Ritratt tal-faċċata: Il-Farfett tal-Fejġel (Swallowtail Butterfly) - Huwa l-akbar fost l-isbaħ friefet li jgħixu fi gżiritna. Il-parti t’isfel tal-ġwienaħ ta’ wara huma simili għal denb il-ħuttafa. Tagħrfu mill-ġwienaħ ikkuluriti tiegħu ta’ lewn isfar bl-iswed, bi strixxa blu u tikek ħomor. Issibu l-aktar fil-kampanja, fil-widien u spiss iżur il-ġonna tagħna. Jgħix billi jixrob in-nektar tal-fjuri. Ritratt meħud fil-21 ta’ Lulju 2019 - Martin A ttard
Ħarġa Nru. 495
Għandek Minuta? Nimxu Id F’Id Mejju 2021 Fil-ħajja ta’ San Franġisk t’Assisi hemm episodji ħelwin li fihom jissemma ċertu Masseo, wieħed mill-patrijiet li kien ikun spiss mal-qaddis. Dan kien ġuvni twil u sabiħ. Meta kienu jkunu se jidħlu f’xi raħal ġdid li in-nies tal-post ma kienu qatt raw lil Franġisku, aktarx kienu jaħsbu li Masseo hu l-patri msemmi ta’ Assisi. Imbagħad xi ħadd jinformahom bl-iżball u dawn iduru ma’ Franġisku u jkunu jriduh jkellimhom.
Darba dan Masseo qallu: “Imma tgħid għaliex il-Mulej għażel lilek u mhux lili? Jien isbaħ minnek, itwal minnek, naf skola iżjed minnek, naf nitkellem iktar minnek u għandi fija demm nobbli.” U Franġisku beda jidħak u jifraħ: “Għandek xhieda ħajja kemm kellu raġun San Pawl meta qal: Il-qawwa tal-Mulej tidher fid-dgħajjef.” U tul is-snin il-Mulej baqa’ jagħmel l-istess għażliet. Bernardetta ta’ Lourdes lanqas kienet kapaċi tgħaddi mill-eżami tal-Ewwel Tqarbina. U l-Madonna għażlet lilha biex twassal il-messaġġ tagħha lid-dinja. U ngħiduha kif inhi. L-appostli lanqas kienu nies ta’ stoffa iżda l-Mulej lilhom għażel biex iwasslu l-messaġġ tiegħu sa truf l-art. U jagħżel ukoll lilna biex ngħidu kelma għall-ġid anki jekk ma aħniex qaddisin. Bħal ngħidu aħna, tiltaqa’ ma’ xi ħadd li ilek ma tarah fil-klassi tiegħek tal-Museum u tgħidlu: “Ħabib x’minnek? Sikwit insemmuk fil-klassi tagħna tal-Museum. Meta ser terġa’ tingħaqad mal-grupp tagħna? Sħabna u l-prefett jieħdu gost immens bik.” Dik l-istedina tista’ tfisser bidla kbira f’dak li jkun. Bidla għall-aħjar. U ’l quddiem ibierkek li kont int li għentu jagħmilha.
1
Wirt il-Fundatur Dun Ġorġ ħallielna teżor. . . f’kitbietu
SAN ĠUŻEPP Il-Kontemplazzjoni ta’ San Ġużepp San Ġużepp, imgħallem mill-anġlu li Ġesù Kristu kien l-imwieled Messija, persważ li kien l-istess Alla magħmul bniedem, kien jitfa’ l-għajnejn tiegħu fuqu, issa biex jarah rieqed, issa biex jarah jiekol, issa biex jarah jaħdem, issa biex jarah jitlob. Alla magħmul bniedem jitbaxxa biex jiġbor iċ-ċana mill-art! O, kemm u kemm hija ħaġa kbira! U kien jikkontemplah tant kbir u tant umli ’l Dak li quddiemu jitriegħdu s-Setgħat, u fi skiet profondissimu kien jadurah f’kollox.
Permezz tal-Ittra Appostolika Patris corde Papa Franġisku pproklama s-sena 2021 bħala sena ddedikata lil San Ġużepp. Fit-8 ta’ Diċembru 1870 Papa Piju IX iddikjara lil San Ġużepp bħala l-Patrun tal-Knisja Kattolika. Qegħdin inġibu ħsibijiet mill-ktieb SAN ĠUŻEPP ta’ Dun Ġorġ Preca miktubin lejn tmiem is-snin għoxrin.
