Skip to main content

Nimxu Id F'Id - Marzu 2021

Page 1

Ritratt tal-faċċata: In-Nannakola tas-seba’ tikek - Jeżistu ’l fuq minn 5,000 speċi differenti ta’ nannakoli. In-nannakola tas-seba’ tikek hija komuni fil-kampanja Maltija, speċjalment fir-Rebbiegħa. Ritratt meħud fil-5 ta’ Frar 2021 - Martin A ttard


Ħarġa Nru. 493

Għandek Minuta? Nimxu Id F’Id Marzu 2021

Sabiħ ir-rakkont li tatna Christina Waeldehen. “Dħalt nistrieħ ġo Park. Kont għajjiena u xtaqt li nqatta’ ftit ħin naqra għax-xemx dment li wliedi kienu l-iskola għax il-bqija l-qari tiegħi kien sar rari. Rajt bank vojt u tlaqt għal ħdejh. Iżda malli poġġejt fuqu nara umbrella u magħha kien hemm karta b’xi kliem. Kitba pulita għalkemm forsi miktuba bi ftit rogħda. Il-kurżità għelbitni u bdejt naqra. Jien mara xiħa. Il-memorja bdiet tħallini. Dan l-aħħar sikwit inħalli l-umbrella warajja. Din hi t-tielet waħda dan ix-xahar. Bid-daqsxejn pensjoni li għandi ma nistax noqgħod nixtri l-umbrelel. Għalhekk, jekk inti sibt din l-umbrella, sinjal li għal darb’oħra nsejtha warajja. Napprezza ħafna jekk int li sibtha, tagħmilli pjaċir kbir u jekk jogħġbok twassalhieli sad-dar. Nieħdu flimkien ftit te jew kafè u xi pastini. Grazzi ħafna. Kien hemm ukoll l-indirizz. X’nagħmel ħafna ma kellix imma kont nippreferi noqgħod fuq il-bank għax-xemx milli mmur infittex lil din il-mara li l-indirizz tagħha kien juri li ma kinitx toqgħod bogħod. It-triq kont nafha sew għax kienet qrib triqti. Iżda xi ħaġa fija qaltli biex immur għand ix-xiħa. U mort. Kienet laqgħa li għadni niftakar. Kemm ħadet pjaċir bija x-xiħa. Tkellimna ftit, ħadna tazza kafè, qsamna ftit pastini u mbagħad infridna. Iżda wegħidna li nerġgħu niltaqgħu. U fil-fatt kont ta’ spiss ngħaddi għandha u mill-ġdid nieħdu ftit kafè u naqsmu ftit pastini. Saret qisha tradizzjoni ta’ bejnietna. Nibtet ħbiberija sinċiera. Ma kinitx ta’ ħafna skola iżda kienet għaddiet minn ħajja mżewqa u din għallmitha ħafna. U minn dak li l-ħajja għallmitha għaddietu lili. Nistqarr li llum li x-xiħa mietet għadni ngħożż dawn il-laqgħat u nifraħ tassew li smajt minn leħen qalbi. Memorji li jibqgħu jferrħuni ħajti kollha.”

