Skip to main content

Nimxu Id F'Id - Frar 2022

Page 1

Ritratt tal-faċċata: Narċis (French Daffodil) Issibu fil-pajjiżi tal-Mediterran u fin-nofsinhar tal-Ewropa. Spiss issibu wkoll fil-kampanja Maltija, speċjalment fil-widien, fejn hemm it-tafal u fix-xagħri. Jiftaħ il-fjuri lejn Novembru u Diċembru u tibqa' ssibu saħansitra sa Marzu. Għandu riħa tfuħ li meta jkun hemm kwantità tinxtamm ħafna. In-narċis kien għoddu nqered minn pajjiżna għax kienet prattika komuni li jinqata’ u jinbiegħ. Illum din il-pjanta hija protetta bil-liġi.

Ritratt meħud fil-15 ta’ Jannar 2022 fin-Nadur - Martin A ttard


Għandek Minuta?

Nimxu Id F’Id Frar 2022

Ħarġa Nru. 504

Christophe Germain kien ħaddiem f’fabbrika li kienet tibbottilja l-ilma minerali. Kien għaddej minn żmien diffiċli ħafna għax ibnu Mathys kien marid serjament u missieru xtaq li jqatta’ ħafna ħin ħdejh. Jagħmillu ftit kuraġġ f’dawn il-mumenti iebsa. Iżda bħal kull ħaddiem ieħor Christophe kellu biss numru żgħir ta’ ġranet li fihom seta’ ma jaħdimx. U dawn kienu issa waslu fi tmiemhom. Ma setax jibqa’ ma jmurx għax-xogħol għax kien jispiċċa bla paga u familtu ma setgħetx tgħix mingħajr id-dħul finanzjarju tiegħu. Wieħed minn sħabu ntebaħ bl-inkwiet u talbu jgħidlu x’jistgħu jagħmlu hu u sħabu għalih f’dawn iċ-ċirkustanzi diffiċli. Ma tistgħu tagħmlu xejn. Ħadd minnkom ma jista’ jżidli l-ġranet tal-leave. U jien bħalissa xewqa waħda biss għandi. Li nkun qrib ibni imma la darba l-leave spiċċali jkolli nħallih waħdu. Iżda sieħbu ħass li seta’ jagħmel xi ħaġa. Mar fejn sħabu u qallhom bil-problema ta’ Christophe. Qallhom li hu lest li jagħti 5 ijiem leave minn tiegħu biex jgħaddihom lil Christophe, dejjem jekk il-kapijiet tal-fabbrika jaċċettaw. U dan ħajjar ħafna oħrajn biex jagħmlu bħalu tant li fi ftit ħin kienu ġabru 170 ġurnata leave u bil-permess tal-amministrazzjoni tal-fabbrika għaddewhom lil Christophe biex dan ikun jista’ jgawdi lil ibnu f’dawn il-ġranet diffiċli. U ibnu seta’ wkoll jikseb ħafna kuraġġ bil-preżenza ta’ missieru. Kemm hi sabiħa li aħna nkunu Nsara ta’ veru quddiem il-bżonnijiet tal-oħrajn. U dan l-atteġġjament irid jibda minn meta aħna f’żgħożitna għax inkella meta nikbru nsibuha diffiċli li ngħixu skont dawn il-prinċipji.

1


Wirt il-Fundatur Dun Ġorġ ħallielna teżor . . .f’kitbietu

L-inganni huma kawża ta’ rovini Fid-dar ta’ familja kien hemm ġurdien, u biex jaqbduh qabel ma daħlu biex jorqdu, lestew nassa miftuħa b’biċċa ġobon friska. Fis-skiet tal-lejl il-ġurdien ħareġ mill-bejta tiegħu, xamm il-ġobon u daħal ferħan f’din il-lukanda għall-pranzu, u malli mess il-ġobon, din il-lukanda tbiddlet f’ħabs, u filgħodu ġie maqtul imgħaffeġ.

Wieħed għandu jindokra ruħu quddiem il-ħwejjeġ li jkunu jogħġbuh għas-sensi, jew għan-natura tiegħu.

Dan ir-rakkont huwa meħud mill-ktieb Gabinetti fil-Museum, kollezzjoni ta’ ġrajjiet b’tagħlimiet li Dun Ġorġ kien jippubblika minn żmien għal ieħor. Jeżisti abbozz ta’ dawn il-ġrajjiet li x’aktarx huwa tat-tmiem l-1947 jew il-bidu tal-1948.