2
Stejjer marbuta ma’
Giovanni Battista Montini
San Papa Pawlu VI Virginia Napoli, mart ħaddiem fil-Vatikan, kienet ilha xhur fis-sodda. Il-Papa sar jaf li hi marida serjament u għalhekk bagħat għal żewġha u qallu: “Qaluli li martek hi marida. Nixtieq li niġi naraha ħalli nagħmlilha ftit kuraġġ.” Il-ħaddiem infixel għax hu kien joqgħod fi flat komuni, fit-tielet sular u hemm lanqas kellu lift. Imma l-Papa assigurah li hu ma jsibhiex bi tqila li jitla’ ftit indani ta’ taraġ u għalhekk xewqet il-Papa seħħet. Il-nies ta’ dik il-blokka tal-flat saru jafu b’din il-viżta u laqgħu lill-Papa b’ħafna ċapċip.
Giovanni Battista Montini. . . . . .kien Kardinal Arċisqof ta’ Milan li fil-21 ta’ Ġunju 1963 ġie magħżul bħala l-Papa l-ġdid u ħa l-isem ta’ Pawlu VI. Miet fis-6 t’Awwissu 1978 u ġie ddikjarat qaddis fl-14 t’Ottubru 2018.
3
L-Ewwel Xita . . .jikteb Dr. Coronato Grech Wara dawk ix-xhur sħan tas-sajf, l-ewwel sħab (l-għarixa ta’ Santa Marija) kemm ikun mixtieq, mistenni, kuntrastanti u frisk. U friska wkoll l-ewwel xita. Fi ftit minuti din tnaddaf u tiċċara l-arja, jiffriska l-ambjent, kollox jibda jilma u jagħmel riflessi. Tixrib ma’ kullimkien. Fuq kollox, mill-ġnien jew mill-kampanja, dik ir-riħa tant memorabbli ta’ ħamrija mxarrba.
U jekk il-bexxa tkun għal filgħodu jew filgħaxija, bix-xemx pjuttost baxxa, titfaċċa dik il-qawsalla kkulurita. Ftit fenomeni huma sbieħ daqshekk! Il-poeta Henry Wadsworth Longfellow jfakkarna f’dan:
How beautiful is the rain, After the dust and the heat, In the broad and fiery street, In the narrow lane, How beautiful is the rain.
4
. . .jikteb Ritchie Grech Il-Ġummajż Il-ġummajż (Sycamore fig tree) hija siġra robusta li tagħmel parti mill-familja tat-tin. Tagħmel frott qisu tin selvaġġ u hu qares. Dan il-frott kienu jtaqqbuh qabel isir biex ma jiqrasx u kien jittiekel l-iżjed mill-fqar. Ġieli ntuża wkoll bħala ikel għall-bhejjem. Fil-Palestina tikber abbundanti, speċjalment fil-wied tal-Ġurdan u qrib il-kosta tal-Mediterran. Hi relikwa antika tal-flora tropikali li kienet teżisti qabel rifes il-bniedem fil-Lvant Nofsani. Fil-Bibbja ġieli tissemma bħala tin selvaġġ jew sempliċiment tin. Insibu lill-profeta Għamos bħala ħaddiem fis-siġar tal-ġummajż (Għam. 7,14). L-Ewwel Ktieb tas-Slaten (10, 27) juri kemm kien abbundanti s-siġar tal-ġummajż “U għamel is-sultan f’Ġerusalemm. . . iċ-ċedru bħall-ġummajż li jikber fil-wita għall-kotra.” Hawn Salamun ħawwel ħafna siġar taċ-ċedru daqs kemm kien hemm ġummajż. L-injam tiegħu kien tajjeb ħafna għall-bini għax kien jiflaħ għall-umdità u għat-taħsir (Is. 9, 9). Ma nistgħux ma nsemmux l-istorja sabiħa tal-konverżjoni ta’ Żakkew li tela’ fuq siġra tal-ġummajż biex jara lil Ġesù! Dis-siġra ma tikbirx f’pajjiżna. Hi siġra nattiva għall-Afrika u kienet imfittxija ħafna għad-dell li toffri taħt il-friegħi kbar tagħha. Tagħmel frott is-sena kollha u ġieli joħroġ direttament miz-zkuk tas-siġra.
