Skip to main content

Il-Hbieb Isejhu - Lulju 2022

Page 1

LULJU 2022 numru 671


+L-Iben t'Alla sar Bniedem

LULJU 2022 numru 671 Pete Paterson kien iħoss li hu tilef l-isbaħ żmien ta’ ħajtu. Waqt li għal żgħażagħ oħra żgħożithom kienet żmien ta’ seħer b’ħafna memorji sbieħ, għal Peter dawn is-snin kienu jġibulu biss dwejjaq u niket. Għax Pete qatta’ żgħożitu l-Vjetnam. Kien pilota u l-ajruplani li kien isuq, flok iwasslu nies fid-destinazzjoni tagħhom, kienu jwasslu biss bombi u qerda. Kien iħares lura lejn dawn is-snin u jiftakar kemm kien ġab imwiet u qerda. Kemm qered ħolm ta’ familji li spiċċaw meqruda mill-bombi li kuljum kien jiżra’. Imbagħad kien jiftakar ukoll fiż-żmien li qatta’ priġunier tal-gwerra meta lajruplan tiegħu kien intlaqat u hu b’xorti tajba rnexxielu jsalva meta ġie sparat mill-ajruplan li kien qed jaqbad u spiċċa nieżel ħelu ħelu bilparachute. Lanqas dan ma kien żmien sabiħ għax il-Vjetnamiżi ma tantx kienu jittrattawh tajjeb. Għalihom kien għadu li ġab biss qerda u mewt. U għedewwa wkoll kienu sħabu bħalu maqbuda priġunieri. Iżda minħabba trattati internazzjonali ma setgħux joqtluhom. Iżda għamlulhom ħajjithom infern fl-art. Sakemm wasal tmiem il-gwerra u Pete sab ruħu ma’ oħrajn lura f’pajjiżu. Dawn il-memorji kien qed ikidduh u wassluh għal dipressjoni qawwija. Sakemm darba ħolom ħolma li dehret impossibbli. Ħolom li jmur lura lejn il-Vjetnam mhux biex jiżra’ l-mewt u t-tbatija iżda biex jgħallem. U meta bejn l-Istati Uniti u l-Vjetnam sar trattat ta’ paċi Pete ħataf l-okkażjoni u applika biex imur jgħallem fi skola Vjetnamiża. Spiċċa għalliem ta’ għexieren ta’ tfal u żgħażagħ. Kien jippreparahom għall-ħajja ferm isbaħ u aħjar minn dik li għex hu u minn dik li għexu wkoll iż-żgħażagħ Vjetnamiżi li bħalu kienu ħadu sehem fil-gwerra. Tolqtok is-sentenza li biha jispiċċa r-rakkont Pete: ‘Il-maħfra u l-imħabba huma l-iprem mediċina għall-memorji iebsa talpassat.’

1


IL-ĦBIEB ISEJĦU/Lulju2022

Jirrakkonta William Buchanan ġrajja li seħħet ħafna snin ilu meta hu kien għadu tfajjel residenti l-ħabs fejn missieru kien direttur. Jgħid li fost il-priġunieri kien hemm ċertu Edwin Garrison li sħabu kienu laqqmuh Big Sweede. Mhux għax kien xi bniedem twil u massiv iżda għax kellu moħħ fenomenali speċjalment fejn tidħol il-matematika. Fil-fatt kien Amerikan u peress li kien tant ħafif biex jaħdem is-somom fi żmien meta ħadd ma kien ħolom bil-calculators Edwin spiċċa ma’ gang ta’ ħallelin li kienu jmexxu casino. Bih magħhom kienu kapaċi jaslu li jkunu jafu ċerti ammonti ħafna qabel l-istess klijenti u f’dak il-ħin mirbuħ kienu jqarrqu kemm jistgħu u jisolħu flus fuq kull min jirfes bieb il-casino. Iżda ħdejn il-casino tagħhom f’Kentucky fetaħ casino ieħor li ħadilhom ħafna klijenti. Il-gang ta’ Edwin ħass li ma setax jikkompeti ma’ dawn is-sidien il-ġodda u f’lejla minnhom marru tawh in-nar.