2

Nimxu Id F’Id - Frar 2022


Il-Mistoqsija Oħt il-Għerf Xi tfisser il-kelma deforistazzjoni? Il-mod goff li bih il-bniedem jeqred eluf ta’ etteri ta’ art li fuqhom ikun hemm is-siġar u li jkunu ħadu għeriexen u forsi mijiet ta’ snin biex jikbru. Il-bniedem iqaċċat biex flokhom jibni vilel u djar ta’ residenzi jew biex jikseb injam għall-użu tad-dinja industrijali. Dal-aħħar qed ikun hemm ukoll nirien li jibdewhom apposta biex artijiet li jkunu bis-siġar jitilfu kollox u hekk dak li forsi bis-sewwa ma kien qatt jitħalla jsir, jitwettaq bil-makakkerija tal-qawwijin. Fl-aħħar 50 sena l-artijiet mgħottija b’dawn is-siġar naqsu kważi bin-nofs u għad li f’ħafna minnhom reġgħu tħawlu b’siġar oħra imma dawn iridu s-snin biex jieħdu post dawk li jkunu nqerdu.

Nimxu Id F’Id - Frar 2022


In-Natura: sabiħa jew kerha?

. . .jikteb Dr. Coronato Grech (. . .ikompli mill-ħarġa tax-xahar ta’ Jannar) Wara l-armonija kollha tas-sema kalm ta’ billejl, l-astronomi sabu li hemm splużjonijiet enormi ta’ kwiekeb (pereżempju supernovae) li huma ta’ enormità immaġinabbli. U jekk fil-qrib hemm xi pjaneti, forsi xi wħud abitati, dawn jiġu eliminati minnufih.

Imbagħad hemm dawk il-belligħat strambi, l-hekk imsejħa black holes, li kapaċi jibilgħu sistemi solari sħaħ b’kulma fihom. Hemm ukoll galassiji jaħbtu ma’ xulxin; jew il-qerda minn xi meteorita kbira li taħbat mad-dinja. Però peress li dawn il-fenomeni jseħħu tant u tant ’il bogħod u l-biċċa l-kbira fuq skala enormi ta’ żmien, lilna ma tantx jolqtuna u allura nistgħu ngawdu, sakemm nistgħu, is-sema sabiħ ta’ billejl. (dan l-artiklu jkompli fil-ħarġa tax-xahar id-dieħel)

4

Nimxu Id F’Id - Frar 2022


. . .jikteb Ritchie Grech Id-Dud Hemm diversi tipi ta’ dud li jissemmew fil-Bibbja fosthom ix-xagħat (caterpillar) “Meta jaqa’ l-ġuħ fuq l-art; titfaċċa l-pesta, l-eħtrieq, it-tinwir tas-siġar, il-ġrad u d-dud tal-farfett” [1Slat:8:37]. Din hi ripetuta fi 2 Kron 6:28. Ġob ifakkar li “lkoll xorta fit-trab jimteddu, ’il wieħed u ’l ieħor jiksi d-dud” [Ġob 21:26] u “laħmi ddewwed u mtela qxur” [Ġob 7:5]. Anke lid-dud isejjaħlu “ommi jew oħti” [Ġob 17:14]. Hawn Ġob qed jirreferi għad-dud tad-dubbien (maggots) li jbid f’laħam mejjet. Anke l-profeta Elija jwissi kontra l-pompa tas-sultan tal-Babilonja: “tniżżlet kburitek f’Art l-Imwiet, id-daqq talarpi tiegħek, friexek taħtek it-taħsir, u d-dud għatietek” [Is:14:11] . Ġesù wkoll iwissi “fejn id-dud tagħhom ma jmutx u fejn in-nar ma jintefiex” [Mk 9:48]. Fl-Atti nsibu l-mewt ta’ Erodi: “Iżda minnufih anġlu tal-Mulej laqtu, għax ma tax il-glorja lil Alla; dar għalih id-dud u miet” [Atti 12:23]. Dud ieħor li jissemma: “wisq inqas il-bniedem li hu ħanex, bin il-bniedem, li mhux għajr dudu” [Ġob 26:4]. “Telaq għad-dud l-uċuħ tar-raba’. . .” [Salm 78:46]. “Tibżax, Ġakobb, daqsxejn ta’ dudu flart.” [Is 41:14]. U Ġona kien ilmenta ma’ Alla talli tilef id-dell tas-siġra tar-riċnu: “Imma kif sebaħ l-għada, Alla bagħat dudu li mess is-siġra u din nixfet” [Ġona 4:7].

