Ritratt tal-faċċata: Iż-Żunżan (Polistes dominula) - Insibuh l-aktar fix-xhur sajfin. Bħan-naħla, għandu x-xewka, imma, għall-kuntrarju tagħha, ma jmutx wara li jniggżek. Jibni x-xehda tiegħu minn materjal li jixbah lill-karti u għalhekk huwa msejjaħ ukoll bħala Paper Wasp. Ritratt meħud f’Wied Binġemma, in-Nadur, fid-9 t’Awwissu 2017 - Martin Attard
Ħarġa Nru. 498
Għandek Minuta? Nimxu Id F’Id Awwissu 2021
Kien ritratt f’magazin li beda l-istorja kollha. Kien juri ħafna tfal Afrikani, tal-pajjizi bogħod mit-tropikali, mexjin fix-xita, bla papoċċ f’saqajhom. Rah ġuvnott Amerikan bl-isem ta’ Richard Hudgins. Ħass għalihom u flok iwaħħal f’dak u fl-ieħor għal din is-sitwazzjoni, ħareġ b’idea oriġinali. Għamel żewġ tabelli kbar li seta’ jġorrhom billi jilbishom quddiem u wara permezz ta’ żigarella li jgħaddi minn ġo rasu. Fihom kien hemm dettalji ta’ din it-tbatija għal tant eluf ta’ tfal. U biex iktar jiġbed l-attenzjoni kien jimxi ħafi. Mhux faċli tagħmilha fi New York fix-xahar ta’ Frar. Kien hemm reazzjoni differenti. Min baqa’ sejjer għax ħasbuh miġnun u min waqaf, irrifletta, daħħal idu fil-but u offra l-għajnuna. U min dawn tal-aħħar kien hemm numru sabiħ. Tant li fi żmien ftit ġimgħat Richard irnexxielu jiġbor somma sostanzjali li permezz tagħha nxtraw ħafna papoċċi. Anki d-ditti ta’ dawn il-papoċċi ħassew li għandhom jagħtu kontribut u għalhekk offrew il-prodotti tagħhom bi prezz ridott ħafna. Meta l-gazzetti skoprew din l-inizjattiva marru biex jagħmlu intervista lil Richard li qallhom biss: “Min iħobb irid juri li kapaċi jbati għal min iħobb. Jien inħobb lil dawn it-tfal foqra. M’iniex kapaċi mmur ngħinhom f’pajjiżhom. Ippruvajt ngħinhom minn New York.”
U dan il-prinċipju ta’ “min iħobb ibati għal min iħobb” jgħodd għal persuni oħra fosthom il-ġenituri tagħna, li għax iħobbuna jbatu ħafna għalina. Ejja ma neħdux din l-imħabba for granted. Ejja napprezzaw imħabbithom u jekk u meta tinqala’ xi okkażjoni nuru wkoll li kapaċi nbatu għalihom.
1
Wirt il-Fundatur Dun Ġorġ ħallielna teżor. . . f’kitbietu
SAN ĠUŻEPP L-Impressjoni ta’ San Ġużepp Mill-mument li San Ġużepp sema’ mill-fomm profetiku tax-xwejjaħ Xmuni l-bxara fuq il-passjoni ta’ Ġesù Kristu u fuq is-sejf li kellu jinfed ir-ruħ ta’ Marija Santissma, sakemm miet, il-ħsibijiet tiegħu kienu dejjem fuq dak li kellhom isofru Ġesù u Marija. Jekk kien jarahom fil-mistrieħ jew fuq ix-xogħol jew waqt li jkellmuh jew fl-orazzjoni, il-leħen tal-profeta kien jinstema’ jvenven f’widnejh: “Ara li dan Ġesù huwa mqiegħed b’sinjal li għalih għad tingħamel kontradizzjoni u oppożizzjoni, u sejf għad jinfed ir-ruħ tiegħek.” Permezz tal-Ittra Appostolika Patris corde Papa Franġisku pproklama s-sena 2021 bħala sena ddedikata lil San Ġużepp. Fit-8 ta’ Diċembru 1870 Papa Piju IX iddikjara lil San Ġużepp bħala l-Patrun tal-Knisja Kattolika. Qegħdin inġibu ħsibijiet mill-ktieb SAN ĠUŻEPP ta’ Dun Ġorġ Preca miktubin lejn tmiem is-snin għoxrin.