2

Iżda fil-binja kien hemm l-għassies ma’ familtu martu u ibnu ta’ ħames snin. Il-missier u l-omm ħelsuha


IL-ĦBIEB ISEJĦU/Lulju2022

iżda binhom bela’ ħafna duħħan u miet fgat. Edwin ma kienx jaf li hemm in-nies ġewwa u meta sema’ l-għajjat daħal biex isalvahom. Kien biss dan il-fatt li ħelsu minn mewt fuq is-siġġu elettriku. Iżda spiċċa laqqat sentenza ta’ ħafna snin il-ħabs. Kien hawn li t-tfajjel William Buchanan sar jafu għax id-direttur tal-ħabs missier William kien jieħu lil Edwin ħdejh fl-uffiċċju u jħallih iqatta’ l-ħin jaħdem miegħu. Dak li d-direttur kien jagħmel f’ħafna sigħat Edwin kien jagħmlu f’ħafna iqsar ħin. Beda jsib ħin jgħallem lil William is-sabiħ tal-Matematika u fl-istess ħin jagħtih pariri dwar il-kumpanija li kellu jfittex la jikber għax kien jgħidlu ma’ min tagħmilha bħalu ssir. William kiber u l-ħbiberija ma’ Edwin kibret magħhom. Kien jgħinu fl-istudju anke tal-lingwi iżda l-iktar ħaġa li kienet tgħin lil William kienu l-pariri siewja li tah fuq il-ħajja. Għaddew is-snin u missier William

ġie trasferit għall-ħabs ieħor. Il-ħbiberija ma baqgħetx tant qawwija għax issa Edwin kien kiber, kellu l-familja tiegħu iżda missieru kien iżommu infurmat u Edwin u William ġie li tkellmu ma’ xulxin. Għaddew is-snin u Edwin inħeles mill-ħabs u mar jgħix ’il bogħod minn Kentucky fejn ħadd ma kien jaf il-passat tiegħu u bħalma għamel l-eroj tal-ktieb Les Miserables Edwin kien qisu bniedem ġdid tant li l-komunità fejn mar jgħix kienu jirreferu għalih bħala l-istranġier ġentlom. Tgħid kieku d-direttur tal-ħabs kellu jittrattah b’mod iebes kien ikun hemm dan it-tmiem għall-ġrajja li jirrakkonta William Buchanan?

Ma tħossx int ukoll li aħna l-bnedmin kapaċi noħolqu atmosfera ta’ ferħ u ħbiberija jekk flok ponn magħqud…

3


IL-ĦBIEB ISEJĦU/Lulju2022

DR CORONATO GRECH M.D. itemm l-artiklu dwar:

Bażikament it-tardigradi jikkonsistu f’ras, b’moħħ primittiv, xi ċelloli sensittivi għad-dawl, u ħalq bi snien irqaq; tmien saqajn żgħar b’ganċijiet irqaq fit-tarf, u fuq wara passaġġ minn fejn jgħaddu l-prodotti talmetaboliżmu. Ma għandhomx sistema ċirkulatorja u lanqas respiratorja, għax huma żgħar biżżejjed biex jgħaddu mingħajrhom. Ir-riproduzzjoni hija ġeneralment sesswali għalkemm ġieli asesswali. Ħafna speċi jgħixu għal ħafna xhur u oħrajn għal ħafna snin, għalkemm għad hemm ħafna informazzjoni dwarhom li għadna ma skoprejniex. Pereżempju xi tardigradi li kienu fuq xi ħass niexef ġo flixkun ġo mużew għal iktar minn mitt sena, reġgħu qamu meta mxarrba bl-ilma. Għalkemm jixbhu lill-artropodi (insetti u krustaċi) huma ikklassifikati f’fergħa għalihom... Tardigradi.

Fejn jinsabu? Prattikament kullimkien fejn hemm ilma u umdità, art imxarrba u ħass. Jieklu dawn il-pjanti, bakterja u xi wħud huma wkoll kannibali. X’jiġri jekk aċċidentalment nixorbuhom jew nikluhom? Xejn. L-aċidu li għandna fl-istonku huwa barriera tajba anke għal dawn1. Qatt ma nstabu flippurgar. Madankollu huma l-iktar kreaturi reżiljenti u tenaċi li nafu bihom. Dan għaliex f’kundizzjonijiet differenti kapaċi jbiddlu lmetaboliżmu u l-fiżjoloġija; kif ukoll meta f’kundizzjonijiet tassew ħarxa, kapaċi jingħalqu f’ballun u kważi jieqfu jgħixu. Riċerka wriet li ċerti tardigradi jirreżistu temperatura ta’ 200 grad taħt iż-żero Celcius, jew dik

1. Li juri kemm huwa tajjeb u effettiv l-aċidu fl-istonku. Bħal ħafna affarijiet oħra, huwa meta hemm iżżejjed jew in-nieqes li jkun hemm il-problemi u lmard.

