Skip to main content

Nimxu Id F'Id - Jannar 2021

Page 1

Ritratt tal-faċċata: Il-Bebbuxu (L-Għakruxu) - jorqod tul is-sajf kollu taħt xi ġebla jew fil-ħitan tas-sejjieħ u jerġa’ joħroġ meta tagħmel ix-xita biex ifittex x’jiekol. Jiekol weraq u ħaxix u biex jimxi jipproduċi l-lgħab (speċi ta’ bżieq) biex jimxi fuqu. Ritratt meħud fit-30 ta’ Marzu 2020 - Martin A ttard


Ħarġa Nru. 491

Għandek Minuta? Nimxu Id F’Id Jannar 2021

Donald DeVault, raġel minn Omaha, f’Nebraska, f’Novembru 2013 irċieva rigal tal-Milied li żgur qatt ma stenna. Il-pulizija ċemplitlu u qaltlu li l-mutur tiegħu – Triumph Tiger – li kien insteraq fl-1953, 46 sena qabel, kien instab. Min serqu rari jekk qatt użah. Imma meta dan permezz tal-ebay kien irnexxielu jbigħu l-Ġappun inqabad mid-dwana qabel ħalla l-Istati Uniti u mir-rekords sabu lil sidu u nnotifikawh. Dakinhar il-mutur kien jiswa 300 dollaru imma llum, peress li hu antik u rari, jiswa fuq 9,000 dollaru. U min serqu daqstant kien ser ibigħu. U ta’ dan il-prezz ried jagħti kont lill-ġustizzja. Donald qal li minkejja li meta nstab il-mutur kellu fuq is-sebgħin sena xorta kien xewqan li jsuqu, biex hekk almenu jgawdih bħala ċittadin xiħ la darba ma setax igawdih bħala żagħżugħ. Kien qisu sab ħabib li kien infired minnu ħafna snin qabel u reġa’ ltaqa’ miegħu wara dawk is-snin kollha. Bid-differenza li kull ħabib ieħor kien jidher ferm differenti wara 46 sena iżda l-mutur tiegħu, li min serqu kien iżommu b’kura, ma wera l-ebda sinjal ta’ xjuħija. Kien għadu fl-iprem snin tiegħu.

Aħna le. Aħna kull xahar li jgħaddi minn fuqna jħalli l-marka tiegħu. Iżda waqt li l-mutur twieled hawn u xi darba ser imut hawn ukoll, aħna nibqgħu ngħixu għal dejjem. Għalhekk il-bniedem hu l-iprem kreatura, għax id-destin tiegħu hu etern. Jalla naħdmu bil-qalb għal dan id-destin. Mhux meta nixjieħu iżda mil-lum.

1


Wirt il-Fundatur Dun Ġorġ ħallielna teżor. . . f’kitbietu

SAN ĠUŻEPP Id-Devozzjoni lejn San Ġużepp Darba San Ġużepp deher lil Santa Margerita ta’ Cortona u qalilha: “Kieku jafu l-bnedmin kemm glorja u x’unur nieħu, meta huma jinvokawni u jsejħuli: O San Ġużepp ta’ qalb safja.” Id-devozzjoni lejn San Ġużepp hija siewja wisq għall-qawwa tiegħu, għall-imitazzjoni tiegħu, għall-benedizzjoni tiegħu, għall-glorja ta’ Alla u tas-Sagra Familja kollha.

Min jagħti ġieħ lil San Ġużepp ikun jagħmel bħal Ġesù Kristu u bħal Marija Santissma li tant qimuh, u beatu min jirrikorri lejh.

Permezz tal-Ittra Appostolika Patris corde Papa Franġisku pproklama s-sena 2021 bħala sena ddedikata lil San Ġużepp. Fit-8 ta’ Diċembru 1870 Papa Piju IX iddikjara lil San Ġużepp bħala l-Patrun tal-Knisja Kattolika. Qegħdin inġibu ħsibijiet mill-ktieb SAN ĠUŻEPP ta’ Dun Ġorġ Preca miktubin lejn tmiem is-snin għoxrin.