2
Stejjer marbuta ma’
Giovanni Battista Montini
San Papa Pawlu VI Meta Papa Montini mar Manila fil-Filippini fl-aħħar ġimgħa ta’ Novembru 1970, kien hemm folol kbar ta’ nies jgħajtu ferħanin biex jagħtuh il-merħba li kien jistħoqqlu. Il-folla kienet
kbira tant li l-forzi tas-sigurtà qajla setgħu jipproteġuh. U fost il-miġemgħa kien hemm fanatiku li xtaq itemm ħajjet il-Papa. Silet stallett u prova jniffdu iżda pulizija li kien qed qrib il-Papa ntebaħ u rnexxielu jwaqqaf dan l-attentat fuq ħajjet il-Papa. Il-Papa għamilha qisu ma ġara xejn u qatt
ħadd ma kien jaf li fil-fatt id-daqqa tal-istallett ma kinitx biss qattgħet is-suttana imma nifdet ukoll sal-laħam għad li l-ferita kienet waħda minima. Iżda minnha kien ħiereġ id-demm. Kien biss wara l-mewt tal-Papa li s-segretarju tiegħu Mons Pasquale Macci stqarr il-verità sħiħa ta’ din il-ġrajja.
Giovanni Battista Montini. . . . . .kien Kardinal Arċisqof ta’ Milan li fil-21 ta’ Ġunju 1963 ġie magħżul bħala l-Papa l-ġdid u ħa l-isem ta’ Pawlu VI. Miet fis-6 t’Awwissu 1978 u ġie ddikjarat qaddis fl-14 t’Ottubru 2018.
3
Aċċidenti li spiċċaw
skoperti u invenzjonijiet
. . .jikteb Dr. Coronato Grech
(. . .ikompli mill-ħarġa tax-xahar ta’ Lulju)
Il-Karta xuga Madwar 1780 (hemm verżjonijiet daqsxejn differenti tad-data), fl-Ingilterra, ħaddiem ġdid li beda jaħdem fil-produzzjoni tal-karti, nesa jżid ingredjent fit-taħlita tal-preparazzjoni tal-karta u b’hekk irvinaha u kellha tintrema. Il-ħaddiem tkeċċa, imma ftit wara s-sid, ċertu William Slade Russel, induna kemm din il-karta mormija, issa niexfa, kienet tajba biex tixxotta l-linka, problema perenjali ta’ dak iż-żmien.
(ikompli fil-ħarġa tax-xahar id-dieħel)
4
. . .jikteb Ritchie Grech Is-Siġra tal-Għargħar Is-siġra tal-Għargħar, Sandarac tree, hi s-siġra nazzjonali tagħna. Hi siġra li oriġinat minn Malta, il-Marokk u minn Spanja. Hi rari ħafna u f’Malta hi kklassifikata bħala kritikament fil-periklu li tista’ tinqered. Mitt sena ilu kien hawn partijiet kbar tal-kampanja miksija b’din is-siġra. Minħabba n-nuqqas ta’ interess lejn il-flora ta’ pajjiżna ħafna siġar inqatgħu għal skopijiet agrikoli u ddaħħlu ħafna speċi aljeni. Is-siġra tal-Għargħar tħaddar is-sena kollha u togħla madwar għaxar metri u l-weraq tagħha hu delikat qisu skwami f’erba’ fillieri. Il-koni rġiel u nisa jikbru fuq l-istess siġra u tagħmel żerriegħa fil-koni femminili li jikbru sa 15mm. Hi tikber fil-makkja u hi mħarsa mil-liġi. Illum qed titħawwel ukoll fil-ġonna pubbliċi. Miz-zokk joħroġ resin li meta jinxef jagħmlu minnu l-verniċ u l-inċens. Is-siġra tal-Għargħar hi rari fil-pajjiż tal-Bibbja u għalhekk ma tantx tissemma. Tissemma fil-ktieb ta’ Ġeremija meta jqabbel il-poplu Lhudi li spiċċa fl-eżilju bħal siġra tal-għargħar fid-deżert li ma tistax tikber: “ikun bħal għargħar fix-xagħri li qatt ma jara l-ġid; jgħammar f’art maħruqa fid-deżert, art mielħa li ma joqgħod fiha ħadd.” (Ġer. 17, 6).
5
Fatti, tagħrif u figuri li jqanqlu stagħġib. . . u forsi tbissima. Meta f’Settembru 2013 t-tabib li wettaq operazzjoni fl-irkoppa ta’ Lyle Rutterbories staqsieh x’inhi l-ikbar xewqa li għandu, dan wieġbu: “Li nerġa’ lura għax-xogħol.”