1


Wirt il-Fundatur Dun Ġorġ ħallielna teżor. . . f’kitbietu

SAN ĠUŻEPP Tifsir ta’ figura Skritturali Ġużeppi, bin Ġakobb il-patrijarka tat-Testment il-Qadim, huwa miżmum b’figura ta’ San Ġużepp. Issa hu kien ħolom li ra x-xemx u l-qamar u ħdax-il kewkba jadurawh, u dan ġie vverifikat billi missieru u ommu u ħutu, anzi l-poplu kollu, għarfuh b’superjur u b’salvatur. O kobor ta’ San Ġużepp! Min hu x-xemx ħlief Ġesù Kristu? Min huwa l-qamar ħlief Marija Santissma? Hekk jgħid Sant’Alfonsu. Min huma l-ħdax-il kewkba ħlief il-fidili appostli, il-fundament tal-Knisja Kattolika? Min huma l-popli li ġew imqegħdin taħt id-dominju ta’ Ġużeppi mill-Fargħuni ħlief dawk li huma preordinati għall-ħajja ta’ dejjem, li ma kellhomx imutu bil-ġuħ minħabba l-ħobż li niżel mis-sema biex jagħti l-ħajja, li hu l-istess Sinjur tagħna Ġesù Kristu, li ħalla lilu nnifsu għalina b’veru ikel u b’veru xorb taħt ix-xbihat sagramentali tal-ħobż u tal-inbid u kif hu stess qal li min jiekol minn dan il-ħobż jgħix għal dejjem? Kulħadd sudditi lejn San Ġużepp. Kulħadd jirrikorri lejn San Ġużepp. Ite ad Joseph: Morru għand Ġużeppi. Permezz tal-Ittra Appostolika Patris corde Papa Franġisku pproklama s-sena 2021 bħala sena ddedikata lil San Ġużepp. Fit-8 ta’ Diċembru 1870 Papa Piju IX iddikjara lil San Ġużepp bħala l-Patrun tal-Knisja Kattolika. Qegħdin inġibu ħsibijiet mill-ktieb SAN ĠUŻEPP ta’ Dun Ġorġ Preca miktubin lejn tmiem is-snin għoxrin.

2


Stejjer marbuta ma’

Giovanni Battista Montini

San Papa Pawlu VI Meta Montini laħaq Papa, kien hemm xi nies minn Milan li riedu juruh l-apprezzament tagħhom għal dak li għamel ma’ belthom meta kien Arċisqof tagħha. Iddeċidew li jaħdmulu tiara sabiħa u rikka. Il-Papa tgħidx kemm ħa pjaċir biha iżda ħassha taċ-ċajt li hu jipprietka l-faqar u mbagħad jilbes tiara li żgur ma kienet twassal l-ebda messaġġ marbut ma’ din il-virtù. Xtaq li din joffriha għall-karità biex mill-flus li jdaħħlu minnha jmorru għall-foqra. Iżda beża’ li joffendi lil dawk il-ħbieb li kienu ħadmuhielu. Għalhekk talabhom il-permezz biex iħalluh iwettaq xewqtu. Qallhom: “Jien xorta ser nibqa’ napprezza tul ħajti kollha r-rigal li offrejtuli imma nitlobkom tħalluni nagħtih karità biex intaffu xi ftit mit-tbatija ta’ tant nies foqra li wħud minnhom ma għandhomx għaxja ta’ lejla. Jekk tħalluni, intom tkunu sirtu l-benefatturi ta’ dawn il-foqra tant għeżież għall-Mulej Ġesù.” U l-Milaniżi aċċettaw bil-qalb u hekk it-tiara nbiegħet fi rkant u l-organizzaturi daħħlu tagħha somma sabiħa.

Giovanni Battista Montini. . . . . .kien Kardinal Arċisqof ta’ Milan li fil-21 ta’ Ġunju 1963 ġie magħżul bħala l-Papa l-ġdid u ħa l-isem ta’ Pawlu VI. Miet fis-6 t’Awwissu 1978 u ġie ddikjarat qaddis fl-14 t’Ottubru 2018.

3


OK!

Kif bdejna ngħidu

din l-espressjoni? . . .jikteb Dr. Coronato Grech Kollox sew. . . tajjeb. . . ftehemna. . . qbilna. . . iva. . . OK. Għaliex ukoll ngħidu din il-kelma ‘OK’, kelma qasira, daqsxejn stramba u daqstant komuni? Hemm ħafna teoriji u verżjonijiet rigward l-oriġini ta’ din l-‘OK’ u bħal fejn hemm ħafna verżjonijiet aktarx li m’hemmx waħda ċerta, tajba u aċċettata minn kulħadd. Jidher li l-ewwel OK tfaċċat fl-Amerika fis-seklu dsatax. Waħda mill-ewwel referenzi tindika li ġejja mill-kelma ‘okeh’ użata fl-affermattiv minn xi tribujiet Amerindjani (eżempju: iċ-Ċoktaw). Teorija oħra hija li din l-‘OK’ ġiet mill-Afrika tal-Punent ma’ dawk it-tribujiet li ttieħdu bħala lsiera lejn l-Amerika u li kellhom il-kelma ‘waw-ke’ (il-Bantu) u ‘o-ke’ (il-Mandinga) bħala kelma li kollox sew (għalkemm għalihom altru li mhux kollox kien sew. Bejn is-sekli 16 u 19, bejn għaxar u tnax-il miljun minnhom inħatfu u ttieħdu bħala lsiera lejn l-Amerika. Il-kefrija, it-tbatija u l-orruri li sofrew kienu tal-waħx).