4


IL-ĦBIEB ISEJĦU/Lulju2022

għolja sa 200 grad; kapaċi jkampaw il-pressa tremenda ta’ sitt darbiet iktar minn dik tal-iktar baħar fond; radjazzjoni qawwija u anke vakwu. Fil-fatt jidher li kapaċi jgħixu għal xi żmien anke fl-ispazju2, jew forsi anke fuq pjaneti oħra bħal Mars. U anke f’din id-dinja, kemm ilhom hawn, minn madwar 500 miljun sena kif juru l-fossili, salvaw il-ħames estinzjonijiet kbar li qerdu 99% tal-ispeċi kollha li qatt kien hawn. U jekk iseħħ xi katastrofu naturali jew uman, xorta jibqgħu hawn. Anke jekk nesplodu l-ħażna kollha nukleari li għandna u ninqerdu aħna u tant speċi oħra, ittardigradi jibqgħu hawn, anzi forsi minn jaf fiex jevolvu. Li juru li l-ħajja, ladarba taqbad fuq pjaneta, hija tenaċi ħafna taħt forma jew oħra. Minn analiżi tal-ġenome3 tattardigradi nstab li għandhom

madwar 17% tal-genes li huma minn ta’ kreaturi oħra inkluż minn pjanti u fungi imma l-iktar minn bakterja. Dan huwa persentaġġ għoli ħafna, imma li fil-fatt jagħti t-tardigradi lkapaċità li jirreżistu u jaddataw f’ambjenti li joqtlu lill-kreaturi loħra kollha.

Dawn il-fatturi jagħmluhom kreaturi uniċi fuq din il-pjaneta. Xi kittieba tal-fantaxjenza sa ssuġġerew, b’iktar immaġinazzjoni letterarja minn xhieda xjentifika, li t-tardigradi waslu fid-dinja mill-ispazju ma’ xi meteorita jew kometa, jiġifieri li huma aljeni. U fil-fatt f’ritratti bl-electron micrsocope jidhru qishom xi kreaturi spazjali kif ġieli mistħajla fiċ-ċinema. Hu x’inhu, dawn il-kreaturi strambi juru li l-ħajja hija iktar misterjuża, iktar stramba u iktar tenaċi milli qatt ħsibna.

2. Fil-2007, f’esperiment tal-ESA (European Space Agency) 3000 tardigradi għexu sa 12-il ġurnata f’orbita mad-dinja esposti għall-vakwu u r-radjazzjoni talispazju. 3. Il-materjal kollu ġenetiku.

5


Risposti

L-attitudni Illum ħafna jqisu lil Napuljun bħala ġenju militari. Li ma jafux dawn it-talin hu l-fatt li meta kien fl-iskola militari, Napuljun ġie fit42 post minn 58 student. Ma tantx intebħu l-għalliema tiegħu b’dan il-ġenju. Jiswa għalhekk li ma nħallux xi forma ta’ fjask jikkondizzjonana għax fl-aħħar mill-aħħar ilbniedem jasal mhux għax ta’ madwaru jaħsbu li ser jasal iżda għax hu ikun irid jasal.

6

Bob Hope kien wieħed mill-iktar kummidjanti famużi Amerikani fis-snin sittin u sebgħin tas-seklu l-ieħor. Billi kienu jafu li hu ħabib kbir ta’ Ronald Reagan staqsewh jekk hux ser jirċievu xi post fl-amministrazzjoni u Bob wieġeb hekk: “Iva lili ser jagħmilni ambaxxatur talBermuda Triangle (hija dimensjoni fittizja, ma teżistix.)” U kompla jgħidilhom: “U lil ħabibi Frank Sinatra ser jaħtru ambaxxatur għallVatikan imma mbagħad ilVatikan jkollu żewġ papiet. (Għax skont Bob, Sinatra kien xi ftit pompuż).


