Skip to main content

Nimxu Id F'Id - Jannar 2024

Page 1

Triq it-Tiġrija

Nadur Tel: 21552161

& FURNITURE

Ritratt tal-faċċata: IS-SAGĦTAR - Thymus capitatus - Arbuxxell żgħir, karatteristiku tax-xagħri tal-Mediterran. Għandu weraq żgħir ħafna li qiegħed iffullat sabiex il-pjanta tkun tista’ tippreserva l-ilma. Il-weraq huma miksija bi żjut aromatiċi li mhux biss iservu biex titnaqqas l-evaporazzjoni, imma jerħu riħa tfuħ qawwija li tattira ħafna n-naħal tal-għasel. Ħafna jsostnu li l-benna li għalih huwa magħruf l-għasel Malti huwa mertu għal din il-pjanta. Is-Sagħtar jinkesa bi fjuri żgħar roża fil-vjola bejn Mejju u Awwissu. Fl-antik kienet tintuża bħala pjanta mediċinali u ġieli kienet tintuża fil-presepji. Illum din il-pjanta hija protetta bil-liġi. Ritratt meħud fl-1 ta’ Jannar 2024 fil-Qortin, in-Nadur - Martin Attard


Nimxu Id F’Id - Jannar 2024 ħarġa - numru 527

Għandek Minuta? Ġrajja li ilha ħafna tiġri fuq l-internet tirrakkonta fatt dwar meta t-tifla tal-President Russu Nikita Kruschev żaret lil Papa Ġwanni XXIII. Żjara li ġabet ħafna kritika għax bosta ma setgħux jifhmu kif il-Papa seta’ jilqa’ fil-Vatikan bint id-dittatur Russu li ma tantx kien ħelu mal-Kattoliċi ta’ pajjiżu u ma’ dawk ta’ pajjiżi oħra fosthom il-Polonja u l-Ungerija. Imma l-Papa twajjeb kellu biebu miftuħ għal kulħadd u meta bint Kruschev talbitu jiltaqa’ magħha u ma’ żewġha ma qalilhiex le. Kienet kontra n-natura tiegħu li ma jilqagħhiex. U waqt iż-żjara l-Papa sar jaf li bint Kruschev kellha żewġt itfal. Dlonk xtaq li twasslilhom żewġ rigali żgħar. U bagħtilhom kuruna tar-rużarju. Min kien preżenti ħass li kien pass ħażin tal-Papa li jagħti rigal reliġjuż lill-familja Komunista. Għaddew xi xhur u din l-istess familja kienet mistiedna fil-White House. U waqt li kienu jitkellmu ma’ Kennedy u martu Jacqueline, it-tfal Russi tħalltu ma’ dawk Amerikani. U Caroline, bint Kennedy ħadet lil dawn il-ħbieb ġodda fil-kamra tas-sodda tagħha biex turiha l-ġugarelli. Meta ġiet lura, it-tifla Russa b’innoċenza tat-tfal qalet lil ommha: “Mummy, Caroline għandha kuruna bħal tiegħi mdendla fil-kamra tagħha.” Min kien preżenti seta’ jintebaħ li r-rigal tal-Papa ma kienx intrema. Il-familja Kruschev kienet tgħożżu ħafna. Aktarx li f’qalbu l-Papa twajjeb dejjem emmen li trid tkun il-Madonna biex iġġib il-paċi bejn dawk li dak iż-żmien kienu superpotenzi. . . l-Amerika u r-Russja.

1


Wirt il-Fundatur Dun Ġorġ ħallielna teżor . . .f’kitbietu X’jaf min ma ġarrabx? Wieħed jitgħallem minn dak li ġarrab x’inhu ta’ ġid biex jgħożżu u jipprattikah, u x’inhu ta’ deni biex jevitah.

X’tgħallimt kemm ilek fid-dinja?    

Tgħallimt li l-kesħa tal-mewt, tneħħi l-ksuħat tan-nies. Tgħallimt li ma ndardarx l-għajn li nixrob minnha. Tgħallimt nagħraf il-qalb tal-bniedem mill-opri tiegħu. Tgħallimt li qatt ma fetħuli meta ma ħabbattx.

Dawn is-sentenzi huma meħudin mill-kitba qasira bl-isem Il-Majjistra Esperjenza li Dun Ġorġ qassam lill-membri tal-Għaqda tiegħu fl-1956 permezz ta’ fuljetti b’erba’ paġni li kien iħobb isejħilhom il-‘four pages’. Din il-kitba ġiet stampata għall-pubbliku fl-2005.

