Ritratt tal-faċċata: Żanżarell tal-Kullar (mara) - Ir-raġel ikun iswed u abjad, filwaqt li l-mara hija griża fil-kannella, kif tidher f’dan ir-ritratt. Dan l-għasfur jiekol in-nemus, dubbien u kull tip ta’ insetti żgħar, anke friefet. Ġeneralment issibu fil-foresti, iżda f’Malta jpassi fir-rebbiegħa u spiss tarah fejn hem is-siġar, qalb l-għelieqi u ġonna kbar. Ritratt meħud fil-25 t’April 2020 - Martin A ttard
Ħarġa Nru. 496
Għandek Minuta? Nimxu Id F’Id Ġunju 2021
F’Hartford f’Connecticut fl-Istati Uniti, ċertu Anthony Cymerys kien jara ħafna nies jgħixu barra, bla saqaf fuq rashom. B’xagħar imqanfed u leħja ta’ bosta ġimgħat. Ħass li issa li kien ħareġ bil-pensjoni seta’ jagħmel xi ħaġa għalihom. U ħareġ b’idea oriġinali. Ħoloq daqsxejn ta’ gabbana li timxi fuq ir-roti u kull nhar t’Erbgħa kien imur f’Bushnell Park, u joffri li jaqta’ x-xagħar u jqaxxar il-leħja b’xejn lil dawn in-nies foqra. Kien jintasab hemm minn kmieni u jibqa’ sa tard bil-lejl. Għall-bidu ħasbuh miġnun u ftit kienu dawk li kienu lesti li jħalluh imiss ma’ xagħarhom jew ma’ leħjithom. Kif kienu jidhru jafu iżda kif kienu ser jiġu wara li Anthony jaqtgħalhom ix-xagħar ma kinux jafu. U lanqas tant xtaqu li jikxfu għonqhom meta Anthony kien ikollu f’idejh ix-xafra tal-leħja. Iżda maż-żmien il-klijenti kotru bi sħiħ. Sar qisu biċċa mit-tradizzjoni ta’ Bushnell Pack u żamm dan is-servizz għall-iktar minn 25 sena. Kien hemm min ipprova jwaqqfu għax qalu li ma kellux permess għal dak ix-xogħol imma tant sab appoġġ li s-Sindku tal-post qal li dak li kien qed jagħmel Anthony kien att ta’ karità u biex tagħti karità ma hemmx bżonn permessi. Anzi tah medalja ta’ ġieħ għal ħidmietu.
Anthony jgħid li fost il-ħafna passatempi tiegħu ebda wieħed minnhom ma jagħtih sodisfazzjon daqs dak li tagħtih ħidmietu kull nhar t’Erbgħa. Sab ir-riċetta tal-veru ferħ li qiegħda filli tkun lest tgħin lill-oħrajn. Il-Mulej dan ilu ħafna li qalulna: “Iktar hemm ferħ f’li tagħti milli f’li tirċievi.”
1
Wirt il-Fundatur Dun Ġorġ ħallielna teżor. . . f’kitbietu
SAN ĠUŻEPP San Ġużepp Patrun tal-Knisja Kattolika Kellha wisq raġun il-Knisja li tagħżel bħala patrun tagħha ’l dak li Alla stess kien għażel biex ikun il-kap u l-patrun tas-Sagra Familja.
Il-Knisja hija l-opra divina ta’ Ġesù Kristu; hija l-monument li jixhed li l-Awtur tagħha huwa veru Alla magħmul bniedem; hija s-Soċjetà li għandha ddum wieqfa sat-tmiem tas-sekli mingħajr dell ta’ biża’, lanqas mill-qawwa tal-ħażen. Il-Knisja, immela, ma setgħetx tiddubita li San Ġużepp huwa potentissmu quddiem Alla u li hija wisq għal qalbu din l-għaqda ta’ nies mifdijin u mmarkati bid-demm divin. Permezz tal-Ittra Appostolika Patris corde Papa Franġisku pproklama s-sena 2021 bħala sena ddedikata lil San Ġużepp. Fit-8 ta’ Diċembru 1870 Papa Piju IX iddikjara lil San Ġużepp bħala l-Patrun tal-Knisja Kattolika. Qegħdin inġibu ħsibijiet mill-ktieb SAN ĠUŻEPP ta’ Dun Ġorġ Preca miktubin lejn tmiem is-snin għoxrin.