IL-ĦBIEB ISEJĦU/Lulju2022

Gandhi Jgħiduhom fuq Gandhi… hux veri ma nafx. Imma żgur li jwasslu tagħlima.

Tentazzjoni ta’ qdusija Wieħed mar fejn ir-raġel t’Alla u qallu: “Qed nilbes l-abjad biex niftakar li rrid ngħix pur, qed niekol biss ħaxix u ma mmissx laħam ma’ ħalqi u qed norqod fuq it-tiben!” U r-raġel t’Alla staqsieh: “U għaliex qed tagħmel dan kollu?” “Għax qbadt it-triq talqdusija.” Ir-raġel t’Alla pront urieh żiemel abjad u qallu: “Anke dan liebes l-abjad, jiekol il-ħaxix u jorqod fuq it-tiben imma ma naħsibx li beda xi triq għall-qdusija!” Għax il-qdusija hi ħajja tajba mhux pożi u reċtar.

Meta dan il-mexxej Indjan kien lIngilterra jistudja għal avukat, kien hemm professuri li kienu jġibuh ħafna. Oħrajn ma tantx kien jinżlilhom u kienu jqisuh ċittadin tat-tieni klassi. Darba wieħed minn dawn talaħħar fuq il-komponiment ippreżentat minn Gandhi kitiblu biss il-kelma ‘idjota’. Gandhi mar ikellmu u qallu: ‘Sir iffirmajtli l-komponiment iżda nsejt tagħtini marki tiegħu.’ Darba waqt l-ikel inzerta ħdejn student li assolutament ma riedx li jkollu x’jaqsam ma’ studenti Indjani u għalhekk bil-herra qallu: “Sur Gandhi kun af li lħnieżer u l-għasafar ma joqogħdux ħdejn xulxin.” U Gandhi qallu: “Mela ħa ntir minn hawn!” U dlonk mar fuq mejda oħra.

7


IL-LAQGĦA TA’ ĠUNJU Kellemna Mons Arċipriet Jimmy Xerri u fassal il-lezzjoni fuq sentenzi li kien iħobb jgħid Dun Mikiel Attard. Fil-ġimgħat li ġejjin il-fdalijiet tiegħu għandhom jittieħdu miċ-ċimiterju f’Ta’ Kenuna għal Ta’ Pinu – post li kien ħafna għal qalbu. Xi ħadd kien ġibed l-attenzjoni lil Dun Mikiel li jħobb jirrepeti ħafna l-istess frażijiet. It-tweġiba tiegħu kienet li qed jagħmel bħal tar-reklami… jibqgħu jirrepetu sakemm iwasslulek il-prodott tagħhom. ‘Tbissima toħloq atmosfera smewwija iktar minn geddum imdendel’ – meta nuru u naqsmu l-ferħ flimkien inkunu qed ngħixu fl-atmosfera li jridna Alla. ‘Ħobb lil min isallbek’ – bħala segwaċi ta’ Kristu rridu nagħmlu bħalu… inħobbu anke lil min jagħmlilna ħajjitna diffiċli. ‘Jekk ma nħaddnux l-għuda tassalib bħal Ġesù, ma’ Ġesù u għal Ġesù, ikollna nħaddnu l-għuda ta’ Ġuda meta nċedu għallpassjonijiet ħżiena, passjonijiet ta’ korla, ta’ żina u l-bqija.’ ‘Prayers always work but in His time, His way, His speed’… imdorrijin li kollox irriduh xħin

8

komdu għalina imma t-talb ma jaħdimx hekk – ‘Prayers always work, in away or another’. ‘X’hemm f’qalbek jgħodd u mhux dak li jaħsbu n-nies’…kif jarana Alla huwa aktar importanti minn kif jarawna n-nies. ‘Ilkelma t’Alla hija time bomb u għad tolqotna xħin u kif irid Alla’ – ara kemm stejjer ta’ qaddisin li daru għall-ħajja t-tajba meta laqtithom xi kelma mill-Bibbja. ‘Meta tkun tittratta ma’ xi bniedem diffiċli trid tidħol b’tiegħu u toħroġ b’tiegħek.’ B’dan Dun Mikiel kien irid jgħid li trid issemmi xi ħaġa li togħġob lilu u mbagħad tagħti tagħlima jew korrezzjoni li jkollu bżonn. ‘Fejn żbaljajt agħmel fullstop u mbagħad ibda fresh line.’ Ħafna drabi nsibuha diffiċli ħafna li naħfru lilna nfusna. Hemm min jibqa’ jqerr affarijiet ta’ ħafna snin qabel. Alla mhux hekk. Meta nindmu jinħafrilna u ma jerġax isemmilna d-difetti tagħna. Meta kien marid kien jgħid, ‘Li jrid Alla, irridu jien’. Kif ukoll ‘Kemm hu veru li altru paroli u altru fatti. Waqt il-mard ħassejt umiljazzjoni. Kemm sibtha bi tqila li ngħix il-paroli li kont ngħid.’ L-Arċipriet temm illaqgħa b’talba li kien kiteb Dun Mikiel u li tiġbor ħafna l-


