat itfal disat ibniet disat irġiel

Tagħrif mogħti lilna minn Pristineworks Ltd. Għal aktar tagħrif żuru: http://www.pristineworks.com Nimxu Id F’Id - Novembru 2023

9


Mid-Djarju tal-Qasam Ottubru jġib miegħu l-bidu ta’ sena kateketika ġdida. Hekk kif tibda l-iskola anki t-tfal li jiffrekwentaw il-Qasam tagħna jsibu klassi ġdida u katekist ġdid. Din is-sena ħsibna biex inneħħu l-bankijiet mill-klassijiet tas-sular t’isfel biex minflokhom jitpoġġew siġġijiet biex fejn ikun hemm bżonn inbiddlu l-layout tal-klassi, skont l-attività u l-lezzjoni li tkun ser titwassal. Fit-Tieni Ħamis taxxahar kellna quddiesa filkappella, b’suffraġju talbenefatturi mejtin tal-qasam. Qaddes għalina Mons Ġużepp Attard. Wara saret kompetizzjoni tal-football fost dawk li attendew għall-quddiesa. Ottubru huwa wkoll ix-xahar tar-Rużarju. Fuq xewqa tal-Papa Franġisku, li xtaq li l-Insara jingħaqdu fit-talb permezz tar-Rużarju għall-paċi tad-dinja, organizzajna tliet laqgħat ta’ talb fejn tlabna din it-talba Marjana flimkien. Dawn kienu mat-tfal tat-tielet u ħames klassi tal-Primarja, mar-raba’ u s-sitt klassi tal-Primarja kif ukoll mal-klassijiet tas-Sekondarja.

10

Nimxu Id F’Id - Novembru 2023


Beda wkoll ix-xogħol marbut mal-festa għażiża tal-Milied. Matul Ottubru sar ir-recording tal-Play talMilied ta’ din is-sena li ġġib l-isem ta’ Il-Wegħda talMilied u saru wkoll l-ewwel provi. Beda jitlaqqa’ wkoll il-Kor bi tħejjija tal-Kunċert tal-Milied li jittella’ nhar ilMilied filgħaxija fil-Knisja Parrokkjali. Fi ftit żmien ieħor jibdew wkoll il-preparamenti għallPurċissjoni tal-Milied u t-tiżjin tal-Qasam. Anki l-Presepju issa qed jieħu l-forma tiegħu fejn din is-sena wkoll James Azzopardi qed iħejji sorpriża kbira. Aktar dettalji fil-ħarġa li jmiss.

Mark

Tista’ taqra wkoll il-fuljett f’forma diġitali. Żur il-Paġna tal-Facebook: http://www.facebook.com/MuseumSubien Nadur u fuq issuu.com/Nimxu Id f’Id Nimxu Id F’Id - Novembru 2023

11


LAFERLA

Call

+356 2122 4405

E-mail info@laferla.com.mt Visit

www.laferla.com.mt

Laferla Insurance Agency Ltd 204A, Vincenti Buildings Old Bakery Street, Valletta VLT 1453, Malta Europe.

Laferla Insurance Agency Ltd. is enrolled under the Insurance Distribution Act, Cap 487 to act as an Insurance Agent for MAPRE plc (MMS). MMS is authorised by the Malta Financial Service Authority (MFSA) under the Insurance Business Act, Cap 403 of the Laws of Malta. Both entities are regulated by the MFSA.


Fuljett maħruġ mill-Museum tas-Subien tan-Nadur


Turn static files into dynamic content formats.

Create a flipbook
Nimxu Id F'Id - Novembru 2023 by Michael Debono - Issuu