Skip to main content

Nimxu Id f'Id - Awwissu 2022

Page 1

Ritratt tal-faċċata: Il-Werżieq (Cicada orni) Fih madwar 25mm, u huwa ta' lewn

kannella fil-griż sabiex jinħeba faċilment qalb l-ambjent naturali. Il-ġwienaħ tiegħu, li għandhom fetħa ta' madwar 70mm, huma trasparenti iżda mxebbkin bi speċi ta' vini skuri. Huwa r-raġel biss li jżarżar. Dan jagħmlu billi jogħrok partijiet minn żaqqu ma' xulxin u billi żaqqu hija fil-biċċa l-kbira tagħha vojta, din tamplifika l-ħoss. Għalkemm aħna dejjem nisimgħuh l-istess, il-werżieq jagħmel diversi tipi ta' ħsejjes differenti u li bihom ikun qed jikkomunika ma' wrieżaq oħrajn. Kapaċi jibdel il-ħoss billi jdawwar jew jibdel il-forma ta' żaqqu. Il-mara tbid mijiet ta' bajd (sa 400) fil-friegħi tas-siġar. Meta jfaqqsu x-xgħat (il-frieħ), jaqgħu fil-ħamrija, fejn jħaffru u jinżlu aktar minn 30cm 'l isfel. Hemm jibqgħu minn sentejn sa ħames snin u jgħixu billi jsoffu l-meraq mill-għeruq tal-pjanti. Meta jasal żmienhom, ix-xgħat jitilgħu fil-wiċċ, joħorġu mill-qoxra tagħhom, u jibdew l-ħajja ta' insetti adulti. Werżieq kapaċi jgħix sa sbatax-il sena.

Ritratt meħud fis-27 ta’ Lulju 2022 - W ied Binġemma, in-Nadur - Martin Attard


Għandek Minuta?

Nimxu Id F’Id Awwissu 2022

Ħarġa Nru. 510

Il-ħaddiema tal-karozzi Taljani Ferrari kienu dejjem jippretendu li tagħhom hi l-aqwa karozza tad-dinja. U peress li qrib tagħhom kien hemm fabbrika li tagħmel l-imħaret tgħidx kemm kienu jieħdu gost jippruvaw jiġbdu s-saqajn ta’ dawn il-ħaddiema: “Kos hux, intom bħalna ħaddiema ġo fabbrika li tagħmel il-magni. Aħna nagħmlu l-Ferrari u intom kulma tagħmlu hu mħaret!” Ċajta darba tiġi aċċettata imma meta tirrepeti ruħha tibda ddejjaq u dawn il-ħaddiema tal-imħaret kienu jinħarqu meta jiltaqgħu ma’ sħabhom tal-Ferrari. U mhux l-ewwel darba li xi ħaddiema spiċċaw jiġġieldu. Sid il-fabbrika sema’ b’dawn il-ġlidiet u f’qalbu ħolom li jagħti risposta lill-ħaddiema tal-Ferrari. Ħolom li hu wkoll jibda jagħmel karozzi lussużi li jħabbtuha mal-Ferrari. Kienet ħolma fantastika imma fejn hemm ir-rieda hemm triq lesta. Mhux triq għan-niżla iżda min irid jitlagħha kapaċi jitlagħha. U hekk twieldet il-fabbrika tal-karozzi Lamborghini li llum tħabbatha sew mal-Ferrari u għal uħud tissuperaha wkoll. Flok ħalla l-kritika tkissru, Ferruccio Lamborghini, sid il-fabbrika tal-imħaret, biddel il-kritika f’inizjattiva ta’ suċċess. Ħadd minna forsi mhu ser joħlom b’xi Lamborghini iżda żgur li f’ħajjitna ser nirċievu xi kritika. Għal uħud din tkissirhom. Għal oħrajn timbuttahom biex jagħmlu iżjed u aħjar. Jalla aħna nkunu minn dawn tal-aħħar.

1


Wirt il-Fundatur Dun Ġorġ ħallielna teżor . . .f’kitbietu

“Jimmy” qal is-surmast lil dan l-iskular tiegħu, “fissirli dan il-proverbju: Bil-qatra l-qatra timtela l-ġarra.” Jimmy qallu: “Wieħed jisraq sold illum, u sold għada, sold kuljum; maż-żmien jiġi li jisraq somma kbira. Wieħed jaħdem siegħa kuljum, maż-żmien jagħmel xogħol kbir. Wieħed jixrob xorb alkoħoliku kuljum, maż-żmien ikollu jara saħħtu rrovinata.” “Jimmy” qallu s-surmast, “min għallmek dan il-proverbju, għax qatt ma stennejt li int kellek tirrispondi hekk tajjeb?” “Soċju tal-Museum jgħallimna l-proverbji u jispjegalna x’ifissru, u jgħidilna biex nimxu fuqhom, għax huwa tagħlim ta’ missirijietna, tagħlim li fih għerf sod u umli.”