(dan l-artiklu jkompli fil-ħarġa tax-xahar id-dieħel)

4


. . .jikteb Ritchie Grech Il-Qasab Il-qasba hija pjanta komuni anke f’pajjiżna. Tikber l-aktar fil-widien fejn issib ħafna ilma. Fil-Palestina tikber f’għadajjar tal-ilma ħelu u xmajjar bħal Ġordan.

Ix-xitla tikber taħt il-ħamrija permezz ta’ riżomi li minnhom ittella’ l-qasab ’l fuq li jogħlew madwar 4 metri. Ix-xuxa (jew pjuma) hi l-warda tal-qasab. Fil-Bibbja jissemma meta Ġesù kien qed jirreferi għal San Ġwann il-Battista meta qal li hu mhux bħal qasba li tixxejjer mar-riħ, għax Ġwanni hu sod. Anke hemm referenza għal Ġesù mill-profeta Isaija meta qal: “qasba mġelġla ma jkissirhiex, u ftila ddaħħan ma jitfihiex” għax Hu ġab is-salvazzjoni għal kulħadd. Anke meta poġġewlu kuruna tax-xewk fuq rasu, tawh qasba f’idu l-leminija u wara bdew ituh fuq rasu biha (Mt 27, 29-30). Meta l-poplu ta’ Iżrael kien jitbiegħed mill-Mulej, il-profeta jwissi: “u jidrob il-Mulej ’l Iżrael bħal qasba li tixxejjer fl-ilma…” (1 Slaten 14, 15). Is-sisien ta’ madwar it-Tempju kienu għoljin qasba sħiħa (Eżek. 41, 8) u l-awtur tal-Apokalissi ra lil Ġerusalemm il-ġdida u l-anġlu li f’idu “kellu qasba tal-qjies, tad-deheb. . .” (Apok. 21, 15). Hemm ukoll il-kwistjoni tal-qsim tal-baħar l-Aħmar (Red sea) mill-Iżraeliti jew l-baħar tal-qasab (Reed sea).

5


Fatti, tagħrif u figuri li jqanqlu stagħġib. . . u forsi tbissima. L-istatwi ta’ Churchill u Thatcher (it-tnejn għamlu żmien Prim Ministri tar-Renju Unit) sabu li qed isirilhom ħsara fi swaba’ ta’ saqajhom għax min ikun għaddej minn ħdejhom imiss dawn is-swaba’ għax jgħidu li dan l-att iġib xorti tajba. U billi qed imissuhom mijiet kuljum il-materjal li jifforma subgħajhom qiegħed kull darba jittiekel. Kos hux, azzjoni ripetuta anke żgħira ġġorr l-effett tagħha. Għalhekk difetti żgħar ripetuti jsiru parti mill-karattru tagħna. U l-istess isiru atti żgħar ta’ tjubija. L-għażla f’idejna.

Jane Austen - awtriċi li għexet fis-seklu 9 fl-Ingilterra - ħalliet ċurkett li ntiret mill-familjari tagħha sakemm familja minnhom f’Lulju tas-sena 2013 iddeċidiet li tpoġġih irkant u tiegħu qalgħet is-somma kbira ta’ iktar minn 150,000 ewro. Iċ-ċurkett hu ta’ ftit valur iżda l-fatt li kien ta’ Jane Austen għamlu teżor għal min jħobb iġemma’ oġġetti li jkunu ta’ nies imsemmija.

6


Troffa xagħar li xi darba kienet iżżejjen ras l-Imperatur Franz Joseph tal-Awstrija nbiegħet f’Lulju 2013 għas-somma ta’ 13,000 ewro. Il-Mulej mhux troffa xagħar ħallielna warajh imma ġismu u demmu. U s-siwi tagħhom, għal min jemmen, hu ferm ikbar mit-troffa xagħar tal-Imperatur Awstrijak. Jalla, la darba ngħidu li nemmnu, infittxu dan it-teżor li ħallielna l-Mulej. Infittxuh ta’ spiss. . . fejn u meta nistgħu. . . kuljum.