2


Stejjer marbuta ma’

Giovanni Battista Montini

San Papa Pawlu VI

Papa Montini kien dejjem jagħmel xi ħaġa speċjali f’jum twelidu. Darba ħallas l-ikla tal-ħabsin kollha fil-ħabs Ruman Regina Coeli. Ried li jkollhom ikla speċjali bl-inbid u d-deżerta. Darba oħra għażel li din l-ikla ssir f’dar fejn kienu jinżammu ix-xjuħ ta’ Ruma. Mhux biss ħallsilhom l-ikla imma ried li jmur personalment iservihom fid-dar imsemmiha għal San Pietru fil-ktajjen. Tgħidx kemm ħadu gost ix-xjuħ bi platt maccheroni li ħejjitilhom is-soru inkarigata mill-kċina. Mhux għal maccheroni fihom infushom iżda għax kien il-Papa nnifsu li wassalhulhom sa fuq il-mejda. Kienet okkażjoni li x-xjuħ baqgħu jiftakru.

Giovanni Battista Montini. . . . . .kien Kardinal Arċisqof ta’ Milan li fil-21 ta’ Ġunju 1963 ġie magħżul bħala l-Papa l-ġdid u ħa l-isem ta’ Pawlu VI. Miet fis-6 t’Awwissu 1978 u ġie ddikjarat qaddis fl-14 t’Ottubru 2018.

3


Fejn imur id-dubbien fix-xitwa? . . .jikteb Dr. Coronato Grech Huwa fatt li fis-sajf ikun hawn ħafna dubbien, waqt li fix-xitwa, speċjalment jekk tkun xitwa kiesħa, ma jkunx hawn. Fejn imur dan id-dubbien? It-tweġiba sempliċi hija li ma jmur imkien. Imut. Jew almenu l-biċċa l-kbira. Imma l-biċċa hija kumplikata daqsxejn iktar minn hekk. Matul ix-xhur sħan tas-sajf, dubbiena adulta, wara fertilizzazzjoni ta’ darba biss mill-insett maskili tad-dubbien kapaċi tbid sa madwar elf bajda matul ħajja ta’ bejn tliet jew erba’ ġimgħat. B’xorti tajba ħafna minn dan il-bajd ma jsalvax għax jiġi mikul minn insetti oħra u brimb. Wara madwar ġurnata il-bajd ifaqqas u joħroġ dudu żgħir bajdani (larva) li aktarx isib mill-ewwel x’jiekol għax id-dubbiena tbid l-iktar fuq ikel, frott, żibel u l-bqija. Wara ftit ġranet id-dudu, li issa jkun fih ftit millimetri, jerġa’ jiċkien, jeħxien u jrabbi qoxra iebsa, daqsxejn kannella. Ġo din il-fosdqa d-dudu jinbidel, u wara madwar ħamest ijiem, joħroġ dubien ġdid, irġiel u nisa, li f’jumejn jew tlieta jsiru adulti u jibdew iċ-ċiklu.

(dan l-artiklu jkompli fil-ħarġa tax-xahar id-dieħel)

4


. . .jikteb Ritchie Grech Il-Ħarruba Is-siġra tal-ħarrub, bl-Ingliż carob tree, hi magħrufa sewwa f’pajjiżna u fl-imgħoddi kienet ħafna aktar komuni. Illum naqset sew għax kemm -il darba tispiċċa vittma tal-iżvilupp u anki għal xi prattiċi xejn sbieħ fejn xi wħud irresponsabbli jagħtu n-nar lill-kampanja. Il-ħarrub hu mill-familja tal-piżelli li hi nattiva għaż-żona tal-Mediterran. Hi siġra li tħaddar is-sena kollha u tikber ħafna anke sa 10 metri għoli. Tagħmel fjuri nisa u rġiel fuq siġar differenti. Il-frotta tagħha, l-imżiewed li jieħdu sena biex isiru, jifformaw fuq siġar nisa biss. Is-siġar irġiel huma magħrufa bħala Ħarrub Bagħli għax ma jagħmilx frott. Hi twarrad fil-ħarifa fejn ir-riħa tal-fjuri rġiel tfewwaħ l-arja. Tikber fil-makkja, fl-għelieqi u fil-widien. Iddaħħlet fl-antik f’pajjiżna u x’aktarx indiġena tal-Lvant tal-Mediterran. Hu kurjuż il-fatt li ma tantx tissemma fil-Bibbja ħlief fil-parabbola tal-iben il-ħali fejn l-iben iż-żgħir spiċċa jieħu ħsieb il-qżieqeż u xtaq kieku jiekol l-imżiewed tal-ħarrub tant kemm kien bil-ġuħ. Dan juri wkoll li ma kienx f’art Iżrael għax il-Lhud ma jiklux il-laħam tal-ħanżir (Lq 15,16). L-imżiewed tal-ħarrub ġieli jissejħu wkoll ‘ħobż ta’ San Ġwann’ għax skont tradizzjoni ta’ xi Nsara San Ġwann il-Battista kien jiekol il-ħarrub fid-deżert (forsi riferenza għall-għasel selvaġġ/tad-deżert li jissemma fil-Vanġeli).

