Skip to main content

Nimxu Id F'Id - Settembru 2023

Page 1

Ritratt tal-faċċata: IL-FANAL TAL-ĠORDAN J insab l-Għasri madwar 180 metru

'l fuq minn wiċċ il-baħar. Huwa viżibbli sa 20 mil nawtiku 'l bogħod. Il-leħħa tiegħu ddur dawra sħiħa kull 7.5 sekondi. L-għan oriġinali kien li jservi ta' gwida għall-baħħara. Sa mill-1667 fl-istess post kien hemm fanal eqdem li kien iffinanzjat mill-Kavallier Fra Henry de Gourdan; dak iż-żmien, ovvjament kien jaħdem billampi tal-pitrolju, permezz tan-nar. Fi żmien it-tieni gwerra dinjija kien ġie mgħammar b'apparat tar-radar biex jinduaw bil-ħbit tal-ajruplani tal-għadu speċjalment Taljani. Illum aktar iservi bħala attrazzjoni turistika.

Ritratt meħud fid-9 t'Awwissu 2023, minn qrib is-Santwarju Ta' Pinu - Martin Attard.


Nimxu Id F’Id Settembru 2023 ħarġa numru 523

Għandek Minuta?

Hemm leġġenda ħelwa marbuta ma’ kunvent tal-patrijiet Franċiżi. Kienu patrijiet twajba, jgħixu f’kunvent imbiegħed mill-belt, li min jaf kemm-il darba serva ta’ kenn għall-pellegrini li kienu sejrin minn belt għal oħra u ma jkollhomx fejn iqattgħu l-lejl. Kienu jżommuhom magħhom, jipprovdulhom ikel u saqaf fuq rashom. Mhux ta’ b’xejn kienu magħrufin bħala l-patrijiet ta’ qalb twajba. Il-ħajja fil-kunvent tagħhom kienet mimlija hena. Iqumu filgħodu jitolbu flimkien. Imbagħad jaħdmu fil-ġnien kbir li kellhom biex imantnu lilhom infushom u miż-żejjed jitimgħu lil dawk li ma kellhomx għaxja ta’ lejla. Il-barka tal-Mulej kienet tinħass. Iżda kienu jħossu nuqqas wieħed. Għal xi raġuni jew oħra ebda wieħed mill-patrijiet ma kellu vuċi sabiħa. Kollha inzertaw stunati u għalhekk kienu jħossuhom qed jonqsu meta jibdew ikantaw għax l-istunaturi kienu jinstemgħu u kienu jistħu mill-Mulej li qed ifaħħruh b’dak il-mod. Imma darba żarhom pellegrin li meta semagħhom jkantaw tqarras bi sħiħ. Mar fejn il-gwardjan u malajr ilmenta miegħu. Qallhom li hu inzerta kantant ta’ fama. Dakinhar il-gwardjan ħalla lil dan il-pellegrin ikanta flokhom. U kemm ħadu pjaċir jisimgħu dak il-leħen sabiħ li mela l-kor u l-knisja. Kemm xtaqu li dak il-pellegrin jibqa’ magħhom biex ikompli jhennihom b’leħnu. Iżda ma setax jibqa’ hemm. Għamel biss serata magħhom u telaq. Dak il-lejl l-anġlu tal-Mulej deher lill-gwardjan u staqsieh: “Għaliex ilbieraħ ma kantajtux?” “X’int tgħid. Għandek żball. Ilbieraħ wassalna lill-Mulej l-isbaħ kant li qatt offra l-kunvent tagħna. Kellna pellegrin li bil-vuċi tiegħu sabiħa ħloqna atmosfera mill-isbaħ. Kif qed tgħid li ma kantajniex?” “Fis-sema ma nstema’ xejn. Is-soltu kontu tferrħuna b’kant sabiħ. Ilbieraħ kontu qiskom waqajtu fil-muta.” Għax quddiem il-Mulej mhux il-vuċi hi importanti imma x-xewqa li nfaħħru lill-Mulej u dan nagħmluh anki jekk inkunu stunati. Dan jgħodd ukoll għat-talb. Mhux importanti l-kliem sabiħ imma x-xewqa sinċiera li jien nitkellem mal-Mulej. . . kif naf jien.

1


Wirt il-Fundatur Dun Ġorġ ħallielna teżor . . .f’kitbietu X’jaf min ma ġarrabx? Wieħed jitgħallem minn dak li ġarrab x’inhu ta’ ġid biex jgħożżu u jipprattikah, u x’inhu ta’ deni biex jevitah.