Dan ir-rakkont huwa meħud mill-ktieb Gabinetti fil-Museum, kollezzjoni ta’ ġrajjiet b’tagħlimiet li Dun Ġorġ kien jippubblika minn żmien għal ieħor. Jeżisti abbozz ta’ dawn il-ġrajjiet li x’aktarx huwa tat-tmiem l-1947 jew il-bidu tal-1948.

2

Nimxu Id F’Id - Awwissu 2022


Il-Mistoqsija Oħt il-Għerf Min ivvinta l-laptop? Tistagħġeb hux meta tkun taf li l-ewwel kompjuter kien irid spazju ta’ sala kbira biex kien seta’ jintrama. Illum il-laptop jiżen biss ftit kilos u iktar ma jgħaddi ż-żmien iktar qed isiru żgħar u ħfief.

Hemm ħafna ditti li jgħidu li kienu huma li bdewh imma x-xjenza tagħti l-mertu lill-Brittaniku Bill Moggridge li bena l-ewwel laptop (ferm ikbar minn tal-lum) fl-1982.

Nimxu Id F’Id - Awwissu 2022

3


Maġija fil-Weraq . . .jikteb Dr. Coronato Grech (. . .ikompli mill-ħarġa tax-xahar ta’ Lulju) L-importanza tax-xemx għall-pjanti tidher mill-fatt li dawn kollha jikbru ’l fuq biex jaraw l-iktar xemx, il-friegħi jinfirxu biex il-weraq ikunu l-iktar esposti, u anke l-weraq huma ċatti biex jieħdu kemm jistgħu mix-xemx. Il-klorofil ma jinstabx fil-weraq biss. Jinsab ukoll fil-ħafna pjanti uniċellulari mikroskopiċi li jinsabu kull fejn hemm umdità jew ilma qiegħed, għadajjar u xmajjar kif ukoll fl-ibħra u l-oċeani. U peress li wiċċ id-dinja fih ħafna iktar baħar minn art, dawn il-pjanti uniċelluli tal-baħar, imsejħa plankton, huma importanti iktar mis-siġar u l-pjanti kollha tal-art għall-bilanċ ekoloġiku. Huma l-iktar li jipproduċu ossiġnu; huma l-pulmuni tal-pjaneta; u likar li jieħdu mill-arja carbon dioxide li jifforma wkoll ma’ kull proċess ta’ ħruq, inkluż dak ta’ żjut u faħam tal-industrija u trasport kif ukoll anke dawk naturali bħal żbruffar ta’ vulkani. U l-carbon dioxide huwa wieħed mill-gassijiet li jsaħħnu l-atmosfera u jġibu sħana globali, kif qed naraw madwarna. Li jfisser li jkun tajjeb ħafna li nevitaw tniġġis fil-baħar u nibżgħu għas-siġar, u nkabbru oħrajn ġodda. U ta’ min niftakru li dan jaqbel l-iktar għalina. Il-pjanti jgħaddu sew mingħajrna!

(dan l-artiklu jkompli fil-ħarġa tax-xahar id-dieħel)

4

Nimxu Id F’Id - Awwissu 2022


. . .jikteb Ritchie Grech Il-Bergħud Il-bergħud żgur li kien pest għall-poplu antik daqs kemm għadu llum! Anzi n-nuqqas ta’ iġjene tal-antiki żgur li kienet toffri bejta biex dan l-insett hekk żgħir ibergħed. Il-bergħud hu insett li ma jtirx imma jaqbeż ħafna u jgħix bħala parassita fuq annimali jew għasafar. Hu jgħix billi jixrob ftit demm mill-vittma li jkun fuqha. Kif nafu jigdem anke lill-bniedem u jġorr ukoll il-mard.

Fil-Bibbja, fl-Antik Testment, insibu r-rakkont fl-ewwel ktieb tas-Slaten fejn ir-re Sawl kien qed ifittex lil David biex ineħħilu ħajtu għax kien jgħir għalih. David kellu ċans li joqtol lis-sultan li kien rieqed, hu u l-għassiesa tiegħu. Imma David ħafirlu u ħadlu l-lanza u l-ġarra tal-ilma bħala prova li seta’ joqtlu. Xħin filgħodu David qal b’dan lil Sawl, dan iddispjaċih u ma baqax ifittex lil ħajtu. David xebbah lilu nnifsu ma’ daqsxejn ta’ bergħud li qed jiġi kkaċċjat mir-re Sawl, kliem li laqat lil Sawl għax imbagħad beda jfaħħru bħala bniedem li għad jirnexxi u jkollu setgħa kbira! “U issa tħallix li demmi jixtered fl-art, 'il bogħod minn wiċċ il-Mulej, għax is-sultan ta' Iżrael ħareġ ifittex bergħud bħalma jduru għal perniċa qalb il-muntanji” [1 Sam 26,20].