5
Fatti, tagħrif u figuri li jqanqlu stagħġib. . . u forsi tbissima.
F’Settembru 2013 fi rkant fl-Ingilterra kien hemm karozza Triumph Herald li kellha 52 sena imma għamlet biss 20 mil. Kienet għadha ġdida fjamanta għax sidtha kienet tibża’ għaliha ħafna u biex żgur ma teqdiemx ħallietha ġewwa fil-garage. Ta’ min jgħidilha li mhux hi kellha karozza imma li l-karozza kellha lilha.
Minn riċerka serja li saret fl-Ingilterra nstab li t-tul medju tal-irġiel Ingliżi fl-1870 kien ta’ 5 piedi u 6 pulzieri. Tal-lum hu 5 piedi u 10 pulzieri.
Erba’ pulzieri tul jagħmlu differenza kbira. Ir-raguni wara din iż-żjieda mhix magħrufa.
6
Radju Ġermaniż organizza kompetizzjoni u kien hemm ħafna li pparteċipaw. Ir-rebbieħ kellu jkun magħżul mis-semmiegħa. Wieħed mill-parteċipanti wiegħed li jekk hu jirbaħ il-kompetizzjoni li kellha premju ta’ 100,000 ewro, kien se jikri crain, jitla’ fuqu u minn dak l-għoli jibda jqassam tliet kwarti tal-premju. . . 75,000 ewro. In-nies emmnitu u Marko Hilgert, isem il-kompetitur, ġie magħżul bħala r-rebbieħ. U għamel eżatt kif kien wiegħed. Inġabru iktar minn 3,000 ruħ biex jiġbru l-karti ta’ 5, 10 u 20 ewro li beda jqassam minn dak l-għoli. Bosta laqqmuh iblah iżda weġibhom:
Marko Hilgert
“Iblah meta spiċċajt b’25,000 ewro fil-but! Boloh huma li riedu jżommu kollox għalihom u spiċċaw ma rebħu xejn. Jien irbaħt għax imbuttawni s-semmiegħa u naf ċert li qajla kienu jimbuttawni kieku mhux għax wegħidthom parti mill-premju.”
Ma naħsibx li kien iblah daqs kemm ħasbuh.
7
Fil-Genus Homo In-Neanderthals (Neandertals, Homo neanderthalensis, Homo sapiens neanderthalensis) huma razza ta' bnedmin li m’għadhomx jeżistu għalkemm DNA tagħhom jinstab għandna. Tfaċċaw fuq wiċċ id-dinja mitejn elf sena ilu u ħadilhom posthom il-bniedem modern jew assimilahom xi 35 elf sena ilu. In-Neandertali kienu kaċċaturi u anki jiġbru ħaxix u frott u kellhom għodda magħmula mill-ġebel. Irnexxielhom jgħixu wkoll fl-aħħar żmien tas-silġ li spiċċa 11,700 sena ilu. Kienu jgħixu fl-Ewropa u fl-Asja (Eurasia). Il-Homo habilis hu l-iktar membru antik tal-ġeneru Homo. Kien jgħix fl-Afrika, 'l isfel mis-Saħara, bejn tnejn u nofs miljun sena ilu u 1.4 miljun sena ilu. L-ewwel għadam tiegħu nstab f'Olduvai Gorge fit-Tanżanija fl-1959. Kien jaf jagħmel għodda primittiva tal-ġebel u għalhekk l-isem habilis ifisser li kapaċi juża idejh (handy jew able man bl-Ingliż). Homo erectus tfisser bniedem li jżomm bilwieqfa. Wisq probabbli beda fl-Afrika xi 1.9 miljun sena ilu u xtered fl-Asja u fl-Ewropa malajr. Jidher li kien l-ewwel bniedem li jikkontrolla n-nar xi miljun sena ilu. Baqa' jgħix sa xi mitejn elf sena ilu fejn ħadlu postu l-bniedem iktar modern. Ovvjament Homo habilis, Homo erectus u Homo neanderthalensis m'għadhomx jeżistu.
8
Niktbu bil-Malti tajjeb. . .