X’tgħallimt kemm ilek fid-dinja?  

Tgħallimt li min iżomm l-ordni, l-ordni żżomm lilu. Tgħallimt li min ifittex isib, u min jitlob jaqla’.

 

Tgħallimt li d-dinja hija mimlija bil-mard u bl-ingustiżżji. Tgħallimt li ma nafdax fil-bnedmin. Tgħallimt li fuq in-nies ma nitħadditx.

Dawn is-sentenzi huma meħudin mill-kitba qasira bl-isem Il-Majjistra Esperjenza li Dun Ġorġ qassam lill-membri tal-Għaqda tiegħu fl-1956 permezz ta’ fuljetti b’erba’ paġni li kien iħobb isejħilhom il-‘four pages’. Din il-kitba ġiet stampata għall-pubbliku fl-2005.

2

Nimxu Id F’Id - Settembru 2023


Il-Mistoqsija Oħt il-Għerf Min ivvinta l-internet? Dan hu xogħol tad-dipartiment tad-difiża Amerikana li fis-snin sittin tas-seklu l-ieħor ħarġet b’din l-idea. Għall-bidu dehret fantastika u qisha għandha mill-ħrejjef. Fil-fatt fl-1969, erba’ min-nies biss kienu kkonnetjati mas-sistema imma sa 20 sena wara dawn telgħu għal 50,000. Imbagħad splodew għax fi 3 snin saru miljun u 10 snin wara, fl-2001 kienu 500,000,000. Fl-2007 saru 1.2 biljun u llum. . . ħafna u ħafna iżjed. Sistema li daħħlet illibreriji kollha tad-dinja fil-moniter tiegħek. Bħal kull ħaġa oħra jekk tagħraf tużaha tajjeb issib li għanietek. Użatha ħażin taf tirvinak. L-għażla, bħal dejjem, tkun f’idejk.

Nimxu Id F’Id - Settembru 2023

3


Mill-pinna ta’ Dr Coronato Grech

Xi qaddisin fil-qwiel (. . .ikompli mill-ħarġa t’Awwissu) F’San Martin (11 ta’ Novembru) jiftħu l-inbid u t-tin. F ’Novembru l-inbid li ngħasar jippruvawh u anke t-tin. San Martin ikisser it-tin u Katarin (25 ta’ Novembru) tisqih fin. F’San Martin jinfetaħ it-tin li jkun marsus ċappa, u ftit wara x-xita ssaqqi s-siġra għall-istaġun li ġej. F’San Martin jitfgħu x-xbiek fuq in-newl. F ’Novembru l-passa tkun għaddiet. L-aħjar annata tal-patata meta sa San Nikola (6 ta’ Diċembru) tkun fl-ixkora ). L-aħjar patata hija dik li tinġabar sa Diċembru. Fellus f’Lulju jagħtik bajda f’San Pupulju (27 Jannar). Il-flieles tas-sajf, sa Jannar ikunu laħqu tiġieġ u sriedak.

(. . .aktar qwiel fil-ħarġa tax-xahar id-dieħel)

4

Nimxu Id F’Id - Settembru 2023


. . .jikteb Ritchie Grech Il-Kamaleonti Il-kamaleonti hu kreatura interessanti li hu magħruf għall-abbiltà tiegħu li jibdel il-kulur tal-ġilda tiegħu. Dan jinbidel kemm mal-isfond li jkun fih bħala camouflage imma anke skont it-temperatura u l-emozzjonijiet tiegħu. Hu ġej minn familja antika ta’ gremxul, Chamaeleonidae, u madwar id-dinja hawn madwar 202 speċi. Fil-Bibbja nsibuh inkluż mal-lista ta’ annimali li ma setgħux jittieklu mil-Lhud għax kienu meqjusa bħala mniġġsa: “U minn fost l-annimali li jitkaxkru fl-art dawn huma kollha mniġġsin: il-ballottra, il-far u kull ġens ta’ gremxul; il-wiżgħa, il-kamaleonti…” (Lev 11, 30). Karatteristika unika tal-kamaleonti hu l-kapaċità li jdawwar għajnejh f’direzzjonijiet differenti. Kull għajn kapaċi ddur b’mod indipendenti li tagħtih l-abbiltà li jara dawramejt. Interessanti però li meta jiffoka fuq il-priża, juża għajnejh it-tnejn fl-istess direzzjoni li jirriżultaw f’mira perfetta biex jaqbad il-priża. Dan jagħmlu billi jispara l-ilsien twil tiegħu fuq il-priża li tikkonsisti f’insetti bħal friefet u wrieżaq. Il-mixja tal-kamaleonti hi unika wkoll fejn jimxi bil-mod qisu żewġ passi ’l quddiem u waħda lura. F’Malta ma kienx jeżisti l-kamaleonti imma ġie introdott minn patri u li nxtered f’kull ambjent tagħna. Xi studjużi ma jaqblux ma’ din l-introduzzjoni għax jagħmel ħsara lill-fawna indiġena tagħna. Nimxu Id F’Id - Settembru 2023