IL-ĦBIEB ISEJĦU/Lulju2022

filosofija ta’ ħajtu, ‘O Ġesù Rxoxt ħaj u attiv, agħmel li nibqa’ żagħżugħ, jiġifieri ottimist, bi tbissima fuq fommi, attiv u moħħi miftuħ fis-servizz tiegħek’. Nirringrazzjaw lil Mons Arċipriet Jimmy Xerri li ġie jiltaqa’ magħna u ma’ dawk li jattendu għal din il-laqgħa. Nittamaw bi sħiħ li jkunu aktar li jilqgħu din listedina li nibagħtu kull xahar lil numru kbir ta’ Nadurin. Aktar ma nkunu aħjar.

L-awtur Francis Albert Camus għandu dan ilħsieb f’kitbietu: ‘Timxix qabli għax forsi ma nixtieqx insegwik, Timxix warajja għax forsi ma nixtieqx immexxik, Imma imxi ma’ ġenbi biex inkun naf li int ħabibi.’

…GĦAL-LAQGĦA TA’ LULJU Il-laqgħa ta’ Lulju ser issir nhar is-Sibt 2 tax-xahar fit-8.00p.m. peress li l-aħħar quddiesa filparroċċa qed issir fis-7.00p.m. Għandu jiġi jkellemna ħabibna Daniel Meilak u bħala titlu tana ‘L-Għoġol tad-Deheb… ġrajja tas-seklu 18’. Mela ħabib narawk nhar is-Sibt 2 ta’ Lulju fit-8.00p.m. Ejja int u ħajjar lil ħbiebek jattendu wkoll.

9


IL-ĦBIEB ISEJĦU/Lulju2022

[Waqt l-aħħar Ċena Ġesù qal lill-appostli,] “Ngħidilkom is-sewwa, li wieħed minnkom jerħini f’idejn l-għedewwa!” Mattew 26, 21 George Washington bagħat ittra lil martu bid-data tal-4 ta’ Marzu 1797. Inkitbet ftit qabel temm il-Presidenza tiegħu. Washington kien qed jirranġa l-karti, jara x’ser iżomm u x’ser iqatta’. Jikteb lil martu, ‘…Tista’ timmaġina x’ħassejt meta erġajt qrajt l-aħħar ittra ta’ Thomas Paine. Konna ħbieb kbar… u safrattant, għaliex ma ħsibtx li seta’ jkun postmaster general akkużani li jien traditur.’ Bħal Ġesù Washington kien ħassu mweġġa’ li ħabib dar kontrih. Imma kellu jieħu l-aħjar deċiżjoni.

#

Sakemm qed inħalli l-ħbiberiji jżommuni milli nagħmel ittajjeb?

10

Kulħadd kapaċi jieqaf lilloppożitur imma ftit lil ħabib. WILLIAM GLADSTONE


IL-ĦBIEB ISEJĦU/Lulju2022

titwassal aħbar għax mezzi iktar moderni għadhom ma daħlux f’ċerti pajjiżi foqra. L-esperti jiżbaljaw ukoll. U kultant jiżbaljaw bil-kbir… Fl-1894 ilpresident tar-Royal Society talIngilterra William Thomson iddikjara li ma hemmx futur għarradju. Skont dan l-espert, ir-radju ma kellu l-ebda użu la kummerċjali, la nazzjonali u lanqas soċjali. Invenzjoni bla skop u allura jkun ħela ta’ flus li l-gvern jew ilprivat jinvesti fih. Iżda b’xorti tajba ħafna ma qagħdux għal din id-deċizjoni. Xorta baqgħu jfittxu u jesperimentaw u fi żmien ħames snin deher ċar li l-espert William Thomson kien ħa falza stikka. Stazzjonijiet tar-radju bdew jinbtu ’l hawn u ’l hemm fl-Ewropa u flAmerika.