5


Fatti, tagħrif u figuri li jqanqlu stagħġib. . . u forsi tbissima. Ditta Ġermaniża li tagħmel fresheners biex jitpoġġew fit-toilets ħalli joqtlu kull riħa li ddejjaq ġiet f’ħafna inkwiet meta dawn il-fresheners tathom iż-żewġ kuluri tal-bandiera tal-Ukraina – blu u aħdar. Dan il-pajjiż qies dan b’disprezz u kien ser jieħu azzjoni kontra d-ditta Henkel kieku din ma aċċettatx li tneħħihom mis-suq u twiegħed li fil-futur se żżewwaq il-fresherners b’kuluri oħra.

F’Lulju 2013 il-familja Schwandt li joqogħdu f’Michigan ferħu għat-twelid ta’ tarbija oħra fil-familja. Kien it-tnax-il wild u ħutu kollha huma subien. Oħt il-missier għandha wkoll familja kbira. . . 10 ulied u tagħha wkoll huma kollha subien.

6


Ħallelin f’Kaliforna f’Lulju 2013 daħlu f’dar li kienet tqassam l-ikel lil min ikun fil-bżonn u ħadu flus, ċikkulata, boroż tal-ħelu u xi kompjuters. Iżda xi sigħat wara l-ħallelin reġgħu ħadu kollox lura u mal-affarijiet misruqa għamlu nota qasira li kienet titlob skuża għax ma kinux jafu li d-dar kienet tqassam l-ikel lill-foqra. Li tisraq hu dejjem ħazin imma almenu l-ħallelin urew li kien fadlilhom ftit ħniena f’qalbhom għax f’kull midneb hemm it-tajjeb u jekk kapaċi jagħtih ftit ċans, it-tajjeb kapaċi jegħleb kull ħażin li l-bniedem ikun fih.

Tista’ taqra wkoll il-fuljett f’forma diġitali. Żur il-Paġna tal-Facebook: http://www.facebook.com/MuseumSubien Nadur

7


It-Tiġieġa u Jane Goodall Ommi Vanne ħaditni għand omm missieri, Mrs Nutt. Jien kont insejħilha Danny Nutt għax ma kontx naf ngħid Nanna. Kien għad kelli 4 snin. Dan qed ngħidu fl-1938. Wieħed mix-xogħlijiet tiegħi kien li niġbor il-bajd. Iktar ma bdew jgħaddu l-ġranet iktar bdejt nitħawwad: Fejn fit-tiġieġa kien hemm toqba kbira biżżejjed biex toħroġ bajda? Ħadd ma spjegahieli kif suppost. Għalhekk jien iddeċidejt li niskopriha waħdi. Mort wara tiġieġa u dħalt warajha fil-kamra żgħira tal-injam imma din għajtet waħda mbeżżgħa u telqet bilġri. Moħħi żgħir irraġuna li mela ridt inkun hemm jien l-ewwel. Għalhekk tkaxkart ġo kamra oħra tat-tiġieġ u qgħadt nistenna kwieta f'rokna moħbija fit-tiben. Fl-aħħar tfaċċat tiġieġa li għamlet ħofra fit-tiben u qagħdet qroqqa eżatt quddiemi. Wara xi ħin din qamet ftit u l-bajda tfaċċat minn ġor-rix minn ġo saqajha. F'daqqa waħda plop! u l-bajda llandjat fuq it-tiben. Bi ħsejjes ta' ferħ it-tiġieġa farfret rixha u mbuttat il-bajda b'munqarha. Imbagħad telqet. Mimlija b'eċċitament, ħriġt u ġrejt lejn id-dar. Kien kważi dalam. Kien ilni fil-kamra 4 sigħat. Paniku d-dar kollha! Tifla ta' 4 snin mitlufa għal 4 sigħat. Kienu anki sejħu lill-pulizija. Imma ommi ma ċanfritnix. Rat għajnejja jiddu u qagħdet tismagħni nirrakkonta l-għaġeb tal-bajda tillandja fuq it-tiben. Din l-istorja tirrakkontaha Jane Goodall u tgħid li ommha għenitha taqbad it-triq biex issir naturalista. Illum Jane Goodall famuża mad-dinja kemm urietna fatti fuq iċ-chimpanzees.

8


Niktbu bil-Malti tajjeb. . .