5


Fatti, tagħrif u figuri li jqanqlu stagħġib. . . u forsi tbissima. Fid-9 ta’ Settembru 2015, r-Reġina Eliżabetta II saret l-iktar reġina li rrenjat għat-tul. F’din l-okkażjoni rċeviet ħafna rigali. Fosthom kien hemm raġel bl-isem ta’ David Vaze li flok xtralha ftit fjuri jew xi oġġett żgħir bagħtilha ittra qasira u mal-ittra kien hemm karta ta’ 50 lira sterlina. Fl-ittra David qalilha: “Nifraħ miegħek f’din l-okkażjoni sabiħa u qed nibgħatlek xi ħaġa tal-flus biex tixtri xi ħaġa tajba u delizzjuża u tikolha mal-familja f’ismi.” Ir-Reġina ma tistax taċċetta flus iżda lanqas riedet tweġġa’ qalb David. Għalhekk irrispondietu b’ittra sabiħa ta’ ħajr u qaltlu li għalkemm ma tistax iżżomm flus xorta apprezzat il-ġest tiegħu. Bagħtitlu l-flus lura u talbitu biex ikun hu li b’dawk il-flus jixtri xi ħaġa għalih u għal familtu u jikluha flimkien. Ir-Reġina tkun qed taqsam il-ferħ tagħha magħhom. Gratitudni u edukazzjoni jagħmlu l-bniedem ġentlom!

6

Nimxu Id F’Id - Settembru 2023


Nagħġa ġewwa foresta fl-Awstralja qatt ma nqabdet biex tiġi mġeżża. U għalhekk matul is-snin kellha ġġorr tagħbija tqila ta’ suf li sħabha kienu ilhom li ħelsu minnha matul is-snin. F’Settembru 2015 irnexxielhom jaqbduha u din tathom lura 42 kilo ta’ suf. Rekord assolut għax ebda nagħġa qabilha ma tat daqstant suf. Ir-rekord kien għand nagħġa minn New Zealand iżda din waslet biss sa 27 kilo.

Nimxu Id F’Id - Settembru 2023

7


. . .jikteb Joe Portelli Il-Frizzjoni (Friction) Din il-forza tibda taħdem meta jkollok żewġ uċuħ imissu ma’ xulxin u jippruvaw jimxu wieħed fuq l-ieħor. Din il-friction dejjem teħodha kontra l-moviment. U meta l-uċuħ jiżolqu, l-enerġija taċ-ċaqliq tinbidel fi sħana, bħal meta togħrok idejk ma’ xulxin. Bl-Ingliż, l-enerġija li għandu oġġett għax qed jiċċaqlaq jgħidulha kinetic energy għax bil-Grieg kinētikos tfisser tal-mixi. Żrar fit-triq, żejt jew ilma jnaqqsu l-friction u għalhekk karozza iktar hemm ċans li tiskiddja. Iktar ma’ żewġ uċuħ ikuu magħfusin ma’ xulxin, iktar ikun hemm friction. Fil-fatt jekk tkun qed iżżomm flixkun b’subgħajk, iktar ma tagħfas, inqas hemm ċans li jiżloq. Meta oġġett ikun miexi ġo fluwidu, it-tfixkil minħabba l-friction jiżdied jekk il-veloċità tiżdied. Mela karozza għaddejja minn ġo l-arja u dgħajsa tofroq il-baħar jiżdidilhom it-tfixkil kontrihom jekk jgħaġġlu iktar. Il-friction minħabba fluwidu (likwidu jew gass) tiddependi wkoll fuq jekk il-fluwidu jgħaddix minn mad-dgħajsa b’mod dritt (streamlined) jew b’mod turbulenti. B’mod streamlined, titnaqqas il-friction.

