Skip to main content

Nimxu Id F'Id - Novembru 2021

Page 1

Ritratt tal-faċċata: Iż-Żrinġ - Wara l-ewwel ħalbiet tax-xita, wara n-nixfa tas-sajf, fil-widien jerġa’ jagħmel il-preżenza tiegħu ż-żrinġ. Iż-żrinġ huwa l-uniku amfibju li jeżisti fil-gżejjer Maltin. Din l-ispeċi partikolari (Discoglossus pictus, bl-Ingliż Painted Frog) hija endemika, jiġifieri tinsab f’Malta biss. Ftit huma dawk li jafu li ż-żrinġ huwa protett bil-liġi u mhux suppost li jiġi maqbud jew maqtul. Ritratt meħud f’Wied Binġemma, in-Nadur, fil-25 t’April 2021 - Martin A ttard


Ħarġa Nru. 501

Għandek Minuta? Nimxu Id F’Id Novembru 2021

Donny Thrussell kien ġardinar ta’ ħila iżda spiċċa bla xogħol għax min kien iħaddmu miet. Għalhekk beda kuljum ifittex fil-kolonni talgazzetti għal min forsi ried ġardinar u ma damx ifittex wisq għax xi jiem wara għajnejh waqgħu fuq dan ir-reklam: Mara anzjana tixtieq li timpjiega magħha ġardinar. Irid ikun bniedem tassengħa u jħobb ix-xtieli u s-siġar. Min japplika jrid jieħu miegħu qalziet qadim li kien juża fl-aħħar impjieg li kellu. Donny applika mill-ewwel għad li ma setax jifhem għala kellu jieħu miegħu qalziet qadim. Iżda la x-xiħa riedet hekk, ma kellux għażla għajr li jobdi. Wasal għand ix-xiħa, staqsietu xi mistoqsijiet dwar ma’ min kien jaħdem u għaliex spiċċa bla xogħol. Meta temmet tistaqsi riedet tara l-qalziet il-qadim li Donny ħa miegħu mgeżwer ġo karta. Fetħet il-karta, naxret f’idejha l-qalziet, flietu sew imbagħad qaltlu: “Jekk trid tista’ tibda taħdem miegħi minn għada.” U tatu l-kondizzjonijiet dwar ħinijiet u paga. Donny aċċetta għax fil-fatt kien ser ikollu paga aħjar. Iżda l-kurżità għelbitu u staqsa: “Napprezza jekk tgħidli għaliex kellek tħares lejn dan il-qalziet il-qadim biex tagħtini x-xogħol li rreklamajt.” “Ħarist lejn fejn ikunu l-irkopptejn u sibt li kienu mkidda sew. Ġardinar li joqgħod ħafna għarkopptejh ifisser li jħobb il-ġnien. Li jaf kif għandu jieħu kura tax-xtieli. U li jħawwel bil-galbu.” Aktarx li Donny intebaħ li x-xiħa ma kinitx żmagata kif forsi ħaseb meta raha tħares lejn il-qalziet il-qadim. Anki għal min jemmen, xi talba fuq l-irkopptejn iġġorr magħha ħafna fidi fil-Mulej Alla Sidna. Xhieda ta’ mħabbitna lejn il-Missier tagħna tas-sema. Bħalma l-qalziet ta’ Donny kien xhieda ta’ mħabbtu lejn il-ġnien.