F’Lulju 2013 ħarġet l-aħbar min-Nazzjonijiet Uniti li ċerti insetti bħal nemel, ġurati u l-bqija huma mimlijin nutrijenti u kieku l-bniedem jidra jikolhom tittaffa ħafna l-problema tal-ġuħ fid-dinja. Jista’ jkun li veru iżda ma tantx jiftaħlek aptit ġurat f’nofs platt anke jekk min jifhem jgħidlek li hu sustanzjuż u mimli vitamini. Imma meta tidra, kollox jittiekel. Aħna hawn Malta ma tantx nixxennqu għal xi platt żrinġijiet imma fi Franza ikla hekk hi meqjusa bħala ikla sinjura. Mur ifhimha d-dinja!

7


Jane Goodall u ċ-chimpanzees Il-professuri li kienu jiggwidawha f’Cambridge ma ħadux pjaċir li tat ismijiet liċ-chimpanzees. Riduha tagħtihom numru. Opponew bil-qawwa kollha li ċ-chimpanzees għandhom personalità jew li jistgħu juru emozzjonijiet. Imma hi kienet taf li l-annimali għandhom personalità u juru emozzjonijiet. Għax meta kienet tifla, il-kelb Rusty li proprja kien ta’ lukanda madwar il-kantuniera, kien jiġi ħdejha u jerfa' siequ ta' quddiem taparsi mweġġgħa biex hi tfissdu. U meta professur tagħha mar magħha l-Afrika stqarr li kien tgħallem iktar fuq kif iġibu ruħhom l-annimali f’dawk il-jiem minn dak li kien tgħallem ħajtu kollha. Fil-ktieb In The Shadow of Man, issemmi wkoll lil Flo (alpha female - chimpanzee mara li kienet tiddomina fil-grupp). In-nies saru jafu li ċ-chimpanzees iżommu jdejn xulxin, jgħannqu lil xulxin u jtaptpu lil xulxin b'idejhom biex jimlewhom b'fiduċja. Kienet taħseb li ċ-chimpanzees għandhom biss il-kwalitajiet sbieħ tagħna. Imma darba ġara li grupp ta' chimpanzees irġiel inqasam mill-grupp il-kbir u ħa miegħu xi nisa u marru jgħixu fin-naħa t'isfel ta' dik l-art. L-irġiel tal-grupp il-kbir bdew jonsbu lill-irġiel tal-grupp iż-żgħir wieħed wieħed u jferuhom b'mod gravi u jħalluhom imutu. Hekk il-grupp t'isfel sfaxxa. Jane Goodall sejħulha l-Madre Tereża tal-Ambjent. Imma hi tippreferi dak li sejħulha nies indiġeni minn tribù fl-Amerika: Oħt ta' Ommna d-Dinja. Waqqfet Roots and Shoots biex iż-żgħażagħ jaħdmu favur l-ambjent. U tgħid li nies foqra m’għandhomx il-lussu jiddeċiedu biex jieħdu ħsieb l-ambjent. Għalhekk trid ittihom mezz ta' għajxien u ttihom l-għodda biex huma jieħdu ħsieb l-ambjent naturali li jgħixu fih. U għal nies fil-poter, tgħid li trid tidħol f'qalbhom inkiss inkiss biex tbiddlilhom qalbhom għal favur l-ambjent.

8


Niktbu bil-Malti tajjeb. . .

