Skip to main content

Nimxu Id f'Id - Lulju 2021

Page 1

Ritratt tal-faċċata: Mauve Stinger (Pelagia noctiluca) - Din hi l-aktar brama komuni li naraw madwar il-gżejjer Maltin. Meta jiġu stimulati jipproduċu ‘biotoxin’ aċiduż ħafna li jixwina meta jmiss magħna. Hija kreatura ‘bioluminescent’, jiġifieri għandha l-ħila li tipproduċi xi ftit dawl vjola meta tiġi stimulata mill-mewġ jew minn xi dgħajsa. Kapaċi tgħix saħansitra sa disa’ xhur. L-akbar għedewwa tagħha huma l-fkieren u l-Mola Mola (Sunfish). Ritratt meħud L-Imġarr, fis-26 ta’ Novembru 2006 - Martin A ttard


Ħarġa Nru. 497

Għandek Minuta? Nimxu Id F’Id Lulju 2021

Ix-xitwa tas-sena 2014 ma tantx kienet ħanina għall-foqra u dawk bla dar fl-Awstralja. Għax għad li dan il-kontinent hu pajjiż sinjur u mimli riżorsi xorta jkun hemm min ibati l-ġuħ u l-bard. Min għax ikun mentalment instabbli, min għax jispiċċa vittma tad-droga jew xorb u min għax jitlef ix-xogħol. Stejjer ta’ swied il-qalb u ħafna tbatija.

Is-sorijiet ta’ San Vinċenz f’dan il-pajjiż jagħmlu ħilithom kollha biex inaqqsu din it-tbatija billi jipprovdu xi ikla sħuna u anki ħwejjeġ użati li jkunu ser jintremew. Jaċċettaw dawn il-ħwejjeġ u dawk li jkunu għadhom mhux imkabra ħafna, jiġu maħsula u mogħtija lil dawn in-nies il-foqra. U proprju wara appell għal dawn il-ħwejjeġ, is-sorijiet irċivew pakkett u fih kien hemm erba’ ġkieket. Fil-bwiet tagħhom jidhru sew kien hemm ħafna karti ta’ dollari Awstraljani. Is-sorijiet għall-bidu ħasbuhom flus foloz iżda ħassew li l-aħjar ħaġa li jsejħu lill-pulizija ħalli jagħmlu l-indaġni tagħhom. U meta dawn ġew u eżaminaw il-ġkieket sabu eluf ta’ dollari fil-bwiet. U kollha kienu flus validi. Iddeċidew li jħallu ftit ġranet jgħaddu biex jekk forsi jonqob xi ħadd li jgħid li ħalla dawk il-flus bi żball, ikun jista’ jmur u jeħodhom lura. Iżda s-sorijiet ma rċivew l-ebda talba simili u għalhekk il-flus tpoġġew fil-fond tal-foqra biex bihom jinxtraw ikel u ħwejjeġ għal dawk li kienu għaddejjin minn żminijiet diffiċli. Kien aktarx benefattur li ma riedx juri ismu. Ried li jagħmel opra tajba bla daqq ta’ trombi. Eżatt kif għallem Ġesù li idek ix-xellugija ma tkunx taf x’għamlet idek il-leminija. Jalla aħna wkoll nitgħallmu nagħmlu t-tajjeb anki meta ma jkun hemm ħadd jarana, jismagħna u jċapċpilna. Nagħmluh għall-Mulej li jħallasna fil-wisa’. . . mija għal kull wieħed li nagħtu.

1


Wirt il-Fundatur Dun Ġorġ ħallielna teżor. . . f’kitbietu

SAN ĠUŻEPP Is-sjufija ta’ qalb San Ġużepp Meta Alla jagħżel lil xi ħadd għal xi fini, jagħtih il-mezzi wkoll. Issa min jista’ jiddubita li Alla ta tassew qalb lil San Ġużepp ikkonfermata fil-grazzja, billi dan kellu jgħammar ma-istess innoċenza, il-Verġni Immakulata u Ġesù Kristu u lilhom jindokra? Ma tkunx inutli hawn ir-ripetizzjoni tal-kelma li San Ġużepp qal lil Santa Margerita ta’ Cortona fuq is-sjufija tal-qalb tiegħu: “Kieku jafu l-fidili xi glorja u x’unur nieħu meta huma jinvokawni u jsejħuli: O San Ġużepp ta’ qalb safja!” U meta fl-Iskrittura huwa mfaħħar b’raġel ġust, min ma jarax fih il-ġabra tal-virtujiet kollha u speċjalment il-kastità tal-qalb? Permezz tal-Ittra Appostolika Patris corde Papa Franġisku pproklama s-sena 2021 bħala sena ddedikata lil San Ġużepp. Fit-8 ta’ Diċembru 1870 Papa Piju IX iddikjara lil San Ġużepp bħala l-Patrun tal-Knisja Kattolika. Qegħdin inġibu ħsibijiet mill-ktieb SAN ĠUŻEPP ta’ Dun Ġorġ Preca miktubin lejn tmiem is-snin għoxrin.