1


Wirt il-Fundatur Dun Ġorġ ħallielna teżor. . . f’kitbietu

SAN ĠUŻEPP Il-Prudenza ta’ San Ġużepp Ġużeppi, bin Ġakobb il-patrijarka, vera figura ta’ San Ġużepp, ġie mfaħħar mill-Fargħun għall-prudenza fil-pariri tiegħu, li bihom kien salva d-dinja mill-ġuħ universali. Issa, jekk il-figura kellha tant prudenza, kemm iżjed kellha r-realtà? Xi prudenza f’San Ġużepp, meta jiddeċiedi li jħalli baxx baxx ’il Marija Santissma billi ma kienx jaf fuq il-kbir misteru tal-frott tagħha! Xi prudenza, meta jidher hekk silenzjuż! Xi prudenza, meta jibża’ jmur fil-Lhudija, kif sema’ li Arkelaw kien hemm isaltan flok Erodi missieru! U għalhekk ġie jgħammar f’Nazaret u b’hekk intemmet il-profezija li Ġesù Kristu kellu jissejjaħ Nazzarenu. Ir-re Salamun ġie mfaħħar minn Alla għax kien talbu l-prudenza biex biha jiddirieġi l-poplu li kien qegħidlu taħt il-ħsieb tiegħu, billi kien jaf li din il-virtù, meħtieġa għal kulħadd, għandha tkun b’mod speċjali fil-kapijiet u fit-tmexxija tal-oħrajn: ma jibqa’ ebda dubju li Alla tassew żejjen u għana biha lil San Ġużepp, li bil-għerf u bil-providenza tiegħu qiegħdu b’kap, u bi gwida, u b’kustodju tal-iktar żewġ kreaturi prezzjużi quddiem l-għajnejn tiegħu. Permezz tal-Ittra Appostolika Patris corde Papa Franġisku pproklama s-sena 2021 bħala sena ddedikata lil San Ġużepp. Fit-8 ta’ Diċembru 1870 Papa Piju IX iddikjara lil San Ġużepp bħala l-Patrun tal-Knisja Kattolika. Qegħdin inġibu ħsibijiet mill-ktieb SAN ĠUŻEPP ta’ Dun Ġorġ Preca miktubin lejn tmiem is-snin għoxrin.

2


Il-Mistoqsija Oħt il-Għerf Xi tfisser il-mewt is-sewda? Mela l-mewt għandha xi kulur? Fl-Ewropa l-iswed ilu marbut mal-mewt. Hu l-kulur ta’ luttu. . . żmien ta’ diqa wara l-mewt. Din il-mewt issewda kienet ikkaġunata minn dubbien li kien jgħix fuq ġrieden morda. Infirxet malajr mill-Asja fejn aktarx bdiet fl-1331 u xterdet sal-Ewropa u l-biċċa ta’ fuq tal-Afrika. Jikkalkulaw li ħalliet warajha 25 miljun vittma.

3


Aċċidenti li spiċċaw

skoperti u invenzjonijiet

. . .jikteb Dr. Coronato Grech

(. . .ikompli mill-ħarġa tax-xahar t’Ottubru)

Il-Filament Fil-1879, l-Amerikan Thomas A Edison kellu problema kif jagħmel bozza tixgħel bl-elettriku. Darba fillaboratorju kien aljenat b’subgħajh jilgħab b’biċċa ħajta mċappsa bi ftit qatran, meta nduna li jista’ jgħaddi kurrent minnha u bis-sħana tibda tixgħel. Kien l-ewwel tip ta’ filament. Jingħad li Edison kompla jesperimenta għal elf darba, u b’materjali different, sa ma sab filament jixgħel sodisfaċenti. Edison ivvinta wkoll, fost ħafna oħrajn, il-fonografu, l-ewwel kamera taċ-ċinema u batterija alkalina.

(ikompli fil-ħarġa tax-xahar id-dieħel)

4


. . .jikteb Ritchie Grech Il-Pistaċċa Il-pistaċċa hi siġra li oriġinat mill-Iran u l-Iraq u tferrxet f’ħafna pajjiżi fosthom fl-Art Mqaddsa. Arkeoloġisti sabu fdal tal-qxur tal-pistaċċa f’Jarma, fl-Iraq, li jmorru lura għas-sena 6,750 QK. Dan juri li l-pistaċċa kienet fost l-ikel komuni ta’ dawn in-nies tant bikrin. Jingħad li l-famużi ġonna mtarrġa tal-Babilonja kien fihom minn dawn is-siġar tal-pistaċċa matul il-ħakma tar-re Merodach-Baladan madwar is-sena 700 QK.

Fil-Bibbja tissemma f’Ġenesi 43, vers 11 meta Ġakobb bagħat lil uliedu flimkien maż-żgħir Benjamin lura l-Eġittu għand Ġużeppi ibnu kif kien ordna hu: “Ħudu mill-aħjar ġid ta’ din l-art fil-ħrieġ tagħkom u agħtuh għatja lil dak ir-raġel, ftit balzmu u ftit għasel, dragant u lawdnu u fostoq u lewż” (fostoq hawn qed jirreferi għall-pistaċċa). Dawn marru għand Ġużeppi li kien il-gvernatur tal-Eġittu biex jixtru l-qamħ minħabba n-nixfa u l-ġuħ li kien ħakem l-art ta’ Israel. Is-siġra tal-pistaċċa hi siġra tad-deżert u tiflaħ għan-nixfa u art mielħa. Trid ħafna xemx biex issajjar il-frott u jekk tingħata ħafna ilma jitħassru l-għeruq u tmut. Il-frotta tittiekel meta tkun inkaljata u titneħħa l-qoxra iebsa ta’ barra.