Ortografija Maltija

Kont taf li bil-Malti nittraduċu ‘checks and balances’ bħala ‘sistema ta’ kontrokontrolli’? Terminu ieħor li jintuża ta’ spiss ukoll u li jġorr l-istess tifsira huwa ‘sistema ta’ ekwilibriju ta’ setgħat’. F’demokrazija kostituzzjonali, is-sistema ta’ kontrokontrolli tippermetti lit-tliet fergħat ewlenin tal-gvern jikkontrollaw u jibbilanċjaw il-fergħat l-oħra biex ikun żgurat li ma jkunux qed jeżerċitaw aktar poter milli suppost jew jabbużaw l-awtorità fdata lilhom. Kif taħdem eżatt? Fi stat li jħaddan il-prinċipju tas-separazzjoni tas-setgħat, it-tliet fergħat ewlenin tal-gvern (il-fergħa eżekuttiva, il-leġiżlatura u l-qrati), jinżammu separati u indipendenti minn xulxin. Dan jassigura li l-poteri li jingħataw lil kull fergħa ma jiġux f’kunflitt jew jirkbu fuq xulxin. Kull fergħa tingħata s-setgħa leġittima li teżerċita l-awtorità fl-isfera ta’ responsabbiltà tagħha u ma tistax teżerċita s-setgħat tal-fergħat l-oħra. Madankollu, li t-tliet fergħat jinżammu separati u indipendenti minn xulxin jaf ma jkunx biżżejjed biex nassiguraw li jkollna sistema ta’ governanza tajba jew li l-poter ma jispiċċax ikkonċentrat f’fergħa waħda. Huwa hawnhekk fejn tidħol is-sistema ta’ kontrokontrolli, għax kull fergħa għandha s-setgħa li żżomm il-fergħat l-oħra taħt skrutinju u tissalvagwardja l-bilanċ fin li jeżisti bejn it-tlieta li huma.

Tagħrif mogħti lilna minn Pristineworks Ltd. Għal aktar tagħrif żuru: http://www.pristineworks.com

9


Mid-Djarju tal-Qasam Matul din il-ħarġa u ta’ warajha se nagħtukom ftit tagħrif dwar Iċ-Ċena tas-Sinjur li tittella’ ta’ kull sena fil-Qasam tagħna. Anke din is-sena din l-esebizzjoni ma tistax issir minħabba lpandemija li għadha madwarna u għalhekk din hija t-tieni sena konsekuttiva li mhux ser issir wara li s-sena l-oħra kienet kważi tlestiet imma mal-bidu tal-pandemija twaqqaf ix-xogħol u kellha tiżżarma wara l-Għid.

L-ewwel wirja ttellgħet fis-sena 1989. Dejjem saret fis-sala t’isfel li għandha qisien ideali għal esebizzjoni bħal din. Il-bidu kien wieħed fqir. Saret permezz ta’ bosta purtieri u drappijiet, bi ftit effetti tad-dawl u b’mejda armata bil-fuħħar li kellna f’idejna imma r-riżultat kien tajjeb ħafna. Kienu bosta dawk il-viżitaturi li ġew jaraw din il-Mejda tal-Appostli li aħna konna tajnieha l-isem Iċ-Ċena tas-Sinjur Ġesù, isem li ħadnieh minn talba tal-Fundatur San Ġorġ Preca. U hekk irbatna din il-wirja mal-kitba tal-fundatur li kien devot kbir tal-Ewkaristija.

10


Sena wara l-oħra din il-wirja bdiet iżżid fit-tħejjija u fil-popolarità. Sa mill-bidu ridna nagħtu importanza lill-ambjent tal-post, dejjem fuq l-istil bibliku ta’ dak iż-żmien. Ridna li l-iskop ikun li min iżur din il-mejda, jara u jgħix l-istess ikla li Ġesù għamel mal-Appostli tiegħu qabel il-passjoni u l-mewt fuq il-kalvarju. Fl-1998 il-wirja kienet ser tagħlaq l-għaxar sena tagħha. Ridna noħorġu fuljett dwar din il-wirja biex infakkru din id-data. Kien f’dan iż-żmien meta l-Artist James Azzopardi, old-boy tal-Qasam u wieħed minn dawk li ħadem fl-ewwel wirja, uriena x-xewqa li jaħdem statwa ta’ Kristu life-size biex titpoġġa fil-parti ċentrali ta’ din il-wirja. Ilqajna x-xewqa tiegħu u minnufih James beda jaħdem fuq din l-istatwa li kellha tkun waħda minn tal-bidu li toħroġ minn taħt idejh.

(ikompli fil-ħarġa tax-xahar id-dieħel)

Mark Tista’ taqra wkoll il-fuljett f’forma diġitali. Żur il-Paġna tal-Facebook: http://www.facebook.com/MuseumSubien Nadur

11


Fuljett maħruġ mill-Museum tas-Subien tan-Nadur


Turn static files into dynamic content formats.

Create a flipbook
Nimxu Id F'Id - Marzu 2021 by Michael Debono - Issuu