Ritratt tal-faċċata: Il-Granċ (Ghost Crab) - Dan il-granċ huwa pjuttost ġdid għall-gżejjer tagħna u l-wasla tiegħu fiċ-ċentru tal-Mediterran hija aktarx attribwita għall-fatt li t-temperatura tal-baħar qiegħda kulma jmur dejjem tiegħla. Il-granċ iqatta’ l-parti xemxija tal-ġurnata taħt ir-ramel u joħroġ biss matul il-lejl ifittex x’jiekol. Iħaffer toqob fondi ta’ madwar metru jew aktar u kapaċi jimxi b’ħeffa kbira. Ritratt meħud fir-Ramla l-Ħamra fit-12 t’Awwissu 2021 - Martin A ttard
Ħarġa Nru. 499
Għandek Minuta? Nimxu Id F’Id Settembru 2021
Christopher Lee, (mhux l-attur famuż) iżda kittieb Nisrani u storiku ta’ stoffa, jirrakkonta ġrajjiet dwar żgħożitu. Għadda minn ħafna avventuri u mhux kollha kienu ta’ min jiftaħar bihom. Biżżejjed ngħidu li tkeċċa mill-iskola u b’dak iċ-ċertifikat imwaħħal ma’ ismu ma tantx seta’ jsib xogħol. Għalhekk iddeċieda li jmur jaħdem fuq il-baħar fejn l-iskola ma tantx kienet tagħmel differenza.
Spiċċa fuq vapur u hemm għamel ħabib ma’ baħri xiħ. Raġel Irlandiż li kien jismu James Eamon Cobb. Christopher kien jitgħaxxaq jisimgħu jirrakkonta stejjer tal-baħar u minn kemm perikli għadda tul ħajtu. U bejn rakkont u ieħor dan l-Irlandiż kien jitfa’ xi parir u kelma għall-ġid. Mhux biss imma meta kienu jidħlu f’xi port kien iħajjar lil Christopher imur miegħu jisimgħu quddiesa. Christopher ma kienx Kattoliku iżda biex jurih kemm kien jistma l-ħbiberija tiegħu kien imur miegħu. Għall-bidu ma kien jifhem xejn u aktarx kien jongħos u forsi jorqod. Iżda maż-żmien beda jieħu gost jisma’ l-qassis jitkellem u kultant kien qisu qed ikellem lilu. Dan kien il-bidu ta’ bidla kbira fi Christopher. Irritorna l-Ingilterra u beda kors ta’ studju li bih seta’ jidħol l-università u minn hemm spiċċa studjuż tal-istorja u kittieb ta’ ċerta fama. Sar ukoll Kattoliku u b’turija ta’ rispett Christopher qatt ma nesa lil ħabibu. Baqa’ jikkorrispondi miegħu u ġie li ltaqgħu wkoll. Kienu saru ħbieb ta’ vera minkejja d-differenza fl-età. Tant li meta ħabibu miet, Christopher salpa lejn l-Irlanda biex jattendi l-funeral ta’ ħabibu. U kien wieħed mir-reffiegħa. Kemm tista’ tagħmel ġid kelma tajba u x’qawwa għandu l-eżempju.
1
Wirt il-Fundatur Dun Ġorġ ħallielna teżor. . . f’kitbietu
SAN ĠUŻEPP Id-dinjità ta’ San Ġużepp M’hemmx dubju li Marija Santissma hija tassew kbira għad-dinjità tagħha li, fil-veru sens naturali, hija Omm Alla. Issa min ma jikkonkludix fuq il-kbira dinjità ta’ San Ġużepp, li fil-missjoni tiegħu ġie magħruf bħala kap ta’ Ġesù u Marija Santissma? L-anġlu tal-Mulej, infatti, widdeb ’il San Ġużepp biex iħalli l-art ta’ Iżrael u jmur fl-Eġittu u hekk jeħles it-tarbija Ġesù mill-qilla ta’ Erodi: u b’hekk lilu għaraf b’kap tas-Sagra Familja. U kif Sara kienet tobdi lil Abraham, lilu ssejjaħ Sinjur u Sid, forsi mhux xejn inqas ma kienet tagħmel l-umli Marija Santissma lil San Ġużepp li kien il-leġittimu żewġ tagħha? Permezz tal-Ittra Appostolika Patris corde Papa Franġisku pproklama s-sena 2021 bħala sena ddedikata lil San Ġużepp. Fit-8 ta’ Diċembru 1870 Papa Piju IX iddikjara lil San Ġużepp bħala l-Patrun tal-Knisja Kattolika. Qegħdin inġibu ħsibijiet mill-ktieb SAN ĠUŻEPP ta’ Dun Ġorġ Preca miktubin lejn tmiem is-snin għoxrin.