5


Fatti, tagħrif u figuri li jqanqlu stagħġib. . . u forsi tbissima.

Min ivvinta l-biro? Ivvintah Ungeriż li kien jismu László Josè Bíró u għalhekk illum kulħadd isejjaħ dan il-mezz ta’ kitba b’kunjomu. Qabel il-biro kienet tintuża l-pinna li kienu jbillu fil-linka u jiktbu. Kultant ħin trid terga’ tbill mill-ġdid għax il-linka fil-pinna tkun spiċċat. Wara vvintaw il-fountain pen li fil-fatt għadha tintuża ħafna u llum saret qisha status symbol ta’ min ikun qawwi fl-awtorità. Hemm minnhom li jiswew mijiet ta’ euro għax ikollhom partijiet tad-deheb. Il-fountain pen ikollha tubu fiha li jkun mimli bil-linka u allura ma kienx ikun hemm il-ħtieġa li toqgħod tbillha kull ftit sekondi. Imma llum il-biro jintuża ħafna iktar. Għall-bidu kien jiswa ħafna flus imma llum sar irħis u jintuża mad-dinja kollha. Għad li anki biros hawn b’biċċiet tad-deheb li naturalment jgħollu l-prezz mas-smewwiet.

6


Il-Ġenerożità Fil-bidu tas-sena 2014 sar survey biex jaraw min kien l-iktar raġel popolari fid-dinja. Rebaħ Bill Gates tal-Microsoft. Ir-raġuni li ntgħażel mhux għax hu għaref ħafna, mhux għax ivvinta ħafna gadges moderni iżda għax bil-ġid tiegħu tgħidx kemm qassam karitajiet.

Il-ġenerożità u l-qalb tajba jagħmluk popolari mal-bnedmin u għażiż quddiem il-Mulej. Premju doppju u sodisfazzjon li jimla l-qalb. Anki meta naqsmu mill-ftit li għandna għax ħadd minna m’għandu l-miljuni li għandu Bill Gates.

7


L-Aluminju Hawn min jgħidlu enemilju. Hu metall. Fil-periodic table, tabella li turi l-elementi kollha, l-atomic number tal-aluminju hu 13, u l-mass number hu 27. Ifisser li ġo atoma ta’ aluminju hemm 13-il protona u 13-il elektron u 14-il newtrona ( 27-13 = 14). Il-piż mela hu xi 27 darba tal-piż ta’ atoma ta’ idroġenu. Hu wieħed minn xi 70 jew 80 metall. Ma jinġibidx minn kalamita. Fil-fatt l-uniċi metalli li jinġibdu minn kalamita u li jsejħulhom ferromanjetiċi huma l-ħadid, il-cobalt u n-nikel. L-aluminju hu relattivament ħafif, xi tliet darbiet inqas mill-ħadid. Fil-fatt id-densità hi 2800 kg/m3. Jiġifieri metru kubu aluminju jiżen żewġ tunnellati metriċi u 800 kilogramma. Ma jsaddadx għax miksi b’saff irqiq ħafna ta’ sadid ta’ aluminju. Dan is-saff fih ħxuna ta’ xi 10 nanometri jiġifieri wieħed minn mitt elf ta’ millimetru. Nanometru hu wieħed minn biljun ta’ metru (1 nm = 1 x 10-9 m). U dan is-saff sadid (Al2O3 ) hu iebes u bla toqob u għalhekk jipproteġi lill-aluminju ta’ taħtu milli jkompli jsaddad jew jirreaġixxi.

L-Aluminju ġie skopert minn Hans Christian Oersted fl-1825. Beda jiġi magħmul bl-electrolysis. F’dan ilmetodu, jiġi mgħoddi l-elettriku minn Al2O3 imdewweb u jinqala’ l-aluminju mis-sadid tiegħu. Tant dan il-metall kien moda fi żmien Napuljun III ta’ Franza li dan iġġennen fuqu u kien juża platti u pożati tal-aluminju għal ikliet statali! It-tafal fih l-aluminju. Infatti t-tafal hu alumina silicate. L-aluminju pur hu artab. Imma meta jiġi mħallat ma’ elementi oħrajn u hekk jifforma alloy, ikun b’saħħtu daqs l-azzar. L-alloy tal-aluminju duralumin jintuża biex jinbnew l-ajruplani għax b’saħħtu u ħafif. Minn ġol-aluminju, is-sħana tgħaddi tiġri u anki l-elettriku. Għalhekk jintuża fil-borom u fil-wajers.