Illum r-radju hu mezz popolari immens u jikkalkulaw li hawn iktar minn 33,000 stazzjon tarradju fid-dinja. F’ċerti postijiet flAfrika hu l-uniku mezz biex

Minn għala William Thomson dan kollu kien jibqa’ mistur u moħbi għax ma kellu l-ebda utilità. L-istess espert kien iddikjara wkoll li ebda ħaġa itqal mill-arja ma tista’ ttir. Sentenza li qatlet kull xewqa għall-ajruplan. Iżda laħwa Wright qajla taw kas x’qal dan l-espert u baqgħu jesperimentaw. U sewwa għamlu! Għax lanqas timmaġina d-dinja tal-lum mingħajr ajruplani. Jikkalkulaw li f’kull mument ikun hawn eluf ta’ ajruplani jtiru madwar id-dinja. Fil-peak hours u peak season ġie li f’mument partikulari jkun hawn 20,000 ajruplan fl-ajru b’mijiet ta’ eluf ta’ passiġġieri fihom. Ara x’dinja differenti kien ikollna kieku l-ħolliema bħall-aħwa Wright semgħu mill-esperti.

U l-istess ġralu min ivvinta ttelephone. Qalulu li kulma kien ħoloq kien ġugarell sabiħ. Iżda ma raw fih l-ebda futur. FilParlament Ingliż xi ħadd qam u ddikjara: “Ma narax post għattelephone f’pajjiżna. Għandna biżżejjed messaġġiera biex iwasslu l-aħbarijiet!” Anke ditti kbar bħall-Western Union iddikjaraw li ma jarawx futur

11


IL-ĦBIEB ISEJĦU/Lulju2022

għat-telephone għax it-telegraph kienet qed taqdihom aħjar, b’inqas spejjeż u b’iktar sigurtà. Folla esperti jiddikjaraw li ttelephone hu bla użu kummerċjali u ftit ħolliema jkomplu jaħdmu u jesperimentaw biex illum ittelephone ssibu kważi f’kull but ta ‘dawk li jgħixu fid-dinja industrijalizzata’.

U dawn l-esperti ma jidħlux biss fid-dinja tal-invenzjonijiet. Jidhlu wkoll fil-ħajja tal-individwi. Bħalma daħal fl-istorja sid ta’ dar tad-diski li meta sema’ lil Elvis Presley ikanta għall-ewwel darba fl-1954 tah parir: “Ħabib, aħjar tibqa’ ssuq xi trakk għax vuċi m’għandekx”. Iżda Elvis ma qatax qalbu u wara ftit snin min tah dak il-parir kien jistħi jgħid x’qal lil Elvis. Għax dan iżżagħżugħ sar wieħed mill-iktar kantanti popolari li qatt kellha ddinja. Il-kult lejh għadu sal-lum

12

qawwi fost il-miljuni ta’ fans li kienu ffissati fih u fil-vuċi tiegħu. Is-sid tad-diski kellu opportunità li jistagħna kieku aċċetta lil Elvis u tah ċans. Għażel li flok isaqqi xitla li kienet qed tikber, jisħaqha u jeqridha qabel twarrad. B’telf fenomenali għad-dar tad-diski li kien jirrappreżenta.

U l-istess jista’ jingħad għal dak il-manager li meta sema’ lBeatles idoqqu u jkantaw qalilhom li t-tip ta’ mużika li kienu jipprovdu ma kienx hemm wisa’ għaliha fid-dinja tad-diski u għalhekk għalqilhom il-bieb. Imma l-Beatles baqgħu jdoqqu, ikantaw u jistinkaw sakemm sabu min jaċċettahom. Illum nafu kemm kien żbaljat il-manager li flok tahom imbuttatura għażel li jiżgambettahom. Tilef teżor kummerċjali enormi. Meta l-bniedem ikollu ħolma f’qalbu jiswa li ma jħalli lil ħadd jeqridhielu bi kritika distruttiva. Anke jekk dan ikollu isem ta’ espert u jilgħabha li hu awtorità.


Turn static files into dynamic content formats.

Create a flipbook