Ortografija Maltija
Liema waħda hija miktuba sew, idea jew ideja? Din taf tħawwad lil xi wħud għax il-ħoss ta’ ‘j’ meta nlissnu ‘idea’ jaf iġegħilhom jaħsbu li l-‘j’ tidħol ukoll meta niġu biex niktbuha. Iżda oqgħod attent li ma titqarraqx int ukoll u ara li dejjem tiktibha bħala ‘idea’! Għaliex? Meta jkollna kliem missellef, speċjalment mit-Taljan, li jkun fih sillaba li tispiċċa b’‘i’ jew ‘u’ u s-sillaba ta’ warajha tkun tibda wkoll b’vokali, nużaw dik li nsejħulha l-konsonanti qaddejja ‘j’ jew ‘w’ biex nifirduhom (għalhekk insibu kliem bħal ‘bijoloġija’ u ‘bijografija’ li ġejjin mit-Taljan - ‘biologia’ u ‘biografìa’). Iżda dan ma jgħoddx jekk l-ewwel vokali tkun ‘a’, ‘e’ jew ‘o’, bħal fil-każ ta’ ‘idea’. Hawnhekk m’hemmx għalfejn nifirdu s-sillaba mill-vokali ta’ warajha b’‘j’ jew ‘w’. Allura niktbu ‘idea’ u mhux ‘ideja’. Ara aktar eżempji fit-tabella.
Tagħrif mogħti lilna minn Pristineworks Ltd. Għal aktar tagħrif żuru: http://www.pristineworks.com
9
Mid-Djarju tal-Qasam B’effett tal-pandemija li reġgħet għolliet rasha fil-ġimgħat ta’ Marzu u April, il-qasam tagħna kellu jinżamm magħluq flimkien ma’ bosta għaqdiet oħra, hekk imsejħa ‘extra-kurrikulari’. Mhux biss iċ-ċentri tat-tagħlim imma anki l-knejjes kellhom jingħalqu wkoll, u dan meta l-Knisja Kattolika tiċċelebra żmien l-Għid – l-aktar żmien qaddis fis-sena liturġika tal-Knisja. Matul iż-żmien żammejna xi laqgħat ‘online’ flimkien mal-oqsma l-oħra Għawdxin u Maltin. Dan minbarra li l-membri tal-Assenjatur kienu jiltaqgħu ‘online’ għal-laqgħa tagħhom ta’ kuljum flimkien mal-membri l-oħra Għawdxin. Matul iż-żmien li l-Qasam tagħna kien magħluq, baqa’ għaddej ix-xogħol marbut mal-‘extension’ li għadu kemm inbena. Tkompla xogħol tal-elettriku fuq il-kmamar ġodda ta’ fuq il-bejt kif ukoll installazzjoni ġdida tal-elettriku fil-kantini. Sar ukoll xogħol marbut mal-kanen ġodda tal-ilma fil-kantini u l-bitħa. Sar ukoll xi xogħol ieħor ta’ żebgħa u tibjid. Fil-ġranet li ġejjin imiss issa li jitwaħħal soffitt ġdid f’waħda mill-kmamar il-ġodda ta’ fuq il-bejt, kif ukoll twaħħil ta’ aperturi u bibien ġodda.
10
Fil-ġranet li għaddew wasal ukoll il-lift. Issa qed nistennew li fil-ġimgħat li ġejjin dan jiġi installat biex ikun jista’ jaqdi l-funzjoni tiegħu. Waqt li qiegħed nikteb dan l-artiklu, irġajna wasalna qrib dak il-jum li fih nerġgħu niftħu l-Qasam tagħna għat-tagħlim fil-klassijiet tagħna. Għalhekk nħeġġu lit-tfal u l-adolexxenti kollha biex jaħtfu din l-okkażjoni u mill-ġdid nibdew nattendu għal-laqgħat tagħna. B’hekk forsi nkunu wasalna biex nagħmlu pass ieħor lejn dak iż-żmien li fih żmien il-pandemija jibqa’ biss rikordju, li żgur li mhux se ninsew imma fl-istess ħin nippruvaw inżommu dawk il-prattiċi tajbin li rnexxielna niksbu.
Mark
Tista’ taqra wkoll il-fuljett f’forma diġitali. Żur il-Paġna tal-Facebook: http://www.facebook.com/MuseumSubien Nadur
11
Fuljett maħruġ mill-Museum tas-Subien tan-Nadur