2
Ġunju
Stejjer marbuta ma’
Giovanni Battista Montini
San Papa Pawlu VI
Meta kien għadu qassis ta’ mezz’età, intbagħat ma’ ħabib tiegħu, qassis ukoll, iqassam xi pakketti tal-ikel f’żona fqira ta’ Ruma. Kien
żmien ta’ wara l-gwerra. Meta kienu qassmu l-pakketti kollha ntebbħu li kien fadal familji li ma ngħataw xejn. Il-ħbieb daħħlu jdejhom fil-but u flok pakketti taw xi flus ħalli anki dawn il-familji jkunu ħadu xi ħaġa. Iżda ġara li fix-xewqa biex jagħtu xi ħaġa lil kulħadd insew iħallu xi ħaġa tal-flus biex ikopru l-
biljett tax-xarabank. Kienu waslu fl-istazzjon iżda ma kellhomx flus u għalhekk iddeċidew li jeħduha bil-mixi lura lejn l-uffiċċju tagħhom fil-Vatikan. Il-qalb tajba turi minn kmieni, xi ħadd darba qal.
Giovanni Battista Montini. . . . . .kien Kardinal Arċisqof ta’ Milan li fil-21 ta’ Ġunju 1963 ġie magħżul bħala l-Papa l-ġdid u ħa l-isem ta’ Pawlu VI. Miet fis-6 t’Awwissu 1978 u ġie ddikjarat qaddis fl-14 t’Ottubru 2018.
Ġunju
3
Aċċidenti li spiċċaw
skoperti u invenzjonijiet
. . .jikteb Dr. Coronato Grech
Fid-dinja ta’ madwarna kuljum jiġru affarijet li dak il-ħin jidhru strambi, ġieli anke irritanti u li anke marru żmerċ, imma meta kien hemm nies intelliġenti josservaw kienu mezz ta’ skoperti u invenzjonijiet ġodda. Fost dawn insibu:
In-nar Xi mkien fil-preistorja. . . sajjetta fil-qrib ħasdet lit-tribù kollu għax barra l-leħħa tal-berqa u l-ħsejjes itarrxu tar-ragħda, siġra fil-qrib ħadet in-nar. Xi ħadd kurjuż u kuraġġuż resaq qrib il-fjammi strambi u b’kuraġġ immens qabad zokk jaqbad bil-fjammi. Maż-żmien indunaw li dan in-nar tista’ tikkontrollah u tużah għas-sħana, biex tbiegħed annimali slavaġ bil-lejl u li permezz tiegħu l-laħam huwa iktar artab u tajjeb u iġjeniku, għalkemm qatt ma setgħu jobsru bin-nar.
(dan l-artiklu jkompli fil-ħarġa tax-xahar id-dieħel)
4
Ġunju
. . .jikteb Ritchie Grech Ir-Riħan Is-siġra tar-Riħan jew Mirtu (Myrtus Communis), bl-Ingliż Myrtle, hi siġra/arbuxell żgħir. Din is-siġra tħaddar is-sena kollha u l-fjuri li joħorġu fis-sajf huma bojod. Il-weraq jerħu riħa tfuħ ta’ lumi meta tfarrakhom. Tagħmel frott irqiq iswed u tikber fil-makkja u fil-widien. Illum hi rari ħafna fis-selvaġġ imma fl-imgħoddi kienet aktar komuni kif jixhdu ċerti ismijiet bħal Wied ir-Riħan fin-Nadur u Għajn Riħana, f’Malta. Din is-siġra ġieli ssejħet ‘Xitlet il-Għaża’ u fl-antik kienu jfarrku l-weraq niexef u jużawh bħala terra fil-banjijiet tat-trabi. Dan it-trab kien jissejjaħ raħan u f’Għawdex kellna l-espressjoni ‘mhux kollox ward u riħan’ (skont Ġorġ Pisani). Fil-mitoloġija Grieg ir-riħan kienet ix-xitla qaddisa għal Afrodite. Anke l-Eġizzjani u r-Rumani kienu jqisuha bħala xitla qaddisa. Fil-Bibbja hi simbolu tal-paċi Messjanika. Hi waħda mill-erba’ speċi li l-Lhud kienu jużaw fl-ewwel jum tal-festa tat-Tabernakli. Neħemija kien ordna: “oħorġu lejn il-għolja u ġibu l-friegħi taż-żebbuġ, żebbuġ barri, friegħi tar-riħan. . . biex tagħmlu għerejjex kif inhu miktub” (Neħ. 8,15). Isaija jsemmi li l-Mulej għad “iħawwel fid-deżert iċ-ċedru, il-gażżi, ir-riħan u ż-żebbuġ (Is. 41, 19) u “flok il-ħurrieq jikber ir-riħan” (Is. 55,13). Ġunju