2

Nimxu Id F’Id - Jannar 2024


Dizzjunarju bibliku Tagħrif qasir dwar personaġġi bibliċi

Adam Missier il-bnedmin kollha. Ħolqien speċjali talMulej għax fih sawwab ir-ruħ u qal għalih: “Ejjew nagħmlu l-bniedem xbieha tagħna.” Millkustilja tiegħu l-Mulej sawwar lil martu Eva. Ittnejn dinbu u tkeċċew mill-Ġnien tal-Eden iżda lMulej ħafrilhom u wegħidhom Salvatur. Wegħda li twettqet bit-twelid ta’ Ġesù. (aqra. . . Ġenesi Kap 2 u 3)

Abel It-tieni iben ta’ Adam u Eva wara Kajjin. Kien ragħaj u lill-Mulej kien iħobb jagħtih l-aħjar tal-merħla u joffrihulu bħala sagrifiċċju. Il-Mulej kien jieħu gost b’din l-offerta iżda dan ġiegħel lil Kajjin jgħir għalih u l-għejra wasslitu biex qatlu. (aqra. . . Ġenesi Kap 4)

Nimxu Id F’Id - Jannar 2024

3


Mill-pinna ta’

Dr Coronato Grech Xi qaddisin fil-qwiel (. . .ikompli mill-ħarġa ta’ Diċembru) Nhar San Mattija (26 ta’ Frar) iżra’ t-tomnija, la mwaħħra u lanqas bikrija. Għall-aħħar ta’ Frar huwa l-aħjar żmien li tiżra’ l-qamħ.

Nhar San Ġużepp (19 ta’ Marzu) jidher il-buqrajq. Għallbidu tar-rebbiegħa tgħaddi l-passa tal-għasafar.

San Mattija

Nhar il-Lunzjata (25 ta’ Marzu ) tiġi l-bilbla u tmur l-alwetta. Għall-bidu tar-rebbiegħa xi għasafar li għaddew ix-xitwa hawn jitilqu, u oħrajn jaslu jew ipassu. (. . .aktar qwiel fil-ħarġa tax-xahar id-dieħel)

4

Nimxu Id F’Id - Jannar 2024


. . .jikteb Ritchie Grech L-Arpa L-arpa hi tajra tal-priża sabiħa u eleganti li taqbad u tiekol il-ħut. Hi tisseqqer u tintefa’ fl-ilma b’kapaċità unika kif taqbad il-priża tagħha. Hi tajra b’saħħitha u kbira b’tul tal-ġwienaħ ta’ madwar 180ċm. Hi waħedha fil-familja Pandionidae. Hi tajra mill-waħdiet li jinstabu madwar id-dinja kollha. Tpassi skarsa minn fuq pajjiżna fil-ħarifa u anke fir-rebbiegħa. Ir-raġel u l-mara għandhom l-istess kuluri. Fil-Bibbja bil-Malti ma tissemmiex l-arpa imma fi traduzzjonijiet bl-Ingliż insibuha inkluża darba biss fil-lista ta’ tajr ‘mhux nadif’ għal-Lhud u għalhekk dan ma setax jittiekel: “Of the birds these are the ones that you will regard as detestable; they may not be eaten, they are detestable for eating: The tawny vulture, the griffon, the osprey. . .” (Lev 11, 13). Din il-lista tinstab fil-ktieb tal-Levitiku u hi ripetuta fil-ktieb tad-Dewteronomju (Dewt 14,11-18). Mhux kwistjoni ta’ għasfur marid jew maħmuġ imma aktar hi waħda mill-ħafna liġijiet li kellhom il-Lhud li tmur lura sa żmien Noè li skont l-istorja kien ordnat minn Alla biex fl-Arka jdaħħal għasafar skont ġenshom, raġel u mara biex joktru.

Din il-kwistjoni tal-ismijiet tal-għasafar hi problema li niltaqgħu magħha spiss fil-Bibbja. Dan għaliex minn ittraduċa l-Bibbja ma kienx xi studjuż kbir tal-għasafar u għalhekk ġew mogħtija ismijiet differenti. Nimxu Id F’Id - Jannar 2024

5


Fatti, tagħrif u figuri li jqanqlu stagħġib. . . u forsi tbissima. Lorraine Maurer mara Amerikana minn Evansville f’Indiana ħadet gost meta sħabha ppreżentawlha kejk sabiħ fl-okkażjoni ta’ għeluq sninha. U kellhom raġun għax Maurer kienet għalqet l-età sabiħa ta’ 93 sena. U iktar sabiħ kien il-fatt li din il-mara kienet għadha taħdem. Fil-fatt Maurer f’Marzu 2017 għalqet 44 sena taħdem ma’ McDonalds. Żewġha kien korra u spiċċa pensjonant ta’ xi ħamsin sena. Hi ddeċidiet li toħroġ taħdem biex il-familja ma tbatix u baqgħet taħdem anke meta għalqet il-65. Wara 44 sena servizz Maurer qalet lil dawk ta’ madwarha: “Ma għandi l-ebda ħsieb li nirtira. Jien nieħu gost niġi għax-xogħol u naf li l-klijenti tagħna jieħdu gost jarawni għax inservihom bi tbissima u bil-qalb.” Xi ħaġa li l-klijenti jaffermaw u għalhekk ingħaqdu mal-kollegi tagħha biex jixtiqulha happy birthday.