2
Stejjer marbuta ma’
Giovanni Battista Montini
San Papa Pawlu VI Darba waqt udjenza lil ftit min-nies, kien hemm fosthom omm li kellha lil binha Edmund marid. Xtaq ħafna li jkellem lill-Papa. Il-Papa kien jaf bih u malli daħal fis-sala nesa liddinjitarji li kien hemm miġbura u mar ħdejn Edmund u beda jitkellem miegħu. Edmund tgħidx kemm feraħ. Fl-aħħar ilPapa qallu: “Edmund, nitolbu ftit flimkien?” “Iva” wieġeb Edmund. U t-tnejn qalu talba qasira. . . il-Papa jgħid il-kliem u Edmund jirrepeti warajh. Xi ħadd preżenti qal: “Bdejt nibki nara Papa b’qalb tant ħanina li ried jaqsam ma’ omm Edmund it-tbatija ta’ dawk il-mumenti diffiċli. It-tbissima ta’ omm Edmund kienet xhieda tas-sabar li tnissel f’qalbha frott din l-udjenza.”
Giovanni Battista Montini. . . . . .kien Kardinal Arċisqof ta’ Milan li fil-21 ta’ Ġunju 1963 ġie magħżul bħala l-Papa l-ġdid u ħa l-isem ta’ Pawlu VI. Miet fis-6 t’Awwissu 1978 u ġie ddikjarat qaddis fl-14 t’Ottubru 2018.
3
Aċċidenti li spiċċaw
skoperti u invenzjonijiet
. . .jikteb Dr. Coronato Grech
(. . .ikompli mill-ħarġa tax-xahar t’Awwissu)
Is-Siment Fil-1824 l-Ingliż Joseph Aspdin li kien jaħdem fil-fuħħar saħħan xi tafal li miegħu inzerta kien hemm xi franka ramlija. Xħin it-taħlita kesħet saret iebsa ħafna, imma xħin farrakha sab li kienet forma ġdida ta’ tip ta’ siment tajjeb ħafna, il-famuż Portland cement.
Il-Plastik Fil-1890 qattus ġera wara ġurdien fil-laboratorju tal-Isvizzeru Adolph Spiteller u waqqa’ flixkun li kien fih l-kimika formaldehyde. Din ġiet fuq xi ġobon li minħabba f’hekk għaqqad u sar kimika ġdida iebsa ħafna. Spiteller studjaha u b’hekk ġie vvintat ċertu tip ta’ plastik.
(ikompli fil-ħarġa tax-xahar id-dieħel)
4
. . .jikteb Ritchie Grech Is-Siġra tal-Ġewż Is-siġra tal-ġewż tinstab tikber anke f’pajjiżna. Il-ġewża li tittiekel proprja hi ż-żerriegħa ta’ din is-siġra li hija tajba għall-ikel. Fil-fatt il-ġewż fih ħafna nutrijenti fosthom proteini u xaħmijiet li huma tajbin għal saħħitna. Iż-żerriegħa tkun imgeżwra ġo qoxra kannella iebsa li trid titkisser biex tiekol ta’ ġew. L-injam tas-siġra hu iebes ħafna u jintuża ħafna fil-kitarri, snieter, għamara u mqabad tal-għodda.
