Ritratt tal-faċċata: Ċinju (Mute Swan, Cygnus olor) Din it-tajra maestuża hija mir-razza tal-papri u l-wiżż, Anatidae. Huwa rari ħafna li narawha f’Malta. Tajra aggressiva u territorjali. Għandha rix abjad kollu bi ftit iswed madwar il-munqar oranġjo. Ġeneralment tiekol pjanti li ssib fl-għadajjar, iżda ġieli tiekol ukoll ħut żgħir. Ma tantx tagħmel ħsejjes u għalhekk it-titlu Mute ma’ isimha. Ritratt meħud fl-4 ta’ Frar 2017 - Wied ta’ Marsalforn - Martin Attard
Għandek Minuta?
Nimxu Id F’Id Marzu 2022
Ħarġa Nru. 505
Victor Hugo, magħruf bħala wieħed mill-aħjar kittieba Franċiżi ta’ kull żmien, ma tantx kien jieħu pjaċir jikteb. Ħafna drabi kien jagħmel hekk bi sforz għax li kien mingħalih kien jippreferi joħroġ f’xi pjazza f’Pariġi u jiltaqa’ ma’ ħbiebu. Jgħidu kelma, jieħdu kafè flimkien u addio kitba ta’ rumanzi. Dawk kien dejjem iħallihom għal għada u għada għalih ma kien jasal qatt. Xi ħaġa ried jagħmel għax jekk ma jiktibx ma kienx jaqla’ x’jiekol u lanqas seta’ jgawdi t-tip ta’ ħajja li kien dara jgħix. Mingħajr kitbietu kien imut bil-ġuħ. Għalhekk iddeċieda li jġiegħel lilu nnifsu jikteb billi ftiehem mas-seftur tiegħu li jaħbilu ħwejġu kollha. Kellu jaħbihom tajjeb għax jekk isibhom ikeċċih. U avżah li jgħajjat kemm jgħajjat miegħu, is-seftur ma kellux jagħtihomlu qabel ikun dalam sew. U din l-istorja bdiet issir kuljum. Victor Hugo jibda jikteb, jixba’, imur ifittex ħwejġu biex joħroġ fejn ħbiebu u kull darba ma jsibhomx. Imbagħad jibda l-għajjat u jhedded lis-seftur li kien jibqa’ sod u qatt ma wera lil sidu fejn qed jaħbihom. Anzi kien ibiddel il-post kuljum. U hekk l-awtur ċelebri Franċiż kien ikollu jibqa’ ġewwa jikteb sa tard filgħaxija. U kuljum kien jagħti xi rigal ċkejken ta’ flus lis-seftur li jkun għenu biex ikompli ħidmietu. U frott ta’ dan l-arranġament bejniethom għandna n-novelli ċelebri Les Miserables u Hunchback of Notre Dame u għexieren ta’ kitbiet oħra. Kieku ma kienx hemm dan il-ftehim, ħafna minn din il-kitba ma kienet qatt tara dawl. Anki aħna jeħtieġ li nitgħallmu nagħmlu l-għażliet tagħna favur dak li hu importanti fil-ħajja. Homework qabel il-ġiri mal-ħbieb. Lezzjoni tad-duttrina qabel ġirja bir-rota. U dan nagħmluh anki jekk ma għandniex sefturi jaħbulna ħwejjiġna.
1
Wirt il-Fundatur Dun Ġorġ ħallielna teżor . . .f’kitbietu
Il-provi jikxfu x’inhu l-bniedem Awrelju, skrivan istruwit f’dipartiment tal-Gvern, spiss kien jgħid: “U jien ma jien xejn!” Jekk xi ħadd kien ifaħħru: “. . .u jiena ma jiena xejn!”
Darba wieħed mid-dipartiment, raġel tal-fattiga mingħajr ebda edukazzjoni, qallu: “Sur m’inti xejn, x’ħin hu?”
Awrelju għal dis-sejħa wera li tassew kien xi ħaġa, mhux kif kien jgħid fuqu nnifsu, għax ħa għalih u ttratta ħażin lil dan ir-raġel tal-fattiga bi kliem li jweġġa’ l-qalb. Il-provi jikxfu x’inhu l-bniedem.
Dan ir-rakkont huwa meħud mill-ktieb Gabinetti fil-Museum, kollezzjoni ta’ ġrajjiet b’tagħlimiet li Dun Ġorġ kien jippubblika minn żmien għal ieħor. Jeżisti abbozz ta’ dawn il-ġrajjiet li x’aktarx huwa tat-tmiem l-1947 jew il-bidu tal-1948.