6

Nimxu Id F’Id - Jannar 2024


F’Marzu 2017, smajna bil-każ ta’ Shannon Lombardo, mara tad-dar fi New York, li riedet tiġġennen meta ntebħet li bi żball borza tal-karti li kien fiha ċ-ċurkett taż-żwieġ intefgħet fil-borża tal-garbage. Marret b’ġirja fejn jintefa’ l-iskart tal-belt u dawn indikawlha l-post fejn kienu ntefgħu l-boroż taż-żibel tat-triq tagħha. U hi u ħbiebha bdew ifittxu ġo munżell boroż (madwar 700 borża) biex forsi tagħraf il-borża tad-dar tagħha. Kienet kulur bħall-oħrajn iżda kienet marbuta b’żigarella kulur ieħor. U wara li damu sigħat ifittxu rnexxielhom isibu l-borża tal-familja Lombardo u fiha kien hemm iċ-ċurkett ta’ Shannon. Storja li tfakkrek fil-parabbola tal-mara li tilfet id-drakma. Ġesù qalilna li meta sabitha għamlet festa. U din il-festa Ġesù xebbahha lill-mument meta l-midneb isib triqtu lura lejn il-Missier. Li jifraħ bir-ritorn ta’ ibnu.

Nimxu Id F’Id - Jannar 2024

7


. . .jikteb Joe Portelli Il-Gideb It-tfal jibdew jigdbu meta jkollhom madwar sentejn u nofs, meta jibdew jitkellmu u jibnu sentenzi. F’daż-żmien jagħrfu li t-tagħrif li għandhom hu differenti minn ta’ nies oħra u għalhekk jittendu li jistgħu jaħbuh. Meta t-tfal ta’ sentejn jigdbu, għandna niċċelebraw dan il-mument bħala waqt important fl-iżvilupp tat-tarbija. Kemm ix-xjenza tgħin biex anke nimplimentaw ir-regoli tal-morali! Ta’ 8 snin, tista’ tgħid li t-tfal kollha jgħidu xi gidba; dan in-numru jonqos għal xi 60% meta t-tfal ikollhom xi 12-il sena. F’daż-żmien, it-tfal tibda tinteressahom l-etika. U l-gideb jonqos fl-adolexxenza sa meta jkollhom xi 16-il sena. Mela kontra kif xi kultant jaħsbu nnies, t-teenagers huma l-iktar onesti. Meta nibdew nikbru u nrabbu ‘l-għaqal’ (!), nibdew nġibu raġunijiet għax hemm bżonn nigdbu, pereżempju, biex inżommu l-paċi, biex ma nweġġgħux is-sentimenti ta’ dak li jkun u l-bqija. Din l-informazzjoni ġiet minn studji li jsiru fejn tosserva grupp ta’ nies li jkun magħżul bl-addoċċ. Dan hu l-metodu xjentifiku fejn il-grupp (sample) ikun randomized. Bl-fMRI (functional magnetic resonance imaging), jistgħu jaraw il-moħħ jaħdem. Il-parti ta’ quddiem tal-moħħ (frontal lobes) tkun qed taħdem meta persuna tpaspar. U parti oħra tal-moħħ f’forma ta’ lewża (amygdala) tidher tixgħel bl-elettriku wkoll. L-amygdala hi l-post tal-emozzjonijiet. Imma sabu li persuna li tidra tigdeb ma tibqax taħli l-enerġija tal-moħħ fl-amygdala. Din tieqaf tixgħel. Hekk jiġri meta aġir isir drawwa. Għalhekk għandna ninvestu fi drawwiet tajba u nevitaw drawwiet ħżiena.