Nimxu Id F’Id - Awwissu 2022

5


Fatti, tagħrif u figuri li jqanqlu stagħġib. . . u forsi tbissima.

Maickel Melamed minn Venezuela għamel kważi l-impossibbli meta ġera l-maratona ta’ Boston (Stati Uniti) f’April 2015. Għax Maickel ibati minn kundizzjoni f’saqajh li tagħmilha diffiċli ħafna għalih li jiġri. Ibati anki biex jimxi aħseb u ara meta jkollu jħaffef il-pass biex ilaħħaq mal-kompetituri l-oħra. Għalkemm daħal l-aħħar wieħed wara ġirja ta’ bosta mili Maickel ħassu ferħan ser itir u ħafna mijiet baqgħu jistennewh jasal ħalli jagħtuh ċapċipa kbira għax l-eżempju tiegħu ser jagħti ħafna qawwa lill-pazjenti li jsofru mill-istess kundizzjoni.

6

Nimxu Id F’Id - Awwissu 2022


Ċittadini ta’ bosta pajjiżi speċjalment filLvant Imbiegħed huma mdorrijin jieklu ħafna insetti li għalina talPunent huma moqżieża. Iżda x-xjenza qed tikxef li fil-fatt dawn huma sustanzjużi ħafna u jekk il-bniedem talPunent jibda jaċċettahom fid-dieta tiegħu jfisser li l-ikel dinji jiżdied bil-kbir u ħafna minn dawk li huma foqra u bi stonku vojt jsibu li għandhom biex jitrejqu. Flok neqirdu l-insetti u l-ambjent bl-ispray, nużawhom biex imantnuna. Jalla dan il-proċess ma jiħux ħafna snin.

Nimxu Id F’Id - Awwissu 2022

7


. . .jikteb Joe Portelli Il-Metanu (Methane Gas bl-Ingliż)

Isejħulu wkoll marsh gas u jinstab fin-natural gas. L-LNG (liquefied natural gas) huwa metanu. Fin-natura jiġi magħmul meta l-batteri (bacteria) ikissru l-ħaxix, weraq u l-bqija, meta ma jkunx hemm ossiġnu (anaerobic bacterial decomposition of vegetable matter). Għalhekk il-baqar jipproduċu l-metanu meta jitfewqu għax fl-istonku tagħhom hemm dawn il-batteri li jgħinu lill-baqra biex tiddiġerixxi l-ħaxix li tiekol. Il-formola kemikali ta’ metanu hi CH4 jiġifieri molikula ta’ metanu fiha atoma ċentrali ta’ karbonju (C) u magħha hemm imwaħħlin 4 atomi ta’ idroġenu (H). Meta jinħaraq u jkun hemm biżżejjed ossiġnu, jipproduċi CO2 u H2O. Imma jekk ma jkunx hemm biżżejjed ossiġnu, jiġi ffurmat l-monossidu tal-karbonju, CO (carbon monoxide). Dan hu bla riħa u bla kulur imma hu velenuż u joqtol. Dejjem hemm il-periklu li jiġi ffurmat s-CO meta taħraq affarijiet li fihom il-karbonju, bħal petrol, diesel, gass tal-kuker, pitrolju u injam. Għalhekk biex tevita xi traġedja, importanti li dejjem ikun hemm xi mkien miftuħ biex titbiddel l-arja. Meta nisimgħu fl-aħbarijiet li sabu lil xi ħadd mejjet bil-gass, normalment ikun ivvelenar bis-CO (carbon monoxide poisoning). Il-metanu għandu effett serra 28 darba iktar mill-CO2. Mela l-preżenza tiegħu fl-arja qed joħloq ukoll tibdil fil-klima. Għalhekk, li nnaqqsu l-użu taċ-ċanga u ta’ prodotti tal-ħalib, jgħin biex innaqqsu t-tibdil fil-klima. Dan ma jfissirx li ma nieklu xejn minn dawn il-prodotti, imma li nipprattikaw il-qies: tajjeb għall-ambjent u tajjeb għal saħħitna. Tifsir tal-kliem: Nimmaġinaw l-atoma qisha boċċa żgħir a b’dijametru ta’ 0.1 nanometru. Ifisser li jekk tpoġġi linja ta’ atomi twila metru, jkollok għaxart elef miljun atoma fil-linja. Molikula (molecule) hija grupp ta’ atomi mwaħħlin flimkien b’ġibda li tissejjaħ covalent bond. Ion hi atoma jew grupp ta’ atomi li ġġorr/jġorru ċarġ.