2
Nimxu Id F’Id - Marzu 2022
Il-Mistoqsija Oħt il-Għerf X’ifisser meta ngħidu l-Imperu Ruman? Ruman għax iċ-ċentru tiegħu għal ħafna żmien kien Ruma. U Imperu għax kien mifrux ħafna, tant li kien jikkomprendi l-Portugall, Spanja, Franza, Ingilterra, biċċa mill-Ġermanja, Svizzera, Awstrija, Greċja, Albanija, Turkija, Sirja, Iżrael, Eġittu, Libja, Tuneżija, Morokk u artijiet oħra. Nistgħu ngħidu li l-artijiet kollha li jmissu mal-Mediterran kienu jagħmlu parti minn dan l-imperu. U anke l-Ewropa kellha biċċa kbira minnha mmexxija minn dawn in-nies kuraġġużi li ħolqu dan l-imperu. U fih bnew binjiet tal-għaġeb, fosthom pontijiet u toroq li għadhom wieqfa sal-lum. Dam jirrenja bosta mijiet ta’ snin għad li l-kobor tiegħu ntlaħaq xi mitt sena qabel Kristu u baqa’ dominanti sa 400 sena wara Kristu.
Nimxu Id F’Id - Marzu 2022
3
In-Natura: sabiħa jew kerha?
. . .jikteb Dr. Coronato Grech (. . .ikompli mill-ħarġa tax-xahar ta’ Frar) Għal ħafna minnha, il-ġisem uman huwa meravilja ta’ disinn u perfezzjoni. Ikkunsidra l-miljuni ta’ reazzjonijiet kemikali għaddejjin kull sekonda fit-triljuni ta’ ċelloli tal-ġisem; jew il-kumplikazzjoni tad-DNA; il-meravilja li hija għajn; jew il-miljuni ta’ messaġġi elettrokemikali għaddejjin kontinwament bejn il-miljuni ta’ ċelloli tal-moħħ li jagħmlu dan l-organu l-iktar oġġett kkumplikat li nafu bih; moħħ, fuq kollox, li jagħtina dak il-fenomenu tant misterjuż: il-konxju. Imma l-ġisem jaf jitwieled b’ħafna difetti, xi wħud serji ħafna. Imbagħad hemm ruxxmata ta’ mard, ħafif jew serju. Madankollu, anke jekk jiżgiċċa minn dan kollu u jaħdem tajjeb għal ħafna snin, għal ġisem finalment, u inevitabbilment, dejjem hemm in-niżla għax-xjuħija u l-mewt. U dawk il-meravilji kollha jmorru taħt it-trab. In-natura fil-kampanja fir-rebbiegħa aktarx tkun l-isbaħ tagħha: in-nida tleqq filgħodu f’għanqbuta; is-sigar iħaddru b’weraq ġdid, blanzuni qed jiftħu, ward ta’ tant għamliet u kuluri, friefet itiru, żunżan idur. . . donnu kollox qam mir-raqda tax-xitwa. Imma wara dawn ix-xeni sbieħ hemm il-fatt terribbli li l-kreaturi kollha jridu bilfors joqtlu biex jieklu u jgħixu, waqt li kontinwament attenti biex ma jiġux mikula ħajja. Dawn kienu xi eżempji ta’ kif taħdem in-natura. Hemm ħafna iktar. Allura n-natura hija sabiħa jew kerha? Bħal ħafna mistoqsijiet profondi oħra, it-tweġiba mhix ċara u ħafifa. Hemm is-sabiħ u hemm l-ikrah, imma kemm jidher s-sabiħ jew l-ikrah, aktarx jiddependi minn min qed josserva.
4
Nimxu Id F’Id - Marzu 2022
. . .jikteb Ritchie Grech In-Nemus In-nemus żgur li kien komuni fl-Art Mqaddsa bħal f’kull pajjiż ieħor, u kif għadu komuni llum. Kien hemm nemus ukoll li jġorr il-mard, fosthom il-malarja. Għalhekk kienu jippruvaw jeħilsu minnhom b’kull mod possibbli. Hemm silta mill-ktieb ta’ Ġuditta fejn daħlet fejn is-sultan Oliferne u jissemma li fuqu kien hemm kanopew li xi studjużi jaħsbu li kienet xibka kontra n-nemus: “Oloferne kien mistrieħ fuq divan b'kanopew fuqu maħdum mill-porpra u d-deheb, bl-iżmerald u l-ħaġar prezzjuż minsuġ fih” [Ġdt 10:21]. Invażjoni ta’ nemus kienet it-tielet kastig li mess lill-Eġittu: “u l-Mulej qal lil Mosè: “Għid lil Aron, 'Ħu u midd il-ħatar tiegħek u olqot bih it-trab tal-art u jinbidel f'nemus fl-art kollha tal-Eġittu.'” [Eż 8:12]. Din it-tema nsibuha ripetuta fis-Salm 105 “mal-kelma tiegħu ġew qtajja' ta' dubbien, u nemus ma' arthom kollha” [S 105:31]. F’Isaija nsibu “u jmut bħan-nemus min jgħammar fiha. Imma s-salvazzjoni tiegħi tibqa' għal dejjem, u l-ġustizzja tiegħi ma tonqos qatt” [Is 51:6]. U fil-Ġdid Testment insibu lil Ġesù jċanfar lill-Kittieba u lill-Fariżej: “ja mexxejja għomja, li ma tħallux nemusa tgħaddi mill-passatur, biex mbagħad tibilgħu ġemel!” [Mt 23:24].