Lyle kien jaħdem f’park Nazzjonali u x-xogħol tiegħu kien jikkonsisti f’li jieħu ħsieb l-annimali li hemm fil-Park. Li jgħaġġbek hu l-fatt li Lyle kellu 93 sena meta saret l-operazzjoni. U minkejja l-età kien għadu attiv u jħobb ix-xogħol. L-antiki kienu jgħidu: Ix-xogħol hu salmura tal-ġisem. . . jiġifieri ma jħallix lil dak li jkun jintelaq u jispiċċa.
Sar survey fl-2010 f’bosta bliet biex jaraw kemm in-nies tal-post jużaw il-kelma grazzi wara li jkunu rċivew il-biljett tat-traġitt bit-trejn, xarabank, underground u l-bqija. Ir-riżultat li ħareġ kien dan: Londra: 70 fil-mija Tokyo: 50 fil-mija Berlin: 30 fil-mija New York: 10 fil-mija Tgħid kieku ġew il-persentaġġ?
6
Malta
kemm
kien
ikun
Kultant ma tifhimx kemm ikun hemm qilla moħbija fil-bniedem. F’Jannar tal-2014 kien hemm koppja Amerikana fi Florida qed tara l-film Lone Survivor. F’ħin minnhom dawn qalu lill-koppja oħra li kienu quddiemhom biex ma jkomplux jitkellmu jgħajtu fuq il-mowbajl għax kienu qed itellfuhom l-istorja tal-film. Ir-raġel tal-mowbajl dar lejhom beda jgħajjat u f’ħakka t’għajn ħareġ revolver u qatel lir-raġel li kellmu. Delitt li ħasad ħajja innoċenti u qered ukoll ħajjet il-qattiel għax dan spiċċa l-ħabs fejn ikollu jqatta’ ħafna snin. Kemm jiswa ftit kontroll tikkondizzjonalu ħajtu jispiċċa ħażin.
fil-ħajja.
Min
iħalli
r-rabja
7
Il-Baħar Mediterran Skont Charles Thake, ngħidu ż-żokra ta’ Marì, għax din Marija kellha dar f’nofs l-Imdina u hi kellha l-kamra tas-sodda f’nofs id-dar u s-sodda kienet f’nofs il-kamra u hi kienet torqod f’nofs is-sodda. Issa billi żokritha qiegħda fin-nofs ta’ ġisimha, din iż-żokra tiġi fin-nofs tal-univers! Għax Malta f’nofs il-Mediterran, u l-Mediterran f’nofs id-dinja u d-dinja kienu jaħsbu li qiegħda fiċ-ċentru tal-Univers. F’dan il-baħar insibu reġjuni bħall-Baħar Alboran, Eġew, Ijonju, Tirren, Ligurjan, ta’ Marmarà, Levantin, Libjan u Balejariku. Fih hemm taħbat il-qoxra li fuqha hemm l-Afrika (A frican Tectonic Plate) mal-qoxra li fuqha hemm l-Ewropa u l-Asja (Eurasian Plate). Dan il-ħbit jifforma l-muntanji bħall-Alpi u l-Muntanji Atlas fl-Afrika ta’ Fuq u fejn jaħbtu jinħolqu terremoti u vulkani bħall-Etna. Malta qiegħda fuq il-qoxra kontinentali tal-Afrika u din miexja ’l fuq lejn l-Ewropa b’veloċità ta’ 2 jew 3 ċentimetri (jiġifieri pulzier) f’sena. Jiġifieri bir-rata ta’ kemm jikbru d-dufrejn tagħna! Malta telgħet ’il fuq minn wiċċ l-ilma xi 5 miljun sena ilu. Qabel Malta telgħet fil-wiċċ, kien hemm żmien fejn il-Mediterran nixef għal kollox jew kien magħmul minn għadajjar kbar bi rqajja’ nexfin. Fiż-żminijiet tas-silġ kien hemm drabi li l-ilma naqas fil-Mediterran u Malta setgħet tingħaqad b’art niexfa ma’ Sqallija. L-ilma tax-xmajjar li jbattlu fil-Mediterran jitfgħu biss terz tal-ilma li jevapora minnu. Għalhekk irid jidħol l-ilma mill-Atlantiku. Dan jidħol bħala kurrent fil-wiċċ. L-ilma li joħroġ mill-Mediterran għall-Atlantiku joħroġ bħala kurrent fil-qiegħ. Jaqbel ħafna lilna li nibżgħu għal dan il-baħar, benniena taċ-ċiviltà, baħar bejn l-artijiet.