8


Niktbu bil-Malti tajjeb. . .

Ortografija Maltija

X’suppost tikteb, waqa’ jew waqa? U kif tista’ tiftakar liema verbi għandhom jispiċċaw bl-appostrofu? Verbi bħal waqa’ għandhom jinkitbu bl-appostrofu fit-tarf. Biex tkun taf meta għandek tikteb l-appostrofu fit-tarf tista’ tistaqsi ‘x’għamlet hi?’ Jekk it-tweġiba tkun kelma b’żewġ sillabi u l-ebda mill-vokali ma tkun ie, mela allura għandek tikteb il-verb bl-appostrofu. Ejja nippruvaw nieħdu l-verb waqa’ - meta tistaqsi hi x’għamlet, fil-passat, it-tweġiba tkun waqgħet (għandna żewġ sillabi u l-ebda mill-vokali mhi ie). Hawnhekk mela trid tikteb il-verb bl-appostrofu fit-tarf bħal waqa’. Hawn isfel tista’ ssib aktar eżempji simili. Tista’ taħseb f’aktar verbi simili? tefgħet - tefa’ belgħet - bela’ semgħet - sema’ xebgħet - xeba’ Tagħrif mogħti lilna minn Pristineworks Ltd. Għal aktar tagħrif żuru: http://www.pristineworks.com

9


Mid-Djarju tal-Qasam Bdejna x-xahar t’Ottubru bilklassijiet il-ġodda għas-sena kateketika 2021-2022. Bqajna għaddejjin bir-roster li kellna noħolqu fi żmien ta’ pandemija bil-Primarji maqsumin fuq żewġ timetables filwaqt li dawk tas-Sekondarji baqgħu listess. Nittamaw li ma ndumux ma nirritornaw għan-normal fejn ikunu jistgħu jerġgħu jibdew il-lezzjonijiet fil-klassijiet flok fis-swali.

Wara nuqqas ta’ 20 xahar erġajna tajna bidu għall-passiġġata ta’ nhar ta’ Ħadd. L-ewwel waħda saret fil-limiti tan-Nadur stess fejn tlaqna għal mixja mill-Qasam sal-Għar tal-Mixta u spiċċajna nilagħbu fil-bajja pittoreska tar-Ramla l-Ħamra.

10


It-tieni passiġġata ħaditna għal mixja twila mill-Qbajjar għas-Salini u wara għal Wied l-Għasri u spiċċajna quddiem il-kappella tal-Madonna tal-Patroċinju fir-raħal tal-Għasri. Kien hemm attendenza sabiħa u nħeġġu aktar tfal sabiex jattendu din l-attività ta’ kull nhar ta’ Ħadd. Bdew ukoll il-preparamenti tal-Milied. Beda x-xogħol fuq il-presepju li din is-sena qed isir minn żewġ voluntiera li huma old-boys tal-Qasam tagħna. Permezz ta’ dan il-Presepju se nfakkru wkoll il-memorja ta’ Tonio Grech li għal 25 sena sħaħ ħadem fuq il-presepju tal-Qasam u li ħalliena fix-xhur li għaddew. Beda wkoll ix-xogħol fuq armar ta’ tiżjin ġdid li ser jintrema fil-kuritur t’isfel flok dak li kien hemm. Dan sar fuq qisien ġodda biex ikun jista’ jiġi maħżun permezz tal-lift u jintrefa’ fl-istore li għandna fuq il-bejt. Fix-xahar li ġej nagħtukom aktar informazzjoni dwar lattivitajiet tal-Milied li għandna mħejjija għalikom.

Mark

Tista’ taqra wkoll il-fuljett f’forma diġitali. Żur il-Paġna tal-Facebook: http://www.facebook.com/MuseumSubien Nadur

11


Fuljett maħruġ mill-Museum tas-Subien tan-Nadur


Turn static files into dynamic content formats.

Create a flipbook
Nimxu Id F'Id - Novembru 2021 by Michael Debono - Issuu