Nimxu Id F’Id - Marzu 2022
5
Fatti, tagħrif u figuri li jqanqlu stagħġib. . . u forsi tbissima.
Kulħadd skanta jħares lejn kelb marbut ħdejn stazzjon tat-trejn. U ħdejh kien hemm bagalja u fuq barra l-kliem: Ma nistax inżommu iżjed id-dar. Kelb fidil jismu Kal. Fil-bagalja ssibu l-affarijiet tiegħu. . . il-mitraħ, bottijiet tal-ikel preferut, shampoo u l-bqija. Il-pulizija ma ħaditx ċans u riedet tkun ċerta li din mhix xi nasba jew ċajta goffa. Imma veru li fil-bagalja sabu l-oġġetti li ssemmew. U fi ftit ħin, ħaddiem tat-trejn - George Russell - li kien jaħdem ħdejn il-post fejn tħalla Kal informa lill-pulizija li riedu hu. U hekk Kal sab sid ġdid. Qal George: “Ftit ilu kelli kelb Dalmation li miet. Dan għalija rigal, qisni rbaħt lotterija.”
6
Nimxu Id F’Id - Marzu 2022
Sid ta’ ħanut tal-pizza fl-Amerika rċieva fi Frar 2015, ittra li żgur qatt ma stenna: Ħabib, Madwar 12-il sena ilu kont dħalt nieħu pizza u rnexxieli niżgiċċa bla ma nħallas. Fl-envelop għandek issib 50 dollar biex inħallas ta’ dak li sraqt bl-interess b’kollox. Is-sid qal li din l-ittra ser jesponiha f’post prominenti fir-restorant tiegħu b’xhieda li anki llum fadal ħafna nies tajba li kapaċi jammettu li żbaljaw u jippruvaw jirrimedjaw kif jistgħu.
Fi Frar 2013, Phil Morison, ħaddiem tal-Virgin Trains li kien jieħu ħsieb il-West Coast line, irċieva messaġġ li ħaseb li min bagħtu ried jgħaddih biż-żmien. Għax id-driver tat-trejn kien qallu: “Jiddispjaċini li ser inkun tard. Il-linja mbarrata binnagħaġ.” Imma veru hekk kien. Xi nagħaġ ħarġu minn għalqa għax sabu l-fence mwaqqa’ u spiċċaw jirgħu fuq il-linji tat-trejn. Anzi s-sewwieq kien attent u rahom mill-bogħod. Għax kieku imsieken in-nagħaġ u forsi msieken ukoll il-passiġġieri.
Nimxu Id F’Id - Marzu 2022
7
. . .jikteb Joe Portelli Ix-Xafra ta’ Ockham William Ockham (1285-1347/9) kien filosofu Skolastiku Ingliż fl-ordni Franġiskan. Għalih imsemmi l-prinċipju magħruf bħala Ix-xafra ta’ Ockham jew Occam. Dan jgħid: pluralitas non est ponenda sine necessitate. Dan il-prinċipju jfisser li għandek tfittex is-sempliċità biex tispjega għala xi ħaġa qiegħda tiġri. M’għandekx tikkumplika mingħajr bżonn. Meta żewġ spjegazzjonijiet (teoriji) jistgħu jintużaw biex jispjegaw xi ħaġa, għandek tagħżel l-iktar waħda sempliċi. Jekk l-evidenza hija iktar favur ta’ waħda milli ta’ oħra, għandek taqa’ fuq dik li l-iktar hemm evidenza favur tagħa, imma meta ż-żewġ teoriji huma probabbli, għandha tintgħażel l-iktar waħda sempliċi. Jien inżid prinċipju ieħor tas-Sinjur tagħna Ġesù Kristu: “Mill-frott tagħhom tagħrfuhom.” Galileo Galilei ddeċieda li jgħid li x-xemx qiegħda fiċ-ċentru tas-sistema solari tagħna minflok baqa’ jżomm mal-ideja ta’ Ptolemy u Aristotle fejn id-dinja kienet fiċ-ċentru. Ovvjament għamel hekk għax kien hemm il-provi imma anke wkoll għax bix-xemx fin-nofs hi sistema iktar sempliċi. Illum il-ġurnata, hemm min qed jgħid li l-Covid-19 ġie manifatturat mill-bniedem u oħrajn li jgħidu li għadda mill-friefet il-lejl (li jgħixu ċ-Ċina) għal annimal