Is-siġra tal-ġewż oriġinat millPersja (bl-Ingliż walnut) u hemm ukoll il-black walnut li tinstab fl-Amerika ta’ Fuq, il-ġewż tal-miskta u l-ġewż tal-fagu. Il-kelma ‘walnut’ m’għandhiex x’taqsam ma’ xi ħajt imma ġejja mill-kelma Ġermanika wal u mill-Ingliż antik wealhhnutu li tfisser ġewża barranija. Fl-antik missirijietna kienu jagħmlu infużjoni mill-weraq niexef tal-ġewż u jixorbuh bħala mediċina għall-istonku. Hemm anke qawl li jgħid ‘sar qisu ġewża’ jiġifieri ħa saħħtu lura. Fil-Bibbja tissemma fil-ktieb sabiħ tal-Għanja tal-Għanjiet fejn il-maħbub jinżel fil-ġnien tal-ġewż ifittex il-maħbuba tiegħu. “Fil-ġnien tal-ġewż inżilt, biex nara l-ħdura tal-widien, biex nara bdewx jarmu d-dwieli, hux iwarrad ir-rummien.” (Għan 6,11)
5
Fatti, tagħrif u figuri li jqanqlu stagħġib. . . u forsi tbissima. Il-linja tal-ajru Delta tal-Amerika ħabbret fuq il-website tagħha f’Diċembru 2013 li biljett bir-ritorn minn Cincinnati sa Salt Lake City jiswa biss 48 dollar. Fil-fatt l-ammont ried ikun 480. Kienu laħqu xtraw il-biljett ħafna għexieren li ma ridux jitilfu skont daqstant qawwi. Id-ditta malajr irranġat l-iżball iżda ddikjarat li min laħaq xtara l-biljett b’dak il-prezz ma kienx ser jiġi mitlub iħallas iżjed. Il-proverbju jgħid li l-opportunità trid taħtafha u dan ma jgħoddx biss għall-biljett bi prezz ridott.
Serge Vorobyov ried jissemma fl-aħbarijiet. Ftit ġranet qabel il-Milied tas-sena 2013 xtaq iferraħ ħafna nies billi mar f’ħanut kbir f’Minnesota, telà fis-7 sular u minn hemm beda jitfa’ karti tal-10 u tal-20 dollar. Ħoloq pandimonju sħiħ. . . kulħadd jipprova jaħtaf il-flus kultant qabel jaslu sal-art. Ta’ din il-karità Serge spiċċa arrestat u mmultat għall-ġiri, għajjat u storbju li qala’ minħabba azzjonitu. Serge gerger u qal: “Lanqas karità ma tista’ tagħmel f’din il-belt!”
6
Bill Shranko, sid ta’ ħanut tal-logħob f’Las Vegas, f’Diċembru 2013 ħalla warajh fit-taxi borża flus li fiha kien hemm għexieren ta’ eluf ta’ dollari. Bil-fixla lanqas ħa n-numru tat-taxi. Fehem kemm kien ser ikun diffiċli għalih li jidentifika lis-sewwieq l-iktar jekk dan ifettillu jibqa’ d-dar u ma joħroġx għal xi xhur, jgħix bid-dollari li tħallew fit-taxi tiegħu.
Iżda l-biża’ ta’ Bill kien għalxejn għax is-sewwieq - ċertu Gerardo Gamboa - fil-fatt mar hu stess ifittex lil Bill biex jagħtih lura l-borża mimlija flus. U Bill tant ħass sens ta’ gratitudni lejn dan is-sewwieq onest li tah 10,000 dollar bħala ħlas ta’ għemilu.
Mhux biss imma Gerardo rċieva wkoll rigal ta’ elf dollar mill-kunsill tal-belt li xtaq jippremja l-onestà ta’ dan iċ-ċittadin tiegħu appena Bill xandar għemilu.
7
Il-Batterija Kien Alessandro Volta li fl-1800 ivvinta l-ewwel batterija billi għamel borġ jew mazz voltajku: la pila voltaica. Din kienet magħmula minn biċċiet tar-ram u biċċiet taż-żingu fuq xulxin (żingu, ram, żingu, ram, eċċ.) mifrudin b’karta mxarrba bl-ilma mielaħ jew bl-alkali KOH. Metall minnhom jitlef l-elektrons b’mod iktar ħafif mill-ieħor tant li metall minnhom jispiċċa biex minnu joħorġu l-elektrons purċissjoni miż-żingu għar-ram u dawn l-elektrons mexjin qed iġorru ċarġ u għalhekk huma elettriku. Elettriku hu ċarġ miexi. U ż-żingu u r-ram ma jibqgħux elementi u għalhekk tkun saret reazzjoni kemikali. L-elettriku jsir f’batterija għax ikun hemm reazzjoni kemikali (chemical reaction) fejn materjali jinbidlu f’materjali oħra. L-elettriku hu meta partiċelli li jkunu ċċarġjati jimxu. U f’reazzjoni kemikali, isir kummerċ fl-elektrons li huma partiċelli li jġorru ċarġ negattiv. Pereżempju fil-batterija Leclanché (ivvintata fl-1866), iż-żingu jsir zinc chloride u l-manganese dioxide jitlef l-ammont ta’ ossiġnu. Din hi l-batterija normali li nużaw. Fil-batterija tal-karozza li tissejjaħ lead acid accumulator, waħda mill-pjanċi tkun ċomb u l-oħra ċomb miksi bis-sadid taċ-ċomb u t-tnejn mgħaddsin fl-aċtu sulfuriku (sulfuric acid). Biex tipproduċi l-elettriku, jiġi magħmul fuq iż-żewġ naħat sulfat taċ-ċomb. Naħa tipproduċi l-elektrons u n-naħa l-oħra jkollha bżonnhom. Għalhekk dawn l-elektrons (li jġorru ċarġ negattiv) jivvjaġġaw ġol-wajer mit-terminal negattiv għal dak pożittiv tal-batterija u jinħoloq l-elettriku. Għax l-elettriku hu partiċelli li jġorru ċarġ mexjin. Meta lithium-ion cell tipproduċi l-elettriku, il-lithium ions (li hi atoma tal-element lithium b’elektron nieqsa u għalhekk b’ċarġ pożittiv) imorru min-naħa (anode li tkun magħmula minn trab ta’ karbonju u lithium ions) għal oħra (cathode li jkun magħmul minn sadid tal-cobalt).