2


Stejjer marbuta ma’

Giovanni Battista Montini

San Papa Pawlu VI F’Ottubru 1965 il-Papa Pawlu VI mar ikellem lin-nazzjonijiet kollha tad-dinja f’laqgħa fil-Ġnus Magħquda. U hemm qal lid-delegati kemm hi sabiħa l-paċi u kemm hi kerha l-gwerra. U fuq din tal-aħħar

urihom kemm tbatijiet iġġib il-gwerra.

Imwiet ħesrem, korrimenti

permanenti, ġuħ u għaks, tkissir tal-isbaħ monumenti. Qallhom il-Papa: “Jew il-bniedem jeqred kull ħjiel ta’ gwerra jew il-gwerra għad teqred

lill-bniedem.” Għalhekk qallhom il-Papa: “Ejjew ngħajtu flimkien: Gwerra qatt iżjed. Qatt iżjed Gwerra.”

U dan il-kliem tant ħareġ minn qiegħ

qalbu li baqa’ jissemma sal-lum.

Giovanni Battista Montini. . . . . .kien Kardinal Arċisqof ta’ Milan li fil-21 ta’ Ġunju 1963 ġie magħżul bħala l-Papa l-ġdid u ħa l-isem ta’ Pawlu VI. Miet fis-6 t’Awwissu 1978 u ġie ddikjarat qaddis fl-14 t’Ottubru 2018.

3


Aċċidenti li spiċċaw

skoperti u invenzjonijiet

. . .jikteb Dr. Coronato Grech

(. . .kompli mill-ħarġa tax-xahar ta’ Ġunju)

It-Teleskopju L-ewwel teleskopju għamlu l-Olandiż Hans Lippershey li kien jaħdem fil-ħġieġ. Fil-1608, xi tfal tiegħu kienu jilagħbu b’xi lentijiet meta b’kumbinazzjoni dawn indunaw li jekk tpoġġi żewġ lentijiet wara xulxin quddiem għajn minnhom, l-oġġetti jidhru ikbar. Lippershey poġġa żewġ lentijiet f’tubu u għamel l-ewwel teleskopju li kien ikabbar tliet darbiet.

(dan l-artiklu jkompli fil-ħarġa tax-xahar id-dieħel)

4


. . .jikteb Ritchie Grech Iż-Żuf Iż-żuf jew issopu (Syrian Hyssop) hu parti mill-familja tan-nagħniegħ u tikber abbundanti f’Iżrael u fid-deżert tas-Sinaj. Din ix-xitla tikber f’arbuxelli żgħar f’art bil-blat u tagħmel ward abjad irqiq abbundanti bħal tal-merqtuxa. Fl-Art Imqaddsa kienet tintuża mat-te, mal-ikel imsajjar jew bħala ħwawar mal-ħobż jew maż-żejt taż-żebbuġa. Fil-fatt kien anke jsir żejt minn din il-pjanta. Kienet ukoll tintrabat f’qatet żgħar u tintuża għall-aspersjoni (tberik). Fl-ewwel Għid tal-Lhud, huma ċappsu l-koxox tal-bibien bid-demm tal-ħrief permezz ta’ din ix-xitla (Eżodu 12,22) u ħelsu mill-mewt. Biż-żuf ġew imraxxa bid-demm tal-patt fis-Sinaj (Lh. 9,19) u biha wkoll kienu jbierku fir-rit tal-purifikazzjoni tal-imġiddmin (Lev. 14,4). Kien jintefa’ friegħi minnha għall-ħruq fuq is-sagrifiċċju tal-baqra l-ħamra (Num. 19,6) u biha wkoll iroxxu l-ilma fil-purifikazzjoni mit-tinġis ta’ ġisem mejjet (Num. 19,18). Salamun semmieha wkoll fl-għerf tiegħu “kien jaf jitkellem fuq is-siġar: miċ-ċedri li hemm fil-Libanu saż-żuf li jikber mal-ħajt;” (1 Sl. 5,13).