Ortografija Maltija

Kont taf li fil-Malti nittraduċu ‘barren land’ bħala ‘art ħawlija’? Tista’ wkoll tuża ‘art mhux għammiela’. Meta niltaqgħu ma’ biċċa art fejn il-veġetazzjoni tkun skarsa ħafna minħabba kundizzjonijiet ambjentali ostili bħal ħamrija aċiduża, tossika jew mhux fertili, żieda fis-salinità tal-ħamrija, l-erożjoni tal-ħamrija, esponiment għal irjieħ qawwija u kundizzjonijiet klimatiċi mhux favorevoli oħra, insejħu dik l-art ‘ħawlija’ jew ‘mhux għammiela’ peress li ssir infertili u maż-żmien ma tkomplix tikber veġetazzjoni.

Tagħrif mogħti lilna minn Pristineworks Ltd. Għal aktar tagħrif żuru: http://www.pristineworks.com

9


Mid-Djarju tal-Qasam Ix-xahar ta’ Diċembru kien xi ftit iktar kwiet mis-soltu imma, fl-istess ħin, xahar li ġab miegħu iktar taħbit mix-xhur ta’ qabel. Minħabba l-pandemija kellna nħassru d-Dimostrazzjoni u l-Pageant tal-Milied, kif ukoll il-Play tal-Milied li ntellgħu fis-Sala tagħna. Imma min-naħa l-oħra xorta waħda rajna kif nħejju ruħna biex niċċelebraw kif nistgħu il-festa tal-Milied.

Xorta waħda żejjinna l-Qasam tagħna għat-tfal u adolexxenti tagħna biex nidħlu iktar fl-ispirtu ta’ dan iż-żmien sabiħ. Xorta waħda niżżilna l-bradella bil-benniena ta’ Ġesù Bambin avolja konna nafu li din is-sena l-Purċissjoni ma kinitx ser issir. Xorta waħda għamilna l-Presepju fil-Qasam, xi ftit iżgħar minn tas-soltu, maħdum minn Tonio Grech, avolja konna nafu li l-barranin ma setgħux iżuru l-Qasam. Imma ridna li t-tfal igawdu din id-drawwa tant sabiħa li ilha tant issir fil-Qasam tagħna. Xorta waħda żammejna n-Novena fil-klassijiet tagħna, kemm għall-klassijiet tal-Primarja kif ukoll għal tas-Sekondarja. U xorta waħda kellna Premjazzjoni sabiħa, tal-Primarja li nżammet it-Tnejn u t-Tlieta 21 u 22 ta’ Diċembru u tas-Sekondarja li saret it-Tlieta 29 ta’ Diċembru.

10


Ridna wkoll nagħtu rigal lin-Nadurin. Ta’ kull sena f’Jum il-Milied jittella’ l-Kunċert tal-Milied fil-Knisja li għalih jkun hemm knisja ppakkajta bin-nies. Din is-sena ħsibna biex niffilmjaw dan il-Programm fuq skala iżgħar fil-Kappella tal-Qasam tagħna stess. Ħadna l-prekawzjonijiet kollha fosthom id-direttivi maħruġa wkoll mill-Orkestra Nazzjonali biex kollox isir kif suppost.

F’dan il-Programm kellna l-kant ta’ Carols minn kor magħmul minn 18-il tifel u tifla u 9 mużiċisti, reċtar ta’ poeżiji, Play qasira u l-Prietka tat-Tifel. Il-filming sar fuq medda ta’ jumejn u l-Programm ixxandar għall-ewwel darba nhar il-Milied filgħaxija fuq mnarjalive.com fis-7.00p.m., fl-istess ħin li s-soltu kien jibda l-kunċert. Grazzi kbira tmur lit-tfal kollha li ħadu sehem, lis-surmast Antoine Theuma u lil Paul Portelli li ħa ħsieb l-filming u l-editjar tal-Programm. Kien Kunċert li għinna nidħlu fl-ispirtu tal-Milied b’messaġġi sbieħ għall-familja kollha.

Mark

Nirringrazzjaw. . . Nirringrazzjaw lill-kontributuri kollha li kull xahar jgħaddulna artikli siewja u informattivi għal dan il-fuljett. Nirringrazzjaw ħafna lil ħabibna u old boy tagħna Martin Attard li kull xahar jiddisinja l-front cover ta’ dan il-fuljett. Grazzi mill-qalb.

11


Fuljett maħruĥ mill-Museum tas-Subien tan-Nadur


Turn static files into dynamic content formats.

Create a flipbook
Nimxu Id F'Id - Jannar 2021 by Michael Debono - Issuu