5
Fatti, tagħrif u figuri li jqanqlu stagħġib. . . u forsi tbissima. Hawn min għandu moħħ għan-negozju. Fost dawn żgur li jitniżżel l-isem ta’ Terrie Berenden li ħareġ bl-idea li jipproduċi birra għall-klieb. L-idea ġietu wara li hu u ħbiebu kienu għamlu jum jikkaċċjaw u għajjenin inġabru f’ħanut u ordnaw flixkun birra kull wieħed. Iżda l-klieb tagħhom baqgħu b’xejn. Ikompli jirrakkonta Terrie:
“Dak il-ħin ħassejt li l-klieb tagħna wkoll kellhom dritt għal treat u ħlomt li nagħmel birra għalihom.”
U wettaq ħsiebu u ħareġ b’birra jisimha ‘Kwispelbier’ li fil-fatt ma fiha xejn alkoħol. U anki l-bnedmin jistgħu jixorbuha għax hija delizzjuża fit-togħma.
6
Ġunju
Fl-1988, Godfrey Bradman, biljunarju Ingliż, ried jagħti rigal speċjali lil ibnu Daniel fl-okkażjoni ta’ għeluq it-tlettax-il sena. Mar fejn id-dar tal-pubblikazzjoni li kienet toħroġ il-magazine Superman u talabha biex tistampa edizzjoni speċjali li fiha l-eroj ikunu ibnu Daniel u ħbiebu. Ried 200 kopja biex jitqassmu fil-party li kellu jsir fil-festin marbut ma’ din l-okkażjoni. Id-dar tal-pubblikazzjoni aċċettat li tagħmel dan għall-ħlas ta’ 10,000 lira sterlina.
Maż-żmien din l-edizzjoni speċjali saret tant rari li kopja ta’ dan il-magazine llum iġġib fuq 2,000 lira sterlina. Min inzerta żamm kopja għandu f’idejh teżor żgħir li iktar ma jgħaddi żmien minn fuqu iktar iżid fil-prezz.
Ġunju
7
Il-Vitamina D L-istruttura tal-molikula tagħha hi bħal tal-kolesterol. Il-vitamina D2 (ergocalciferol) insibuha fil-ħaxix u l-vitamina D3 (cholecalciferol) insibuha fl-annimali. Id-D2 u d-D3 huma pro-ormoni: ma għandhomx effett fuq il-ġisem u jibdew jaħdmu u jkollhom effett meta jinbidlu f’vitamina D. Il-cholecalciferol isir ukoll fil-ġilda tagħna mis-7-dehydrocholesterol meta jaqgħu r-raġġi ultravjola (UV) fuqha. Imbagħad id-D2 u d-D3 jinbidlu f’calcidiol (25-hydroxyvitamin D) fil-fwied. Wara, dan il-calcidiol jinġarr lejn il-kliewi billi jintrabat ma’ proteini speċjali fid-demm. Fil-pajpijiet tal-kliewi, il-calcidiol jinbidel f’calcitriol (1,25-dihydroxyvitamin D), li hi l-vitamina D. 200 IU (international unit) huma 5 mikrogrammi (5 micrograms [μg]). Għandna nieħdu 200 IU kuljum ta’ Vitamina D, u min għandu iktar minn 51 sena suppost j/tieħu 400 IU, u min għandu iktar minn 70 sena, t/jieħu 600 IU. Normalment m’hemmx għalfejn tieħu pilloli tal-vitamina D għax mill-ikel u bix-xemx ikun biżżejjed. Imma hawn min ikollu problema. Min ikollu nuqqas ta’ vitamina D, ġismu jbati biex jassimila l-kalċju (calcium) u l-fosfat. Dawn huma importanti biex l-għadam ikun b’saħħtu. Nuqqas ta’ vitamina D iwassal biex l-għadam ma jkunx b’saħħtu u dan jgħidulu rickets fit-tfal u osteomalacia fil-kbar. Il-vitamina D tinħall fix-xaħam u għalhekk jekk nieħdu ħafna minnha tista’ tagħmlilna ħsara għax il-ġisem ma jarmihiex.