Meta Ġesù kien qed imut fuq is-salib “kien hemm bieqja mimlija bil-ħall; huma xarrbu sponża bil-ħall, waħħluha ma' qasba tal-issopu, u ressquhielu lejn ħalqu” (Ġw. 19,29). Hawnhekk hawn referenza għal xitla differenti, mill-familja tas-salvja li tagħmel bħal qasab żgħir.

5


Fatti, tagħrif u figuri li jqanqlu stagħġib. . . u forsi tbissima. Minn dokumenti antiki nstab li fl-Ingilterra, iktar minn 8,000 sena ilu, in-nies kienu jqisu l-laħam taż-żrinġijiet bħala speċjali. Illum fi Franza din l-idea għadha ħajja u restoranti ta’ kalibru joffru żrinġijiet fil-menu tagħhom. Imma skont dan ittagħrif l-Ingliżi kienu qabilhom fl-għażla ta’ din id-delikatezza. Naturalment mhux kulħadd hu mxennaq li jipprova dan il-platt speċjali.

Bejn April u Ġunju 2013 iktar minn 450 ċiklist inqatlu fit-toroq tal-Gran Brittanja. Medja ta’ 5 ċiklisti kuljum. Fost ir-raġunijiet għal dawn l-imwiet hemm it-texting fuq il-mowbajl min-naħa taċ-ċiklisti. L-antiki kienu jgħidulna: “Agħmel dak li qed tagħmel.” Jekk qed issuq rota insieh il-mowbajl għax il-periklu mhux qiegħed biss fit-toroq Brittaniċi imma anki f’pajjiżna.

6


Len McWilliams, surmast fi skola Nisranija f’Columbus, Georgia fl-Amerika, ried jagħti rigal sabiħ lit-tfal u l-għalliema qabel jirtira. U wara ħafna ħsieb iddeċieda li l-isbaħ rigal ikun li jagħtihom jum vaganza. Iżda biex jagħmel dan ried li jkun hemm xi raġuni speċjail, bħal ngħidu aħna maltemp kbir jew ħafna silġ. Wara ħafna ħsieb is-Sur McWilliam xorta tahom dan ir-rigal minkejja li t-temp kien sabiħ. Anzi nqeda bit-temp biex proprju jagħtihom dan ir-rigal. Qallhom: “Għada tant ser ikun temp sabiħ li jkun dnub tibqgħu bejn l-erba’ ħitan talklassi. Morru gawdu l-kampanja u qisu din it-tgawdija bħala r-rigal tiegħi qabel nirtira.”

Naħseb li ċ-ċapċip tat-tfal u l-għalliema nstema’ minn ħafna kantunieri bogħod.

7


Il-Mewġ Elettromanjetiku William Herschel (1738-1822) twieled il-Ġermanja imma meta l-Franċiżi daħlu f’Hanover, hu ħarab lejn l-Ingilterra fejn beda jaqla’ x’jiekol billi jikkopja l-mużika. Mexa ’l quddiem għax studja l-armonija tal-mużika, sar għalliem tagħha u anki organista f’kappella f’Bath. Imbagħad beda jibni t-teleskopji u l-mirja beda jagħmilhom hu. Skopra l-pjaneta Uranu u ħareġ bl-idea li l-univers jitbiddel u jevolvi, xi ħaġa li għadna nżommu llum. Ideat oħra tiegħu llum mhumiex aċċettati imma hekk timxi x-xjenza. Jekk jiġi ppruvat li xi ħaġa mhix vera ma nibqgħux inżommuha. Darba kien qed jistudja liema kulur tal-qawsalla jsaħħan l-iktar. U sab li lil hinn mill-aħmar tal-qawsalla, hemm is-sħana tax-xemx. Kien skopra l-IR, ir-raġġi tax-xemx li jġorru s-sħana li wara bdew isejħulhom mewġiet/raġġi infrarossi, waves/infrared rays, imma li hu sejħilhom radiant heat, sħana tivvjaġġa. Kien James Clerk Maxwell li fl-1864 ikkonkluda li d-dawl u anki r-raġġi infrarossi huma mewġiet elettromanjetiċi. Mewġa elettromanjetika hi magħmula minn żewġ mewġiet mexjin flimkien: waħda timxi ġo għalqa manjetika (magnetic field) u l-oħra ġo għalqa elettrika (electric field). Dan għax sab li mewġa bħal din fil-vojt fejn lanqas hemm arja (dan il-vojt jissejjaħ vacuum)1/2timxi b’veloċità ta’ tliet mitt elf kilometru kull sekonda! c = 1/(e0m0) = 2.998 X 108m/s. Il-mewġiet/raġġi ultravjola UV ukoll qegħdin fir-raġġi tax-xemx u jikkawżaw li nismaru. Anki jekk toqgħod taħt bozza tal-UV, tismar. L-UV jagħmel ħsara lill-għajnejn u lill-ġilda. L-UV-A (λ = 315 sa 400 nm) taħraq il-ġilda. L-UV-B (λ = 280 sa 315 nm) tagħmel ħsara lill-ġilda u lillgħajnejn. Il-ġilda tixjieħ u jista’ jiżviluppa kankru. L-UV-Ċ (λ = 200 sa 280 nm) ma tantx tinstab fir-raġġi tax-xemx li jaslu l-art u ma tantx tippenetra fil-ġilda. (Is-simbolu ta’ tul ta’ mewġa, wavelength, huwa λ, l-ittra L bil-Grieg). Mewġiet elettromanjetiċi oħra huma l-X Rays, gamma rays, microwaves u radiowaves.