8

Nimxu Id F’Id - Jannar 2024


Ortografija Maltija . . .niktbu bil-Malti tajjeb X’ suppost għandek tikteb: se niltaqgħu fin-nofsiegħa jew se niltaqgħu fin-nofs siegħa? F’dan il-kuntest, it-tajba hija ‘nofsiegħa’. Għalfejn? Skont id-Deċiżjonijiet 1 tal-Kunsill Nazzjonali Tal-Ilsien Malti, meta ‘nofsiegħa’ niktbuha b’dan il-mod, jiġifieri magħquda, inkunu qed infissru l-ħin li jimmarka 12.30. Allura ‘nofs siegħa’ meta nużawha? Din nużawha meta nkunu rridu nfissru t-tul ta’ ħin i.e. nofs ta’ siegħa. Pereżempju: ‘Huwa meħtieġ li nagħmlu nofs siegħa eżerċizzju kuljum.’

Tagħrif mogħti lilna minn Pristineworks Ltd. Għal aktar tagħrif żuru: http://www.pristineworks.com Nimxu Id F’Id - Jannar 2024

9


Mid-Djarju tal-Qasam Matul ix-xahar ta’ Diċembru l-attività fil-Qasam tiżdied ġmielha u bir-raġun. Sa mill-ewwel jum ta’ Diċembru wieħed seta’ jgawdi t-tiżjin sabiħ li għalih huwa magħruf il-lokal tagħna. Ftaħna wkoll il-presepju uniku li kien f’idejn l-artist James Azzopardi. Wieħed ma setax ma jammirax l-oriġinalità ta’ dan il-presepju artistiku maħdum b’tant sengħa. Nhar l-10 u 16 ta’ Diċembru tellajna l-play Il-Wegħda tal-Milied quddiem sala mimlija bin-nies. Fiha ħadu sehem ’il fuq minn 20 attur. Grazzi u prosit lil dawk kollha involuti f’din il-play li ntgħoġbot sew ma’ dawk li ġew jarawha. Il-kor tagħna ħa sehem f’żewġ attivitajiet tal-Kunsill Lokali filwaqt li fil-15 ta’ Diċembru tajna bidu għan-Novena tal-Milied. Ta’ kuljum kien ikollna novena ppreparata kemm għat-tfal tal-Primarja kif ukoll għalladolexxenti tas-Sekondarja. Taż-żgħar laħaq il-qofol tiegħu bil-premjazzjoni filwaqt li tal-kbar għalaqna b’nofs siegħa adorazzjoni fil-kappella.

10

Nimxu Id F’Id - Jannar 2024


Nhar lejlet il-Milied kellna l-Purċissjoni tal-Bambin. Kienu għexieren dawk it-tfal u adolexxenti li ħadu sehem billi libsu ta’ xi persunaġġ jew suldati u l-bqija. Għalkemm kienet xi ftit tal-kesħa tista’ tgħid li kull min inkiteb ġie biex jagħti s-sehem tiegħu f’din il-manifestazzjoni li tant kienet għal qalb il-Fundatur San Ġorġ Preca. Fiha ħadet sehem ukoll il-Banda Mnarja. L-għada, nhar ilMilied, kellna l-Kunċert filKnisja. Din is-sena l-Kunċert għalaq 20 sena għalkemm qabel il-Kunċert dejjem kien isir il-Programm. Kien kunċert sabiħ ħafna u dan grazzi għas-surmast Antoine Theuma li flimkien mal-Kor u l-orkestra tawna fuq 16-il għanja tal-Milied differenti. Kien hemm ukoll il-poeżiji, il-prietka tat-tifel u play qasira. Nhar it-28 ta’ Diċembru kellna wkoll il-parties tat-tfal filwaqt li fl-aħħar tas-sena kellna wkoll il-Premjazzjoni talKbar fis-Sala. Kien tassew xahar b’ħafna impenji li jħallilek ukoll ħafna sodisfazzjon.

Mark Tista’ taqra wkoll il-fuljett f’forma diġitali. Żur il-Paġna tal-Facebook: http://www.facebook.com/MuseumSubien Nadur u fuq issuu.com/Nimxu Id f’Id Nimxu Id F’Id - Jannar 2024

11


LAFERLA

Call

+356 2122 4405

E-mail info@laferla.com.mt Visit

www.laferla.com.mt

Laferla Insurance Agency Ltd 204A, Vincenti Buildings Old Bakery Street, Valletta VLT 1453, Malta Europe.

Laferla Insurance Agency Ltd. is enrolled under the Insurance Distribution Act, Cap 487 to act as an Insurance Agent for MAPRE plc (MMS). MMS is authorised by the Malta Financial Service Authority (MFSA) under the Insurance Business Act, Cap 403 of the Laws of Malta. Both entities are regulated by the MFSA.


Fuljett maħruġ mill-Museum tas-Subien tan-Nadur


Turn static files into dynamic content formats.

Create a flipbook
Nimxu Id F'Id - Jannar 2024 by Michael Debono - Issuu