8
Ġunju
Niktbu bil-Malti tajjeb. . .
Ortografija Maltija
Liema hija t-tajba. . . . . .ġimgħatejn jew ġimagħtejn? Niktbu ‘ġimgħa’ skont il-mudell ta’ ‘wiżna’ , u għalhekk l-‘għ’ tmur fejn ikun hemm l-konsonanti ‘n’. Għalhekk għandna niktbu ‘ġimagħtejn’ (wiżintejn) u mhux ‘ġimgħatejn’. Agħti ħarsa lejn l-eżempji t’hawn isfel: wiżna - ġimgħa wiżintejn - ġimagħtejn wiżniet – ġimgħat
Tagħrif mogħti lilna minn Pristineworks Ltd. Għal aktar tagħrif żuru: http://www.pristineworks.com Ġunju
9
Mid-Djarju tal-Qasam Wara ’l fuq minn xahar magħluqin minħabba l-miżuri marbuta mal-pandemija, ftaħna mill-ġdid il-bibien tal-Qasam tagħna għat-tagħlim. Tassew kienet sena diffiċli għalina lkoll imma l-fatt li l-Qasam tagħna reġa’ ħa l-ħajja jimliena b’kuraġġ għal quddiem. Minħabba bosta miżuri tal-Covid-19 li għadhom fis-seħħ, għalkemm ftaħna l-grawnd għal-logħob, dan kien ifisser li kellna norganizzaw biss logħob fejn ma jkun hemm l-ebda kuntatt bejn it-tfal. Din il-miżura se tibqa’ fis-seħħ sat-28 ta’ Ġunju fejn wara jkun jista’ jsir il-logħob bħal qabel. Dan ifisser ukoll li din is-sena, wara assenza ta’ sena, ser jerġa’ jiġi organizzat Lobissajf li ser jibda mill-1 ta’ Lulju sas-6 ta’ Awissu. Qed nippjanaw ħafna logħob divertenti li tant ikun mistenni minnkom matul il-vaganzi tas-sajf.
10
Ġunju
Komplejna bil-preparazzjoni għat-tfal u għall-adolexxenti li għandhom jersqu lejn is-sagramenti tal-Ewkaristija u l-Griżma tal-Isqof. Il-Ħadd 30 ta’ Mejju 12-il tifel mill-Qasam flimkien ma’ 16-il tifla rċevew l-Ewwel Tqarbina fil-Parroċċa. Nhar is-Sibt 5 ta’ Ġunju l-adolexxenti jirċievu l-Griżma tal-Isqof minn idejn Mons Isqof Anton Teuma. Din is-sena ukoll, kemm il-Ġimgħa Marjana kif ukoll il-Purċissjoni u l-Programm ad unur il-Madonna, ilkoll kellhom jitħassru. Xorta waħda, però, niżżilna l-istatwa tal-Madonna min-niċċa tagħha u qegħidnieha f’post prominenti fl-intrata tal-Qasam tagħna. Issa li qed noqorbu lejn tmiem sena skolastika, li ġabet magħha sfidi kbar, nawguraw lill-istudenti kollha li jmorru tajjeb fl-eżamijiet annwali tagħhom u nfakkruhom li l-Museum ma jagħlaqx fis-sajf, anzi nistiednu lil kulħadd biex jingħaqad magħna f’dak kollu li għandna mħejji għalihom.
Mark Tista’ taqra wkoll il-fuljett f’forma diġitali. Żur il-Paġna tal-Facebook: http://www.facebook.com/MuseumSubien Nadur
Ġunju
11
Fuljett maħruġ mill-Museum tas-Subien tan-Nadur