8

Nimxu Id F’Id - Awwissu 2022


. . .niktbu

Ortografija Maltija

bil-Malti tajjeb X’suppost tikteb: niftiehmu jew niftehmu?

Għandek tikteb ‘niftiehmu’ għax jekk timxi fuq il-mudell ta’ ‘bierek’ tara li l-h għandha tiġi wara l-ie. Fil-każ ta’ ‘niftiehmu’, ara li tpoġġi l-h fl-istess post tar-r f’‘nitbierku’.

Agħti ħarsa lejn il-lista ta’ verbi hawn taħt biex tifhem aħjar kif taħdem: nitbierek

-

niftiehem

titbierek

-

tiftiehem

jitbierek

-

jiftiehem

titbierek

-

tiftiehem

nitbierku

-

niftiehmu

titbierku

-

tiftiehmu

jitbierku

-

jiftiehmu

Tagħrif mogħti lilna minn Pristineworks Ltd. Għal aktar tagħrif żuru: http://www.pristineworks.com Nimxu Id F’Id - Awwissu 2022

9


Mid-Djarju tal-Qasam Fis-Sajf il-Museum ma jagħlaqx imma jżid l-impenn tiegħu biex matul ix-xhur tas-sajf, it-tfal u l-adolexxenti jkomplu jattendu kemm għat-tagħlim kif ukoll għal bosta attivitajiet rikreattivi li jorganizza minn żmien għal ieħor. Wara l-festa bdejna b’Lobissajf tal-Kbar u taż-Żgħar. Ilkonkorrenza kienet waħda tajba fejn it-timijiet jissieltu bejniethom sabiex jiġbru l-aktar ammont ta’ punti. Dan il-logħob jibqa’ sejjer sat-Tlieta 9 t’Awwissu meta dakinhar ssir ġurnata ta’ sport li jagħlaq bilParty u l-Premjazzjoni. Fost l-attivitajiet li kellna matul Lulju, organizzajna Pizza Party fil-bitħa għal kulħadd. Grazzi kbira tmur lil Pietru u Maria Muscat ta’ Rabokk Pizzeria li ta’ kull sena jipprovdulna l-pizez għal din l-attività.

10

Nimxu Id F’Id - Awwissu 2022


Kellna wkoll ħarġiet il-baħar għall-klassijiet tasSekondarja kif ukoll mawra ġewwa l-Isplash and Fun Park ġewwa Malta wkoll għallklassijiet tal-kbar. Issa jmiss il-Hamburger Party u ser isir nhar il-Ħamis 4 t’Awwissu. Nirringrazzjaw lil Sammy, Doris u Nina li ta’ kull sena jieħdu ħsieb din l-attività. Qrobna wkoll biex mis-6 sat-12 t’Awwissu nfakkru l-75 Anniversarju mill-ftuħ talMuseum tas-Subien fin-Nadur. Din ser tkun Ġimgħa Museumina speċjali fejn din is-sena stedinna lil Mons Isqof Anton Teuma biex jikkonċelebra Quddiesa ta’ Ringrazzjament fil-grawnd bis-sehem tal-Kor tal-qasam u l-Kleru Naduri. Ser ikollna wkoll feature dwar l-Istorja tal-Museum li ħadem ħafna fuqu adolexxent li jattendi l-Qasam tagħna, Kieran Borg, li għalih qed nistiednu lil kulħadd biex jattendi għal din is-serata nhar l-Erbgħa 10 t’Awwissu. Minbarra dan ser ikollna l-ġurnata tat-tfal, l-Adorazzjoni fil-grawnd kif ukoll il-Play dwar Dun Mikiel Attard li fiha qed jieħdu sehem anke atturi żgħar flimkien ma’ adolexxenti, ħbieb u l-old boys tagħna. Nistednukom biex tattendu għal dawn l-attivitajiet, li huma mmirati l-ewwel nett għat-tfal u l-adolexxenti li jattendu l-Qasam tagħna.

Mark Tista’ taqra wkoll il-fuljett f’forma diġitali. Żur il-Paġna tal-Facebook: http://www.facebook.com/MuseumSubien Nadur Nimxu Id F’Id - Awwissu 2022

11


Fuljett maħruġ mill-Museum tas-Subien tan-Nadur


Turn static files into dynamic content formats.

Create a flipbook
Nimxu Id f'Id - Awwissu 2022 by Michael Debono - Issuu