intermedjarju fejn hemmmhekk akkwista l-abbiltà li jinfetta lin-nies u hekk għadda għall-bnedmin. L-ewwelnett, billi m’hemm l-ebda evidenza li għamluh in-nies, u t-tieni nett billi diġà nafu b’ħafna każijiet fejn virus jaqbeż minn annimal għall-bniedem, għalhekk nikkonkludu li t-tieni waħda hi iktar probabbli għax hi iktar sempliċi u għax diġà ġraw bħalha. Li virus jgħaddi minn annimal għall-bnedmin isejħulha zoonotic bl-Ingliż. Il-virus tal-influwenza nsibuh fl-għasafar tal-ilma. Meta faqqgħet l-Influenza Spanjola fl-1918, il-virus qabeż għal ġol-ħanżir u akkwista l-abbiltà li jinfetta lin-nies. Minn hemm qabeż għall-bniedem fl-Istati Uniti tal-Amerika u ġabuh l-Ewropa s-suldati Amerikani fl-Ewwel Gwerra Dinjija. Isejħulha Influwenza Spanjola għax l-iktar li ngħata pubbliċità kien fi Spanja. U l-virus tal-HIV qabeż għall-bniedem mil-laħam taċ-chimpanzees mittiekel mill-bniedem. L-HIV jista’ jikkawża l-AIDS.
8
Nimxu Id F’Id - Marzu 2022
. . .niktbu
Ortografija Maltija
bil-Malti tajjeb
Tikteb magħrfa jew mgħarfa? L-għ hija sor s ta’ wġigħ ta’ ras kbir għal min jiġi biex jipprova jikteb bil-Malti, iżda fortunatament għandna lmudelli biex jgħinuna u jiggwidawna. F’dan il-każ, nużaw il-mudell ta’ ‘mrewħa’ u l-għ tmur fejn tmur r-r. Allur a skont il-mudell ta’ mrewħa, qis li tikteb mgħarfa hekk. Din tapplika wkoll għall-kelma mgħażqa: m r e w ħ a → m għ a r f a m r e w ħ a → m għ a ż q a
Tagħrif mogħti lilna minn Pristineworks Ltd. Għal aktar tagħrif żuru: http://www.pristineworks.com Nimxu Id F’Id - Marzu 2022
9
Mid-Djarju tal-Qasam Matul ix-xahar ta’ Frar stedinna lil Fr. Raymond Portelli, missjunarju u old-boy tal-qasam tagħna, biex iqaddsilna l-quddiesa talewwel ġimgħa tax-xahar. Din kienet l-ewwel quddiesa fil-qasam wara waqfa ta’ sentejn minħabba l-pandemija li ħakmitna. Nittamaw li nkunu nistgħu nkomplu b’din id-drawwa sabiħa ta’ quddiesa filqasam kull xahar li ilha ssir fil-qasam tagħna għal għexieren ta’ snin. F’din il-quddiesa niftakru b’mod speċjali fil-benefatturi ħajjin tal-Qasam tagħna u nitolbu b’suffraġju talbenefatturi mejtin. Fil-quddiesa Fr Raymond qasam magħna l-esperjenzi tiegħu fil-parroċċa tiegħu ta’ Iquitos f’dan iż-żmien tal-pandemija.
Matul ix-xahar ta’ Frar komplejna bil-passiġġati tal-Ħadd. Kellna mixjiet lejn Imġarr ix-Xini, minn San Raflu sad-Dwejra, u minn Ħondoq sax-Xatt. Bħas-soltu ma jonqosx li nieqfu ir-Rabat jew ix-Xatt u nieħdu xi
10
Nimxu Id F’Id - Marzu 2022
ħaġa tajba flimkien.
Bil-mod il-mod resqin lura xi ftit lejn in-normalità li konna mdorrijin biha qabel. F’dawn l-aħħar jiem bdew xi preparamenti marbuta mal-ġimgħa tal-Għid, fejn nagħtukom aktar dettalji ’il quddiem.
Inkomplu nħeġġukom sabiex tattendu l-Qasam għat-tagħlim bit-tama li issa nkunu nistgħu norganizzaw aktar attivitajiet u esperjenzi sbieħ li jħallu ħafna frott.
Mark
Tista’ taqra wkoll il-fuljett f’forma diġitali. Żur il-Paġna tal-Facebook: http://www.facebook.com/MuseumSubien Nadur Nimxu Id F’Id - Marzu 2022
11
Fuljett maħruġ mill-Museum tas-Subien tan-Nadur