Nimxu Id F’Id - Frar 2022

5


Fatti, tagħrif u figuri li jqanqlu stagħġib. . . u forsi tbissima.

Antony Wolffe kien jistudja l-arkitettura f’Edinburgh. Kienu snin tal-gwerra u billi Antony kellu parantela Ġermaniża l-awtoritajiet ma tawhx il-medalja li kien intitolat għaliha għad-disinn li kien għamel waqt eżami. Antony baqa’ jinsisti anki wara l-gwerra li dak li kien tiegħu għandu jingħatalu għax hu ma kellux x’jaqsam mal-gwerra. Kien biss student. Iżda t-talba donnha waqgħet fuq widnejn torox. Sakemm xi ħadd f’Edinburgh ħass li wasal iż-żmien li ssir ġustizzja u Wolffe ngħata dak li kien ħaqqu. Iżda dan ġara ħafna snin wara. . . f’Jannar 2015 meta Antony kellu iktar minn 95 sena. Anki ta’ 95 sena Antony xorta feraħ li kiseb din l-imbierka medalja. Ma riedx jemmen li fl-aħħar it-talba tiegħu kienet intlaqet. Aħjar tard milli qatt imma aħjar kieku ngħatatlu fil-ħin.

6

Nimxu Id F’Id - Frar 2022


Żgur li min kellu l-munita ta’ ċenteżmu Amerikan bid-data tas-sena 1793 qatt ma basar x’teżor kellu f’idejh. Mur għidlu li fi rkant li sar f’Heritage Auctions f’Orlando Florida f’Jannar 2015, din il-munita nbiegħet bis-somma fenominali ta’ $3.35 miljun. Id-dilettanti ta’ dawn il-muniti lesti li jħallsu somom kbar biex jiksbu dak li jkunu ilhom jixxennqu għalih.

Aktarx li ħafna jixtiequ jduqu t-torta li qed jirreklama l-kok ta’ lukanda msemmija f’Cornwall l-Ingilterra. Dan għaliex fiha l-kok poġġa ingredjenti minn ħafna pajjiżi. Ġab l-aħjar ta’ kull pajjiż. Iżda biex idduqha trid tkun lest tħallas sew għax din l-imbierka torta tiswa 300 ewro. Ara kemm pizza nieklu b’din is-somma!

Nimxu Id F’Id - Frar 2022

7


. . .jikteb Joe Portelli Is-CO2 Carbon Dioxide: Id-Dijossidju tal-Karbonju Dan il-gass hu magħmul minn molikola (molecule) li fiha żewġ atomi ta’ ossiġenu mwaħħlin ma’ atoma ta’ karbonju. Hu gass bla riħa u bla kulur u mhux velenuż. Kull ħlejqa ħajja tagħmlu. L-arja li nitfgħu ’l barra minn ġo ħalqna jkun fiha xi 4 fil-mija CO2 (4 litri minn 100 jew 4 molikoli minn 100). Fil-bidu tar-Rivoluzzjoni Industrijali, fl-arja minnu kien hemm xi 0.03% (300 ppm = 300 molikola minn miljun) u llum tela’ għal 0.04%. Ir-raġuni hi għax aħna l-bnedmin qegħdin naħarqu ħafna fossil fuels li fihom il-karbonju bħal: petrol, żejt, diesel, gass butanu u propanu (il-gass tal-kukers) u gass LNG (metanu fil-powerstation). Kien Charles Keeling li fil-1950ijiet beda jkejjel bi preċiżjoni l-ammont ta’ CO2 fl-arja u sab li dan jitbiddel matul il-ġurnata u matul is-sena. Ikun l-iktar bil-lejl meta l-pjanti jieqfu jipproduċu l-ossiġenu u fil-bidu tar-rebbiegħa wara xitwa li fiha l-pjanti jnaqqsu l-produzzjoni ta’ ossiġenu. Imma Keeling sab li matul is-snin, l-ammont ta’ CO2 beda jiżdied u din magħrufa bħala l-Keeling Curve. Illum huwa ċert li din iż-żjieda qed iġġib tibdil fil-klima. Għax is-CO2 jixrob is-sħana li tkun ħierġa ’l barra mill-atmosfera lejn l-ispazju. Is-sħana tkun ħierġa fil-forma ta’ mewġ infrared. U s-CO2 milli jidher għandu frekwenza ta’ vibrazzjoni li taqbel ma’ din il-mewġa u tiġri reżonanza. Xħin is-CO2 jerġa’ jitfa’ din is-sħana, ħafna minnha tibqa’ fl-atmosfera. Għalhekk is-CO2 iġib ruħu qisu serra (greenhouse). U għalhekk hemm bżonn li fuq kull livell nieħdu azzjoni biex innaqqsu l-ħruq ta’ fossil fuels.