8
Niktbu bil-Malti tajjeb. . .
Ortografija Maltija
Kont taf li fil-Malti nittraduċu earthquake’ bħala ‘Theżżiż il-baħar’?
‘Submarine
‘Submarine earthquake’, li bil-Malti nsejħulu ‘theżżiż il-baħar’ proprju għax ikun qed jitheżżeż il-baħar (jew aħjar ikun qed jitheżżeż qiegħ il-baħar), huwa terremot li jseħħ fil-qiegħ tal-baħar. Kelma oħra li tintuża fost il-Maltin għal ‘submarine earthquake’ hija ‘maremot’ li ovvjament hija komposta millkelma Taljana ‘mare’ (baħar) u ‘terremoto’ (terremot). Infatti, il-kelma bit-Taljan, u kif ukoll bl-Ispanjol, għal ‘submarine earthquake’ hija ‘maremoto’. X’jiġri eżatt waqt theżżiż il-baħar jew maremot? Meta l-pjattaformi tettoniċi, li huma l-partijiet tal-qoxra u s-saff ta’ fuq tad-dinja li flimkien jagħmlu l-litosfera, jgħaddu minn maġenb xulxin u jaħbtu, jikkawżaw partijiet massiċċi tal-art li tinsab f’qiegħ l-oċeani biex jiċċaqalqu minn posthom u b’konsegwenza jkun hemm movimenti irregolari fl-ilma li jiġġeneraw mewġ enormi. Ir-riżultat ta’ dan? Tsunami.
Tagħrif mogħti lilna minn Pristineworks Ltd. Għal aktar tagħrif żuru: http://www.pristineworks.com
9
Mid-Djarju tal-Qasam Ix-xahar ta’ Lulju kien xahar mimli b’attività fil-Qasam tagħna. It-tfal u l-adolexxenti jafu sew li matul ix-xhur tas-sajf, il-Qasam ma jagħlaqx imma jipprova jżomm kuntatt permezz tat-tagħlim u l-logħob. Avolja għadna ngħixu fi żmien ta’ pandemija sar sforz kollettiv biex nagħmlu dak kollu possibbli biex il-Qasam tagħna jkompli jopera wkoll fis-sajf.
Matul Lulju tajna bidu għal Lobissajf 2021 wara li s-sena l-oħra kellu jitħassar. It-tfal tal-Primarja kienu jiltaqgħu darbtejn fil-ġimgħa filwaqt li dawk tasSekondarja kienu jiltaqgħu erba’ darbiet fil-ġimgħa. Bħas-snin l-imgħoddija kellna ħafna logħob divertenti fosthom logħob bil-bżieżaq bl-ilma, logħob kompetittiv, treasure hunts, scavenger hunts u anke logħob tradizzjonali bħal-logħba tal-Qasba.
10
Din is-sena l-logħob ġie estiż sat-tielet ġimgħa ta’ Awwissu għar -raġuni li minħabba l-miżuri fis-seħħ marbuta mal-pandemija, il-Ġimgħa Museumina kellha titħassar għal din is-sena wkoll. Ħadna gost immens li n-numru ta’ dawk li qed jattendu kien ikbar minn dak li kien jattendi sentejn ilu. Organizzajna wkoll pizza party kull ħmistax. Grazzi b’mod speċjali lil Lenard Tabone Ta’ Nardu, Anġlu Muscat ta’ Anġlu’s Pizzeria u Peter u Maria Muscat ta’ Rabokk Pizzeria li sponsorjaw dawn il-Pizza Parties bħalma jagħmlu ta’ kull sena.
Qed noqorbu wkoll fit-tmiem tal-proġett li kellna li kien beda sena ilu. F’dawn l-aħħar ġimgħat ġie installat il-lift u sar ix-xogħol fuqu mill-electrician. Baqa’ jsir ix-xogħol mal-bibien tal-erba’ entraturi kif ukoll xi xogħol elettriku fil-kantini. Nirringrazzjaw lill-grupp ta’ żgħażagħ li għenuna niżbarazzaw il-kantini biex b’hekk stajna nistivaw aħjar l-armar kollu li nużaw matul is-sena.
Mark Tista’ taqra wkoll il-fuljett f’forma diġitali. Żur il-Paġna tal-Facebook: http://www.facebook.com/MuseumSubien Nadur
11
Fuljett maħruġ mill-Museum tas-Subien tan-Nadur