8


Niktbu bil-Malti tajjeb. . .

Ortografija Maltija

Liema hija t-tajba. . . . . .xogħlijiet jew xogħolijiet? Niktbu ‘xogħol’, iżda fil-plural niktbu ‘xogħlijiet’. Kif tista’ tiftakar? Faċli. Kemm issegwi l-mudell ta’ ‘laħam’ kif inhu spjegat hawn isfel: laħam - xogħol laħmi - xogħli

laħamha - xogħolha laħmijiet - xogħlijiet

Tagħrif mogħti lilna minn Pristineworks Ltd. Għal aktar tagħrif żuru: http://www.pristineworks.com

9


Mid-Djarju tal-Qasam Ġunju għalina huwa marbut mal-eżamijiet u mal-festa tal-Patruni tagħna San Pietru u San Pawl. Wara assenza ta’ sena, l-eżamijiet saru mill-ġdid għal kulħadd u dan ġab xi ftit tan-normalità f’sena skolastika pjuttost diffiċli imma għas-sodisfazzjon ta’ kulħadd intemmet b’wiċċ il-ġid. Anke l-festa kienet differenti minn dik tas-soltu fejn l-attivitajiet kollha ta’ barra ma sarux imma min-naħa l-oħra kellna wkoll funzjonijiet sbieħ fil-knisja permezz tanNovena ta’ San Pietru u San Pawl, tat-Tridu kif ukoll il-Pontifikal tal-festa.

F’Ġunju kellna wkoll il-bidu tal-kompetizzjoni talEuro 2020 fejn numru kbir ta’ tfal u adolexxenti segwew il-logħbiet tal-football bejn in-nazzjonijiet Ewropej.

Ninnutaw b’sodisfazzjon li anke waqt il-Euro 2020 l-attendenza fil-Qasam baqgħet konsistenti ma’ qabel.

10


Issa qegħdin fil-bidu tas-sajf. Issa li tneħħew ir-restrizzjonijiet marbuta mal-‘contact sports’ seta’ jerġa’ jibda jsir Lobissajf. Fil-ġimgħat ta’ qabel kellna nivvintaw logħob bejnietna fejn ma kienx ikun hemm kuntatt. Għalhekk ħloqna xibka fin-nofs tal-grawnd li għenitna biex nivvintaw logħob permezz ta’ xuttijiet tal-ballun. Issa li ma fadalx aktar restrizzjonijiet marbuta ma’ logħob tajna bidu għal Lobissajf 2021 kemm għaż-żgħar kif ukoll għall-kbar wara li s-sena l-oħra dan kellu jitħassar għax il-Qasam kien għadu magħluq.

Nistiednu lit-tfal u adolexxenti kollha biex matul dawn ix-xhur tas-sajf jingħaqdu magħna. Ser ikollna ħafna attivitajiet għalihom filwaqt li wkoll jattendu għal-laqgħat tat-tagħlim. Titilfux din l-okkażjoni ta’ ġid!

Mark

Tista’ taqra wkoll il-fuljett f’forma diġitali. Żur il-Paġna tal-Facebook: http://www.facebook.com/MuseumSubien Nadur

11


Fuljett maħruġ mill-Museum tas-Subien tan-Nadur


Turn static files into dynamic content formats.

Create a flipbook
Nimxu Id f'Id - Lulju 2021 by Michael Debono - Issuu