8

Nimxu Id F’Id - Frar 2022


. . .niktbu

Ortografija Maltija

bil-Malti tajjeb

Liema waħda hija t-tajba? Agħlaq il-bieb warajk. . . jew. . . Għalaq il-bieb warajk? Meta niġu biex nikkonjugaw verbi sħaħ li jkollhom l-GĦ jew l-H fil-bidu nistgħu nużaw il-mudelli rebaħ, rikeb u rifes. F’dan il-każ, qed nużaw il-forma tal-imperattiv (jiġifieri qed nagħtu kmand) u nistgħu nimxu fuq il-mudell ta’ irbaħ jew irkeb jew irfes. Bħas-soltu, l-GĦ tmur fejn tmur r-R. Irbaħ = Agħlaq Irkeb = Agħlaq Irfes = Agħlaq Mela ftakar, l-a għandha dejjem tiġi qabel l-għ meta tkun qed tagħti kmand lil xi ħadd. Nota: Meta l-verb ‘hemeż’ (EN: he attached) jiġi kkonjugat fil-forma tal-imperattiv, l-E tiġi qabel l-H, u għalhekk qis li tikteb ‘ehmeż’. Segwi l-istess mudelli irbaħ, irkeb u irfes, u poġġi l-H minflok r-R. Irbaħ = Ehmeż Irkeb = Ehmeż Irfes = Ehmeż

Tagħrif mogħti lilna minn Pristineworks Ltd. Għal aktar tagħrif żuru: http://www.pristineworks.com Nimxu Id F’Id - Frar 2022

9


Mid-Djarju tal-Qasam Il-jiem ta’ wara l-Milied u l-bidu ta’ Jannar kienu pjuttost aktar kwieti minn tas-soltu. Bin-numru ta’ każijiet tal-Covid-19 ilaħħqu iktar minn 1,000 kuljum kellna nnaqqsu xi wħud mill-attivitajiet li kellna ppjanati għall-vaganzi tal-Milied.

Ħadna l-opportunità biex nagħtu tindifa sew il-kmamar ta’ fuq il-bejt fejn jitqiegħdu r-rigali tal-Milied u dak kollu li huwa marbut mat-tiżjin fil-Qasam. Hekk meta ġejna biex inżarmaw it-tiżjin kollox sab postu u kellna aktar spazju li qabel kien okkupat mill-imbarazz li ma kienx għadu jintuża.

10

Nimxu Id F’Id - Frar 2022


Matul Jannar komplejna bil-passiġġati ta’ kull nhar ta’ Ħadd. Morna San Dimitri, għamilna Man Hunt id-Dwejra, mixja lejn Tas-Sanap kif ukoll mixja u logħob l-Imġarr ix-Xini. Kull ġimgħa konna grupp sabiħ u ħadna gost fil-kumpanija ta’ xulxin.

Inkomplu nħeġġu lil kulħadd sabiex jattendi għal-laqgħat tagħhom mit-Tnejn sal-Ġimgħa (barra l-Erbgħa). Nifhmu li bħalissa qed ikollna xi tfal li qed ikollhom jibqgħu kwarantina d-dar minħabba xi każijiet tal-Covid-19 fl-iskejjel.

Żgur li dawn qed jgħoddu l-ġranet sabiex meta jgħaddu l-ġranet tagħhom ta’ iżolament, jergħu jibdew jattendu regolari bħal qabel.

Mark Tista’ taqra wkoll il-fuljett f’forma diġitali. Żur il-Paġna tal-Facebook: http://www.facebook.com/MuseumSubien Nadur Nimxu Id F’Id - Frar 2022

11


Fuljett maħruġ mill-Museum tas-Subien tan-Nadur


Turn static files into dynamic content formats.

Create a flipbook
Nimxu Id F'Id - Frar 2022 by Michael Debono - Issuu