8

Nimxu Id F’Id - Settembru 2023


Ortografija Maltija . . .niktbu bil-Malti tajjeb Liema waħda hija miktuba sewwa: qiegħda jew qegħda? It-tajba hija qiegħda u mhux qegħda. Biex tiftakar, qabbel il-kelma qiegħda mal-kelma nieżla - it-tnejn li huma jinkitbu bl-ie u l-konsonanti ż turik fejn trid tpoġġi l-għ, kif tista’ tara aħjar hawn taħt:

nieżel - qiegħed nieżla - qiegħda neżlin - qegħdin

Tagħrif mogħti lilna minn Pristineworks Ltd. Għal aktar tagħrif żuru: http://www.pristineworks.com Nimxu Id F’Id - Settembru 2023

9


Mid-Djarju tal-Qasam Awwissu huwa xahar għażiż għalina. Ta’ kull sena nfakkru l-Anniversarju mill-ftuħ tal-Qasam tagħna fin-Nadur. Għalhekk issir il-Ġimgħa Museumina li din is-sena saret bejn is-Sibt 5 u l-Ġimgħa 11 ta’ Awwissu. Bdejna din il-ġimgħa bil-laqgħa għall-ġuvintur u old boys li fiha qasam xi esperjenzi magħna Anton Mercieca, ex-superjur tal-Qasam tagħna. It-Tnejn kellna Quddiesa ta’ ringrazzjament f’din is-76 anniversarju mill-ftuħ tal-Qasam tas-Subien fin-Nadur. Qaddes għalina Dun Michael Said, old-boy tal-Qasam, li din is-sena qed ifakkar il-25 sena talOrdinazzjoni Saċerdotali tiegħu. Minħabba li kien riħ qawwi l-quddiesa saret fil-Kappella u għall-ewwel darba wkoll intużat is-sistema l-ġdida ta’ arja kundizzjonata fis-sala.

10

Nimxu Id F’Id - Settembru 2023


It-Tlieta kienet tassew ġurnata impenjattiva. Bdejna b’quddiesa fil-Kappella li fiha qaddes Fr Ruben Micallef. Wara tajna bidu għal ġurnata ta’ sports kemm fil-grawnd kif ukoll fil-gamesroom. Organizzajna wkoll l-għeluq ta’ Lobissajf taż-żgħar u dak tal-kbar. Fit-8.00p.m. kellna l-party u l-premjazzjoni tal-logħob kompetittiv. Spikka wkoll il-feature dwar l-attivitajiet li saru matul din is-sena li tħejja minn Kieran Borg. Il-Ħamis kellna Siegħa Adorazzjoni fil-grawnd tal-qasam li din is-sena tmexxiet minn Fr Joe Cardona. Ħa sehem ukoll il-Kor tal-Qasam kif ukoll parteċipazzjoni sabiħa minn dawk li attendew għal din il-laqgħa ta’ talb. Il-Ġimgħa kellna l-Play fuq il-ħajja ta’ San Ġwann Bosco li kienet iġġib l-isem Ħolma li Sawret Ħajja. Prosit lil dawk kollha li ħadu sehem, b’mod speċjali lil Daniel Meilak li qaxxar il-parti ta’ Don Bosco. Magħhom inżidu wkoll lil dawk kollha li ħadmu backstage kif ukoll lil Peter Aquilina li ħadem id-disinji tax-xenarju għall-projections li kienu taħt is-superviżjoni ta’ Bjorn Vella.

Mark Tista’ taqra wkoll il-fuljett f’forma diġitali. Żur il-Paġna tal-Facebook: http://www.facebook.com/MuseumSubien Nadur u fuq issuu.com/Nimxu Id f’Id Nimxu Id F’Id - Settembru 2023

11


LAFERLA

Call

+356 2122 4405

E-mail info@laferla.com.mt Visit

www.laferla.com.mt

Laferla Insurance Agency Ltd 204A, Vincenti Buildings Old Bakery Street, Valletta VLT 1453, Malta Europe.

Laferla Insurance Agency Ltd. is enrolled under the Insurance Distribution Act, Cap 487 to act as an Insurance Agent for MAPRE plc (MMS). MMS is authorised by the Malta Financial Service Authority (MFSA) under the Insurance Business Act, Cap 403 of the Laws of Malta. Both entities are regulated by the MFSA.


Fuljett maħruġ mill-Museum tas-Subien tan-Nadur


Turn static files into dynamic content formats.

Create a flipbook
Nimxu Id F'Id - Settembru 2023 by Michael Debono - Issuu