8
Niktbu bil-Malti tajjeb. . .
Ortografija Maltija
Kont taf li fil-Malti nittraduċu ‘draft’ bħala ‘abbozz’? Qabel ma proposta leġiżlattiva tidħol fis-seħħ, jeħtieġ li tgħaddi minn diversi fażijiet ta’ konsultazzjoni, diskussjoni u qari sabiex tiġi approvata u adottata fil-liġi.
Il-liġijiet l-ewwel jinħarġu f’forma ta’ abbozz bħala dokument ta’ konsultazzjoni, li jkun suġġett għal skrutinju minn kumitati parlamentari u partijiet interessati qabel ma jiddaħħal fil-liġi mil-leġiżlatura. Bil-Malti, dan ilproċess jissejjaħ ‘abbozzar ta’ liġi’.
Tagħrif mogħti lilna minn Pristineworks Ltd. Għal aktar tagħrif żuru: http://www.pristineworks.com
9
Mid-Djarju tal-Qasam Minħabba l-miżuri tal-Covid-19 anke din is-sena kellna nħassru l-Ġimgħa Museumina. Għalkemm dan kien ta’ dispjaċir kbir għalina, xorta waħda komplejna bil-programm tas-Sajf li kellna ppjanat. Tmiem ix-xahar t’Awwissu ġab fi tmiemu Lobissajf 2021. Din is-sena dan il-logħob dam sejjer għal madwar tmien ġimgħat, kważi id-doppju taż-żmien tassoltu. Kemm Lobissajf taż-żgħar kif ukoll dak tal-kbar kien missielet sew u ż-żewġ timijiet kważi bl-istess ammont ta’ punti sal-aħħar ġurnata. Anke lattendenza kienet waħda tajba ħafna. Fi tmiem Lobissajf saret premjazzjoni għażżgħar u oħra tal-kbar fejn tqassmu t-trophies lillcaptains u l-vice-captains u l-medalji lill-parteċipanti kollha.
10
Il-Ġimgħa 13 t’Awwissu kellna l-Hamburger Party organizzat mill-ħbieb tagħna Sammy u Doris Buttigieg flimkien ma’ Nina Bonello. Ħadna gost nerġgħu ntellgħu din l-attività wara li s-sena l-oħra ma setgħetx issir. Grazzi mill-qalb lil dawn il-benefatturi li ta’ kull sena jieħdu ħsieb jipprovdu u jsajru dak kollu marbut ma’ din l-attività. Grazzi wkoll tmur lil dak il-grupp ta’ Aspiranti li għenuna nnaddfu l-kantini millimbarazz li nġabar matul is-snin kif ukoll lill-Kunsill Lokali tan-Nadur li pprovdew it-trasport biex stajna narmuh. Bdejna wkoll league tal-football li ġa daħal fit-tieni ġimgħa tiegħu. Inkomplu nħeġġu lit-tfal u adolexxenti biex ikomplu jattendu l-Qasam fil-ġimgħat ta’ Settembru. Għandna aktar attivitajiet mħejjija għalikom. Titilfuhomx.
Mark Tista’ taqra wkoll il-fuljett f’forma diġitali. Żur il-Paġna tal-Facebook: http://www.facebook.com/MuseumSubien Nadur
11
Fuljett maħruġ mill-Museum tas-Subien tan-Nadur